L-ibburdjar u ċ-ċess fost id-dixxiplini ġodda li se jiġu mgħallma lit-tfal Għawdxin

Open day tal-ibburdjar nhar is-Sibt 21 ta' Novembru fil-port tal-Imġarr

“It-tfal Għawdxin  se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu kif jibburdjaw u meta wieħed iqis li Għawdex hi gżira ċkejkna mdawra bil-baħar, żgur li dan l-isport għandu jgħin mhux ftit lit-tfal Għawdxin.” Dan qalu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo waqt li nieda open day li qed tiġi organizzata mill-Gozo Youth Sailing Club b’kollaborazzjoni ma’ On the Move SkolaSport.

Għal dan il-għan, il-Gozo Youth Sailing Club se jorganizza open day nhar is-Sibt 21 ta’ Novembru fil-port tal-Imġarr bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar għat-tfal, kemm subien u kemm bniet, bejn it-8 u 16-il sena.

F’din il-ġurnata se jkun hemm kors bażiku ta’ introduzzjoni dwar l-ibburdjar, prattika fuq il-baħar u logħob fuq l-art. Dan kollu biex tfal jitħajru aktar jipparteċipaw f’dan l-isport f’Għawdex.

M’hemm bżonn l-ebda esperjenza, iżda t-tfal iridu jkunu jafu jgħumu u jridu l-firem tal-ġenituri jew gwardjani tagħhom biex jieħdu sehem.

Iżda dan mhux kollox, għax il-Gozo Sports Board ħa ħsieb biex din id-dixxiplina tibda tiġi mgħallma wkoll fl-On The Move SkolaSport, bit-tfal ikollhom anke ħin jinżlu jippratikaw dan l-isport ġdid. 

Dan kollu jista’ jsir għax l-Imperial Gozo Yacht Club ibbenefika minn total ta’ aktar minn €40,000 mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-iskema tal-Eco Gozo għall-NGOs. Dan għal proġett li huwa mmirat għal tfal bejn it-8 u s-16-il sena. B’din is-somma nxtraw dinghies, dgħajjes li jintefħu, life jackets u tagħmir edukattiv u għas-sigurtà li għandhom jgħinu biex jiġu mħarrġa dawn it-tfal u żgħażagħ Għawdxin.

Dan ikompli jkabbar id-dixxiplini sportivi li qed jiġu mgħallma fl-On the Move SkolaSport wara li l-assoċjazzjoni tat-tennis offriet is-servizzi tagħha, flimkien mal-ibburdjar u issa anke ċ-ċess fejn Slovakka, organizzatriċi ta’ tournaments internazzjonali offriet li tgħallem il-logħba taċ-ċess lil Għawdxin sew fi SkolaSport  kif ukoll fl-iskejjel.

Il-Ministru Refalo tenna li dan ifisser ukoll li l-Ministeru għal Għawdex kellu viżjoni ċara meta ħoloq il-Gozo Sports Board għax jidher biċ-ċar li d-dixxiplini sportivi dejjem qed jinbtu u jikbru.  It-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin qed isibu aktar lok fejn jiddedikaw l-ħin liberu tagħhom fi sport differenti li jgħinhom jikbru b’saħħithom, kif ukoll mil-lat psikoloġiku.

Il-Ministru Refalo tenna li l-Ministeru għal Għawdex jemmen li l-iskola u l-isport jimxu id f’id għax huma mera ta’ xulxin.

More in G?awdex