‘Inħlew 3 snin biex morna lura minn fejn bdejna’ – Chris Said
“Issa fil-baġit f’daqqa waħda, tfaċċa li se mmorru lura tliet snin għax il-mina hi aktar fattibbli. Xi ħaġa diġà stabbilita mill-Gvern tal-PN”
Hu fatt magħruf li din l-idea tal-mina bdiet minn meta Chris Said kien responsabbli mill-korpi kostitwiti bħala Ministru u kien ħoloq il-kumitat tal-MCESD f’Għawdex. “Kien f’dawn il-kumitati li kien iqum l-argument dwar l-aċċessibbiltà f’Għawdex u ddeċidejna li nibdew studju dwar ‘sub sea tunnel’. Kienet ovvja mill-ewwel, li pont kellu wisq żvantaġġi ambjentali, fejn riedu jinħolqu toroq apposta għalih, u dan apparti d-dehra tiegħu hekk kif kien jeħtieġ jgħaddi minn fuq Kemmuna. Allura morna mill-ewwel għal mina fejn rajna x’qed jiġri fil-pajjiżi Nordiċi bħan-Norveġja u anke l-gżejjer Faroe, fejn hem erba’ gżejjer li bejniethom għandhom l-istess popolazzjoni t’Għawdex u huma kollha huma aċċessibbli b’mini.”
Said kompla jgħid lil dan il-ġurnal li jiftakar kif dak iż-żmien, “tkellimt mal-Prim Ministru Gonzi u flimkien mal-Kabinett aċċetta li nibdew proċess tal-istudju. Dan kien fl-2011, u sussegwentement f’April 2012 ħareġ rapport ta’ Mott McDonald li kien imħallas kollu mill-Ewropa.” Dan huwa l-istess rapport li l-Gvern preżenti uża biex seta’ jasal għall-għażla ta’ mina bejn il-gżejjer.
“Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Gvern Nazzjonalista kien iddeċieda li jmur għall-pass li jmiss, jiġifieri l-‘full feasibility study’ li jidħol fl-aspetti kollha, ambjentali, soċjali, ekonomiċi, ġeoloġiċi u l-ispiża tal-istess proġett.”
....imbagħad inbidel il-Gvern
“Inbidel il-Gvern u 3 xhur wara l-elezzjoni, iddeċieda li flok ikompli fuq dak li kien sar, imur lura għall-pont.” Huwa fakkar kif f’Ġunju tal-2013, fil-preżenza ta’ Anton Refalo, ġie ffirmat ftehim ma’ kumpanija Ċiniża b’possibbiltà li tibnih hi.
“Għaddew sentejn u nofs u ma ssemma xejn iżjed. Issa fil-baġit f’daqqa waħda, tfaċċa li se mmorru lura tliet snin għax il-mina hi aktar fattibbli. Xi ħaġa diġà stabbilita mill-Gvern tal-PN. Inħlew tliet snin u erġajna morna lura minn fejn bdejna.”
Chris Said qal li l-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kien qed iħares lejn Għawdex b’viżjoni fit-tul fejn kien jaf li l-vapuri kien baqgħalhom biss 10 snin ħajja u allura ried jibda proċess għal aċċessibbiltà alternattiva. “Xorta jridu jibqgħu servizzi bil-vapur, jiġri x’jiġri, ssirx il-mina jew le. Jien nappella li m’għandux jinħela aktar żmien u jibda l-istudju li hemm bżonn u dak kollu neċessarju għal dan il-proġett. L-istudji m’għandhomx ikunu biss ġeoloġiċi, iżda wkoll dwar kif se jaffettwa l-ħajja tal-Għawdxin u ta’ Għawdex,” kompla x-shadow minister għal Għawdex.
Il-PN huwa konsistenti fil-kwistjoni
Said kompla jgħid li l-Oppożizzjoni hi konsistenti f’dan il-qasam, “Imsemmi fil-programm elettorali speċifikament. Meta l-gvern mar għal pont konna għamilnieha ċara li ma naqblux, u ż-żmien tana raġun.”
Imma mhux kollox ward u żahar, tirrimarka l-ILLUM. Il-fatt li tinbena mina jista jfisser it-tmiem ta’ benefiċċji għall-istudenti Għawdxin, fosthom dik ta’ €1,500 f’għotja, aktar minn dawk il-Maltin li jattendu l-Università. Jista’ jkun ukoll li ma jkunx hemm bżonn aktar ta’ Ministeru speċifiku għal Għawdex, għax dan isir distrett kwalunkwe bħat-12 l-oħra.
