'Tgħid hemm xi aġenda moħbija biex dan il-post ma jibqax ġnien u jintuża għal xi ħaġa oħra?'
Il-viċi sindku taż-Żebbuġ Għawdex tgħorku għajnejh dwar ġnien li tħalla jiżdinga f'daqqa waħda
Il-viċi sindku taż-Żebbuġ Għawdex, Daniel Cordina, fuq is-sit tiegħu ta' facebook tefà domanda li qed turi illi qed tgħorku għajnejh li jista jkun hemm xi proġett moħbi. Dan hekk kif ġnien li s-soltu l-gvern jieħu ħsiebu, qed jitħalla jiżdinga ruħu. Daniel Cordina hu msemmi li fejn jidħol l-ambjent, speċjalment ta' żoni fejn għandu x'jaqsam hu magħhom jsemma leħnu tant li kien anke ġie mhedded meta kien għadda xi lmenti dwar gabbana.
Daniel Cordina kiteb hekk:
"Dan il-ġnien żgħir li jinsab fiċ-ċentru ta' Marsalforn, fejn jieqfu l-'buses' kollha tal-linja, sa ftit żmien ilu kien jinżamm fi stat tajjeb ħafna mill-ħaddiema tal-ELC inkarigati u mħallsa mill-gvern ċentrali li qabel kienu jieħdu ħsiebu. Iżda issa jinsab żdingat. X'inhi r-raġuni li tħalla hekk? Jixraq li dan jinżamm tajjeb aktar u aktar meta kulmin iżur Marsalforn jarah. Tgħid hemm xi aġenda moħbija biex dan il-post ma jibqax ġnien u jintuża għal xi ħaġa oħra? Nappella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata u jagħtu ħajja lil dan il-ġnien u jerġa jinġieb għall-istat li kien fih qabel bil-pjanti u siġar miżmuma kif suppost. Hekk jitgawda min kulmin iżur Marsalforn.'