Thomas Bajada: Il-ħidma ta’ żagħżugħ li jemmen fil-futur tal-gżira Għawdxija

“M’hemm xejn ħażin li jkun hemm aktar fejn tiltaqa’ u tiddeverti, iżda ma nħossx li villaġġ ta’ divertiment turistiku huwa loku f’Għawdex”

Thomas Bajada hu żagħżugħ ta’ 21 sena mix-Xlendi li jinsab fl-aħħar sena tal-Baċċelerat tax-Xjenzi fil-Bijoloġija u l-Kimika. Preżentament jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġeneral tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), Kordinatur tal-għaqda studenteska Pulse fl-Università u rappreżentant tal-istudenti tal-Fakulta tax-Xjenza.

Bħalma wieħed jista’ jara, ħidmet dan iż-żagħżugħ hi bbażata fuq bosta setturi li apparti ħajja impenjattiva, ġġib magħha sens ta’ responsabbiltà kbira, fil-fatt, il-motto tiegħu hu “responsabbiltà li qatt m’għandek tieqaf tagħti kemm tista’ mill-enerġija tiegħek għall-benefiċċju ta’ bosta.”

Meta tiltaqa’ u titkellem ma’ Thomas, mill-ewwel tieħu impressjoni ta’ politiku tal-futur u meta staqsejtu din, il-mistoqsija weġibni ta’ politiku wkoll, “Bħalissa ninsab iffukat fuq il-preżent, jiġifieri fuq l-iffinalizzar tal-Baċellerat, u fuq il-ħidma volontarja tiegħi fost iż-żgħażagħ. Ikun skorrett jekk naħseb dwar dan, għaliex jiddevjani mir-raġuni onesta għalfejn qiegħed nagħmel dan ix-xogħol fil-politika studenteska u taż-żgħażagħ.”

“Bħalissa ninsab, bla waqfien, naħdem flimkien mal-membri tal-għaqda tal-istudenti Pulse, sabiex nagħtu nifs ġdid lill-ħidma tagħha fost l-istudenti Universitarji, fejn nemmen li diġà qed nirċievu riżultati ferm pożittivi dwar dan. Determinat li bl-involviment attiv tiegħi fl-Università ta’ Malta, nagħti dak li għandu bżonn l-istudent: għajnuna meta jkollu diffikultajiet, min jaqbeż għalih, jirrapreżentah u fl-aħħar u mhux l-inqas, ħajja Universitarja memorabbli.”

Mitlub jikkumenta jekk jarax li ż-żagħżugħ Għawdxi hu dejjem imwiegħed futur sabiħ u sal-ġurnata tal-lum baqa’ kollox kif kien, Thomas qal li, “Ġeneralment, il-kelma ‘politika’ għandha konnotazzjoni ma’ żewġ partiti politiċi nazzjonali. Però, din il-konnotazzjoni tħares biss lejn sfera waħda tal-vera definizzjoni tal-kelma, għaliex il-politika hija l-eżerċizzju li tipproteġi u tavvanza l-ideat li bihom għandha tgawdi l-komunità: istituzzjoni edukattiva, raħal, stat, eċċ.  Nemmen li din il-konnotazzjoni impreċiża tbiegħed żgħażagħ interessati li jbiddlu l-politika ta’ pajjiżna, minħabba biża’ mill-fanatiżmu politiku, li sfortunatament jissepara flok jgħaqqad.” 

“Jien nista’ nitkellem dwar żmien riċenti. Nemmen li futur sabiħ għaż-żgħażagħ Għawdxin f’Għawdex jeżisti. It-titjib li qed naraw fuq bosta setturi, speċjalment ix-xogħol, jagħti tama lil bosta. Ovvjament, id-diskussjoni hija jekk dan it-titjib hux qed iseħħ bil-mod wisq jew miexi b’rata sodisfaċenti, però nemmen li qatt ma tista’ ttejjeb kollox f’daqqa, għaliex fit-tul, jista’ jkun ta’ detriment għall-istat, speċjalment il-bilanċ ekonomiku tal-istat.”

Thomas jemmen ħafna fil-fast ferry għaż-żagħżugħ Għawdxi, “Das-servizz jiġi milqugħ minn bosta studenti u ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw ta’ malajr bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta, biex b’hekk taqta’ ħafna mill-ħin tal-ivjaġġar fuq l-art miċ-Ċirkewwa sad-destinazzjoni tal-istituzzjoni edukattiva jew xogħol.”

Fl-aħħar baġit issemma’ ħafna l-bini ta’ mina taħt il-baħar wara tliet snin studju li ma solva xejn li jsir pont flok mina. Bħala student Għawdxi jaħseb li ntilef ħafna żmien għalxejn? “Kien importanti li jsir studju għal pont ukoll, għax b’hekk ikunu evalwati ż-żewġ possibilitajiet. Dawk iż-żgħażagħ, li bħali, jemmnu li din il-proposta hija vitali għall-futur ta’ gżiritna, ma joqogħdux jaraw jekk hux mina jew pont, iżda li dan il-link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer isir. Kif rajna din il-ġimgħa, fil-baġit għas-sena 2016, l-għażla waqgħet fuq mina, minħabba raġunijiet ta’ fattibilità. Ma narahx bħala ħela, ħin li jiġi dedikat fuq studji bħal dawn, li bihom iwasslu għall-vera fattibilità tal-proġett u ma jkunx biss kliem fl-arja.  Ovvjament, aktar mal-istudju jiġu konklużi malajr, ikun aħjar għall-poplu.”