Iżda Said ma jaqbilx. “Jekk isir dan il-proġett, jiffaċilita l-ħajja tal-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta. L-istudent irid iqis li issa ma jkollux għalfejn jikri jew jixtri post Malta biex jistudja l-Università għax ikun jista’ jirritorna lura d-dar b’faċilità. Jista’ biss jingħata għajnuna fuq in-noll li jħallas biex jgħaddi mill-mina.”
Lanqas ma jaqbel dwar ir-riskju li Għawdex jitlef Ministru speċifiku għalih, u jfakkar kif “Għawdex xorta tibqa gżira b’karatteristiċi uniċi tagħha. Id-differenza hija li llum hemm il-vapur biss imma jekk ikun realizzat dan il-proġett, ifisser li jkun hemm mezz ieħor alternattiv li jeħodlok inqas ħin.”
Anton Refalo kien kontra u bil-provi
Chris Said kompla jgħid li meta tliet snin ilu ħareġ bl-idea tal-mina, kien hemm min fl-Oppożizzjoni Laburista li kien favur, “bħal Franco Mercieca. Kien hemm ukoll nies min-naħa tal-gvern Nazzjonalista li kienu xettiċi, iżda Anton Refalo kien qal li ma kienx jaqbel, u qal ukoll li ma jistax jiġi realizzat. Hu kien anke jipprova jirredikola l-proġett fejn nikkwotalek minn The Times ta’ dak iż-żmien, li kien qal hekk:
‘“Would the permanent link mean people from Mellieħa, only 10 minutes away, come to Gozo General Hospital for their medical needs? Will we lose this? We have to see whether Gozo will lose its benefits. These are the things we have to consider,” Dr Refalo, a Gozitan, said.
Addressing the party general conference last night, Dr Refalo criticised the government for proposing a permanent link between Malta and Gozo...’
Iżda aħna spjegajna, u ħafna fehmu li jekk għall-futur irridu nagħtu l-aqwa aċċessibbiltà għall-gżejjer Għawdxin, ridna mmorru għal dan il-proġett. Minn stħarriġ jirriżulta li hemm żewġ terzi tal-Għawdxin favur il-mina u fost il-Maltin hemm maġġoranza kbira kontra l-proġett tal-mina. Iżda l-Maltin iridu jifhmu minn liema diffikultajiet jgħaddi l-istudent u l-ħaddiem Għawdxi li jrid jaqsam kuljum.”
Mistoqsi jekk jibżax li jitlef voti minn dawk li ma jaqblux mal-mina, Said qal “allaħares nagħmlu biss dak li jrebbaħna l-voti. Nifhem lil kulħadd, iżda jien lest li noqgħod fuq il-pariri u l-istudji tal-esperti, u jekk ikun hemm studju li jħalli effett negattiv, inkun l-ewwel wieħed li ngħid li dak li kont naħseb ma kienx sew.”
“Nemmen li mina tagħmel tibdil sostanzjali fil-ħajja tal-Għawdxin. Iżda rridu noħolqu dibattiti validi u maturi wara li jitlestew l-istudji kollha biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni.”
Said hawnhekk jikkritika lill-Gvern preżenti li għalkemm ħaseb fuq aċċessibbiltà għat-tul, f’dan il-baġit nesa l-kwistjonijiet ‘short term’, “Il-Fast Ferry Service wara li ssemmiet f’żewġ baġits, issa sparixxiet, l-airlink li tista’ ssir aktar malajr, sparixxxa wkoll għax qal li mhix prijorità.”
Dejjem il-PN kellu viżjoni għal Għawdex
Said temm jgħid li kien“dejjem il-Partit Nazzjonalista li kellu viżjoni għal Għawdex f’kull qasam. Kien il-gvern Nazzjonalista li bena vapuri ġodda, għamel żewġ terminals u t-toroq arterjali li jwasslu għalihom, fejn investejna €140 miljun fl-aċċessibbiltà. Il-proġetti kollha li qed jinfetħu bħalissa kollha nbdew mill-Gvern Nazzjonalista u għamlu sew li dan il-Gvern kompliehom, bħaċ-Ċittadella, Iż-Żewwieqa Waste Transfer, Menqa, Xlendi Master Plan u oħrajn. Ara l-Gvern Laburista, fi tliet snin ma ħoloqx proġett wieħed li hu wieħed. Dan gvern li jaħdem biss ‘day by day’,” temm jgħid Chris Said.