“Biex għamilt xogħli Malta, ħlejt tliet sigħat filgħodu u sagħtejn oħra filgħaxija, u dan bil-karozza privata tiegħi”

 “Naf ħafna żgħażagħ li biex isalvaw il-familja, jitilqu xogħol u karriera Malta għal xogħol ta’ kwalità inqas u li jirrendi inqas, però ġo Għawdex” u Għawdex: Ir-riħ beda jonfoħ ...skont Franco Mercieca

Din il-Ġimgħa filgħodu, inżilt l-Imġarr biex immur ix-xogħol Malta mal-vapur tas 6.45am. Però kien imtela’, u għalhekk kelli nistenna l-vapur ta’ wara. Qaluli li billi hemm ir-riħ mill-Majjistral forza 6, il-vapur qed idur wara Kemmuna. Fil-fatt, minn Malta, il-vapur wasal fis-7.30am, sakemm għabba, ħa kwarta u għalhekk tlaqna fit-7.45am. Wara xebgħa baħar fil-fliegu, wasalna fit-8.30am iċ-Ċirkewwa u qbadt triqti lejn l-isptar fejn wasalt fid-9.15am meta kont ippjanat li nkun hemm fis-7.45am.

Ġurnata xogħol niġġieled mal-ħin għaliex kont tlift dik is-siegħa u nofs. Bir-riħ jonfoħ fl-isfond għaddast rasi għax-xogħol delikat tal-għajnejn. Moħħi l-ħin kollu jaħseb fuq it-temp, "Tgħid għadu jdur wara Kemmuna? Tgħid żdied ir-riħ? Tgħid se jkompli jaħdem il-vapur?"

Fil-5.30pm, ċempilli ħabib tal-qalb, u qalli li r-riħ kien żdied, u l-vapur kien għadu jdur ma’ Kemmuna, u se jagħmel l-aħħar vjaġġ għal dakinhar, fis-6.15pm minn Għawdex, u fis-7pm minn Malta. Skużajt ruħi mal-pazjenti u spjegajtilhom is-sitwazzjoni li kelli nitlaq. Dlonk soqt lejn iċ-Ċirkewwa, u fis-5.45pm kont fil-kju għall-vapur, u rajt il-vapur tas-6 jitlaq miċ-Ċirkewwa. Il-vapur li jmiss telaq fis-7pm, u wasalna Għawdex fis 7.45pm.

Gurnata xitwija li fiha, biex għamilt xogħli, ħlejt Malta tliet sigħat filgħodu u sagħtejn oħra filgħaxija u dan, bil-karozza privata tiegħi. Aħseb u ara kemm ħela ħin dak il-ħaddiem Għawdxi li kellu juża t-trasport pubbliku. Ma niskantax jekk iddeċieda li ma jmurx għax-xogħol u jeħodha mill-vacation leave tiegħu!

U dan l-aneddotu jġibni għall-punt. Din kienet ġurnata komuni xitwija. Ġurnata minn 4 sa ħames xhur fis-sena fejn il-maltemp huwa mistenni. Bħala żagħżugħ tagħmel xitwa jew tnejn jew aktar tikkumbatti, però fl-aħħar tiġi f’sensik u tagħmel il-mistoqsija. Trid tibqa’ għaddej b’ħajtek hekk, tikkumbatti biex tmur għax-xogħol? Taħli ħin prezzjuz minn ħajtek biex ikollok karriera, u taqla’ x’tiekol u tgħajjex familja, jew titlaq il-gżira li tant hi għal qalbek biex tgħix Malta u jkollok karriera Malta u tevita t-taħbit tat-traġitt? Jew titlaq xogħlok u tieħu xogħol li jirrendi inqas u mhux ta’ karriera, però ġo Għawdex u qrib il-familja?

Din is-sitwazzjoni, ħafna Għawdxin jaffaċċjawha. Id-deċiżjoni jibqgħu jġorru l-konsegwenzi tagħha għomorhom. Ħafna żgħażagħ mhumiex lesti jitilfu karriera biex joqogħdu Għawdex, u għalhekk jissetiljaw Malta. Dawk li diġà għandhom familja Għawdex, jagħmlu minn kollox biex jinġabru Għawdex. Però Għawdex mhux dejjem joffri l-opportunitajiet li toffri Malta. Nafu minn statistika uffiċjali li f’Għawdex, il-pagi huma inqas. Nafu li Għawdex ftit hemm mobbiltà fl-impjieg għax l-opportunitajiet huma inqas. Ħafna tipi ta’ impjiegi speċjalment aktar ma jkunu speċjalizzati, ma ssibhomx ġo Għawdex.  Naf ħafna żgħażagħ li biex isalvaw il-familja, jitilqu xogħol u karriera Malta, għal xogħol ta’ kwalità inqas u li jirrendi inqas, però ġo Għawdex. Din id-deċiżjoni taf tittormentahom ħajjithom kollha.

Dan it traġitt bejn Malta u Għawdex huwa l-unika kuntatt mal-bqija tad-dinja għal kull residenti ġo Għawdex. Bħala politiku, għandi dmir li ntejjeb il-ħajja ta’ kull Għawdxi, u għalhekk, l-aċċessibbiltà hija prijorità.

Titjib fl-aċċessibbiltà jwassal għal aktar opportunitajiet għar-residenti Għawdxin li jaffaċċjaw ħafna żvantaġġi ħajjithom kollha. L-għażla fl-edukazzjoni primarja u sekondarja hija limitata, waqt li dik terzjarja hija kważi ineżistenti. Bħala attivitajiet extra kurrikulari, huma limitatissimi għal dawk l-aktar komuni. Għalhekk, minn ċkunitna, l-opportunitajiet huma limitati, aħseb u ara xħin naslu għall-qasam tax-xogħol. Fl-opinjoni tiegħi, aktar ma teduka lil uliedek, inqas għandek ċans li wliedek jibqgħu joqogħdu Għawdex. U hekk, għadna lanqas bdejna nsemmu l-isfidi li għandna biex noqogħdu ġol-gżira t’Għawdex.

B’dawn l-iżvantaġġi kollha, l-Għawdxi jibqa’ ċittadin tat-tieni klassi. L-Għawdxi, matul is-snin ġie tallab tal-politiku biex jaqla’ l-għajxien ta’ kuljum. Mhux ta’ b’xejn li wieħed minn kull tliet xogħolijiet f’Għawdex hu mal-Gvern, waqt li ġo Malta l-proporzjon huwa ta’ 1:4. Is-settur privat, mhux la kemm jikber, u dan minħabba l-problema tal-aċċessibbiltà. Liema investitur Malti jew barrani se jirriskja flusu fis-sitwazzjoni fejn it-traġitt ma tistax torbot fuqu, u jaħlilek ħafna ħin?

Ix-xewqa tiegħi hi li l-Għawdxi jkollu l-istess opportunitajiet ta’ edukazzjoni, xogħol u servizzi oħra. U għalhekk, titjib fl-aċċessibbiltà għal Għawdex hija prijorità biex intejbu l-opportunitajiet għar-residenti f’Għawdex. Il-mina proposta u maqbula bejn iż-żewġ partiti ewlenin twassal għal titjib konsiderevoli fl-aċċessibbiltà u għalhekk, fl-opportunitajiet għalina u għal uliedna. Però Għawdex dejjem jibqa’ gżira bil-karatteristiċi uniċi tiegħu, u bl-isfidi tiegħu. Il-mina mhix ħa telimina li Għawdex ma jibqax gżira però tnaqqas ħafna mill-insularità doppja li qed tillimita lil Għawdxi u lil Għawdex milli jikbru.

More in G?awdex