'Jekk issir festa tal-ġobon il-gvern jgħin iżda fil-festa tar-Raħal ma jgħinx'

L-isqof Grech ilu snin jitlob biex il-Gvern jgħin lill-festi

“Jekk issir festa tal-ġobon il-gvern jgħin, jekk issir il-festa tal-fjuri ngħinu wkoll, iżda meta ssir festa patronali, dik inħallu lill-komunita tħallas.” Dan qalu l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech li sostna li d-djoċesi Għawdxija tħallas għas-servizzi tal-Gvern kollha, bil-VAT b’kollox mingħajr għajnuna mill-Gvern fiż-żminijiet tal-festi. “Il-kontijiet tad-dawl tat-toroq, tal-meters tad-dawl, tal-pulizija u tal-fire engine li nġibuhom bħala miżuri tas-sigurtà, kollha tħallashom il-Knisja,” kompla jgħid Grech li sostna wkoll li ilu jilmenta dwar dan snin sħaħ.

Kull gvern jirreklama lill-gżira Għawdxija bħala destinazzjoni ta’ turiżmu reliġjuż iżda qatt ma għenu lill-Knisja bl-ebda mod biex torganizza l-festi. “Il-festi jiġġeneraw ekonomija kbira f’kull lokalità, iżda l-piż ta’ dan il-pakkett sħiħ jaqa’ kollu fuq il-komunità, għax hi l-komunità li tipparteċipa anke finanzjarjament biex issir il-festa, barra l-volontarjat li l-lokalità jagħti għall-festa.”

Forsi ftit jafu li f’Għawdex b’differenza għal Malta, il-festi ta’ ġewwa u anke dawk esterni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-parroċċi u tad-djoċesi tal-Knisja Għawdxija, u dan ifisser li l-piż finanzjarju jaqa’ fuq il-kappillani tal-lokal. L-uniċi festi esterni f’Għawdex li ma jaqgħux taħt il-knisja huma dik ta’ San Ġorġ u ta’ Santa Maria tal-belt Victoria li huma responsabbiltà tas-soċjeta Astra u Leone rispettivament.

Hu fatt sagrosant li kull Gvern li kien hawn, dejjem poġġa t-turiżmu reliġjuż fuq quddiem meta ġie biex jippromwovi lill-gżira Għawdxija. Bla dubju li l-festi jiġbdu lejhom eluf ta’ turisti u l-kultura tal-festi qed tagħti kontribut kbir mhux biss lejn is-soċjetà Maltija iżda wkoll għat-turiżmu tal-pajjiż.

 

 

More in G?awdex