Problemi relatati mal-qalb huma l-akbar għadu għall-għaddasa

  • F’Għawdex jgħoddsu madwar 40,000 fis-sena u jmutu 3 fis-sena

Dan l-aħħar l-ILLUM ħareġ storja ta’ anzjan Ingliż ta’ 68 sena li miet malli tela’ mid-dawra tiegħu taħt il-baħar. Dan ifisser li min imur jgħodos biċ-ċilindri qed jissogra ħajtu? X’inhi r-raġuni tal-imwiet li ta’ kultant nisimgħu bihom fost l-għaddasa biċ-ċilindri? Ifisser li m’hemmx kontroll? Jew l-iskejjel tad-diving ma jinteressahomx min jogħdos jew le? L-aqwa li jdaħħlu l-flus? Nafu li hemm liġijiet li jirregolaw dawn l-iskejjel tal-bugħaddasa, iżda dawn il-liġijiet qed jiġu mħarsa?

Dawn huma l-mistoqsijiet li tisma meta fuq l-aħbarijiet toħroġ l-aħbar ta’ xi mewt ta’ bugħaddas. Skont statistiċi u figuri juru li l-għadds hu l-aktar popolari f’Għawdex, fejn hemm 10 ‘dive shops’ li kważi lkoll għandhom bejn 20 u 25 sena ta’ esperjenza f’dan ix-xogħol, fejn kollha jimxu mal-proċeduri internazzjonali bħal PADI, BSAC, NAUI u DAN Europe u kollha b’instructors b’esperjenza, fil-maġġoranza tagħhom, barranin.

Dawn barra li kumpaniji tad-diving Maltin ukoll jitilgħu għal ġurnata jieħdu lin-nies tagħhom jgħoddsu f’xi sit f’Għawdex. Il-gżira Għawdxija hi aktar popolari minn dik Maltija mal-għaddasa għall-fatt li meta wieħed imur jgħodos f’Għawdex, jista’ jagħmel dan is-sena kollha, fejn jekk il-baħar ikun qawwi fuq naħa, jista’ faċilment imur fuq il-kosta opposta fi ftit minuti. Għalkemm l-aktar imfittxija hi l-‘blue hole’ fid-Dwejra u r-wrecks li hemm.

Statistika eżatta ma teżistix, iżda l-Malta Tourism Authority fl-ajruport ta’ Malta jistaqsu lit-turisti divers fejn sejrin jew fejn marru, u mill-istatistika miġbura juri li madwar 30,000 jew 40,000 imorru Għawdex kull sena li jfissru 20% tat-turiżmu Għawdxi, u jagħmlu aktar minn żewġt iljieli fil-gżira. Dan juri li d-diving hu importanti ħafna għall-qasam turistiku Għawdxi. Iżda dan ifisser li jgħaddi kollox biex ma mmorrux inkissru dan il-qasam? U Għawdex hu preparat medikament għal dan it-turiżmu?

L-ILLUM tkellem ma’ Dr Mario Saliba l-ispeċjalista responsabbli mill-Hyperbaric Unit ta’ Għawdex li hu speċjalizzat fil-Baro Mediċina u ilu f’dan il-qasam sa mill-1991. It-tabib Saliba qalilna li l-fatt li hemm hyperbaric unit f’Għawdex jgħin għas-serħan tal-moħħ tal-għaddasa, “għax anke biex jagħmlulhom l-assigurazzjoni, il-kumpaniji jkunu jridu jaraw li hemm hyperbaric unit.” It-Tabib Saliba qalilna wkoll li barra l-għaddasa li jgħoddsu taħt il-ħarsien tad-dive shops, hemm oħrajn li jmoru jgħoddsu weħidhom, u li jammontaw għal madwar 5,000 fis-sena. Mistoqsi dwar il-kawża tal-imwiet tal-għaddasa, Dr Mario Saliba qalilna li d-‘diving shops’ qed jagħmlu xogħolhom sew u m’għandhomx tort jekk l-għaddas jiffirma li hu b’saħħtu u ma jkunx. “Huma ma jistgħux ikunu jafu x’kundizzjoni jbati biha l-għaddas. Hu fl-interess tal-individwu li jibża’ għal ħajtu. Il-problema hi li fir-regolazizzjoni m’hemmx checks and balances.

“Jien nirrakomanda li għaddasa li jkollhom ’il fuq minn 50 sena, jkollhom ċertifikat mediku mit-tabib tagħhom personali li jkun jafhom.”

Dan ifisser li l-għadds hu sport perikoluż? “Lanqas xejn. L-istatistika turi li f’dawn l-aħħar 10 snin, kellna l-aktar, tliet fatalitajiet fis-sena. Is-sena l-oħra kellna tlieta f’ġurnata waħda u dis-sena s’issa tnejn. Bejn l-2009 u l-2011 ma kien hemm l-ebda fatalità. L-aktar fatalitajiet ikunu minn għaddasa indipendenti iżda ta’ din is-sena kienu qed jgħoddsu ma’ dive shops. Meta tqis li f’Għawdex ikun hawn 100,000 dive fis-sena, juri li hu sport sigur ħafna, basta tobdi r-regoli tan-natura.”

Mela xi jwassal għal inċidenti fatali? “Il-mard kardijaku hu l-akbar għadu għal min jogħdos. Ġieli jiġri li persuna qas ikun jaf f’liema kundizzjoni jinsab jekk ma jagħmilx testijiet speċjali tal-qalb. Fil-fatt l-instructors isirulhom testijiet speċjalizzati għax dawn ikunu qed jieħdu ħsieb lil min jogħdos. Hemm ukoll l-iżball uman, meta wieħed jiżbalja u jitla’ jgħaġġel jew jinżel wisq fil-fond. Dawk li jbatu bi pressjoni għolja, obeżità, epilepsija, problemi respiratorji, klawstrofobija u dipressjoni serja għandhom ikollhom ċertifikat spejalizzat mit-tabib tagħhom.”

Tkellimna mat-tabib Saliba kemm ikun hemm każi fejn għaddasa jiġu bżonn il-Hyperbaric Unit, fejn qalilna li s-sena l-oħra kien hemm bżonnu 18-il darba u dis-sena diġà ntużat 10 darbiet. “L-aktar li jinqalgħu dawn il-każi, jkunu bejn Settembru u Ottubru fejn jinżlu jgħoddsu dawk b’aktar esperjenza u jabbużaw li jgħoddsu aktar minn 40 metru għax ikunu technical divers. F’Għawdex hawn min jgħodos anke 90 metru bl-elju (helium).”

Interessanti li l-uniku Malti li uża l-hyperbaric unit kien fl-2008. Mistoqsi jekk hux qed isir biżżejjed, Dr Saliba qal li biex ikunu evitati l-imwiet (anke jekk huma ftit), hemm bżonn li dawk l-għaddasa indipendenti jinżlu ma’ nies kwalifikati u li jafu s-siti sew tal-għadds, “nerġa’ ntenni li kull għaddas ta’ ’l fuq minn 45 sena jew 50 sena, ikollu ċertifikat ‘endorsed’ mit-tabib personali tiegħu u fis-siti popolari tal-għaddasa għandu jkun hemm stazzjon ta’ nies paramediċi bit-tagħmir apposta speċjalmetnt għal għaddasha indipendenti għax id-dive shops ikollhom tagħhom. Ambulanza ddum kwarta minn tal-inqas sa ma tasal, u ħafna drabi kwarta hi tard wisq.” Temm Dr Mario Saliba.

 

More in G?awdex