Dwar l-għajta ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, Thomas qal li jemmen f’din l-għajta ta’, “Investiment privat u pubbliku jimbotta ’l quddiem il-possibilità ta’ żieda fix-xogħlijiet f’Għawdex. Proġetti innovattivi, bħaċ-ċentru ta’ kumpaniji fis-sit li kien okkupat mill-MDP, kif ukoll l-investiment minn kumpaniji bħall-RS2, jistgħu jħajru żgħażagħ jaħdmu f’Għawdex, grazzi għal xogħlijiet ġodda li huma innovattivi u varjati.”

Jemmen ukoll li ż-żgħażagħ Għawdxin m’għandhomx joqogħdu lura milli jitħalltu ma’ żgħażagħ oħrajn, waqt studju terzjarji jew korsijiet f’Malta.  “Għax tgħix u taħdem f’Għawdex ma jfissirx li tkun insulat.  Żieda fix-xogħlijiet f’Għawdex twassal ukoll biex żagħżugħ, wara li jiggradwa f’Malta, jirritorna lura f’Għawdex u jġib miegħu dak kollu li sawru f’Malta. Mhux talli din mhix insularità doppja, iżda ma hija insularità xejn.”

Ħafna żgħażagħ Għawdxin tismagħhom jeqirdu li f’Għawdex m’hemmx fejn tgawdi. Dan ifisser li għandu jinħoloq villaġġ tipo Paceville f’Għawdex? “Naħseb li żagħżugħ Għawdxi adatta għat-tip ta’ divertiment f’ Għawdex. M’hemm xejn ħażin li jkun hemm aktar fejn tiltaqa’ u tiddeverti, iżda ma nħossx li villaġġ ta’ divertiment turistiku huwa loku f’Għawdex.”

Thomas kompla jgħid li hu ma jaqbilx meta wieħed jgħid li Għawdex hu presepju, “l-investiment u l-avvanzi li qed naraw huma xhieda li Għawdex adatta maż-żmienijiet u qed jipprogressa.”

 

Iż-żagħżugħ Għawdxi u l-festi.

 

Thomas Bajada barra l-politika u l-ħajja studenteska, għandu għal qalbu l-festa ta’ Santa Marija, tant li hu l-President tal-moviment taż-żgħażagħ fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone u membru tal-Kumitat Ċentrali wkoll. Dwar iż-żgħażagħ Għawdxin u l-festi, Thomas qal, “L-istigmi li jeżistu dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-festi jista’ jxekkel bosta żgħażagħ milli jiddedikaw ħinhom lejn il-ħidma tas-Soċjetajiet tagħna. L-enerġija, ideat ġodda u determinazzjoni li jistgħu joffru ż-żgħażagħ huma imprezzabli u b’hekk huwa imperattiv li nisfidaw dawn l-istigmi u li s-Soċjetajiet jiġġeddu, sabiex jilqgħu fi ħdanhom dawn iż-żgħażagħ li jistgħu jġibu magħhom nifs ġdid. Fost l-istigmi li l-aktar niltaqa’ magħhom, huma li l-każini u l-imħażen huma postijiet fejn jinħela l-ħin, li l-involviment ma jgħallmek xejn għall-futur tiegħek, li hemm kumpanija ħażina u li ma hemm xejn x’tagħmel. Ovvjament dawn huma kollha skorretti u b’hekk jixhed li l-poplu ma jafx dwar il-benefiċċji li tkun parti minn dawn is-Soċjetajiet. Bil-kontribuzzjoni, żagħżugħ jibbenefika minn edukazzjoni mhux formali, li biha jista’ jitgħallem ħiliet, team-building u jikber soċjalment. Ma nistax ninsa li s-Soċjetajiet Mużikali joffru tagħlim b’xejn lil tfal u żgħażagħ tal-istrumenti tal-banda. Nieħdu b’eżempju s-Soċjetà Filarmonika Leone, fejn apparti kunċerti, attivitajiet soċjali, sportivi u teatrali, issib ukoll l-Opra Annwali fit-Teatru Aurora li kumbinazzjoni, lbieraħ filgħaxija, l-istess teatru tella’ l-opra anwali tiegħu b’sala ta’ 1,600 ruħ fully-booked, li attendew għall-Opra La Traviata.”

Nawguraw lil Thomas kull suċċess sew fil-ħajja studenteska tiegħu u anke għall-futur li qed jistennih, sew jekk hu fid-dinja tax-xjenza inkella fid-dinja politika.

More in G?awdex