Tal-Grazzja: Tniżżel is-siparju fuq l-istaġun tal-festi

Leġġenda tgħid li kienet xwejħa li għenet lil Kapuċċini jagħżlu dan is-sit wara li qaltilhom li kienet tarahom deħlin jinviżtaw lil Madonna meta huma qatt ma kienu resqu ’l hemm

Illum tiġi ċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja, il-festa li tniżżel is-siparju fuq l-istaġun tal-festi f’Għawdex. Staġun li beda fis-7 ta’ Ġunju bil-festa tas-Salvatur fl-Għasri u jagħlaq bil-festa tal-Madonna tal-Grazzja li ħafna jsibuha wkoll bħala l-festa tal-Kapuċċini. Anke jekk din il-festa għandha l-festeġġjamenti fuq in-naħa esterna tal-kunvent u s-santwarju, il-qofol tal-festa hu bħal speċi ta’ pellegrinaġġ. Fejn fil-11.30 ta’ dalgħodu jitlaq pellegrinaġġ tar-roti u l-muturi mill-pjazza tas-Santwarju ta’ Pinu sas-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. Minħabba li fl-istess ħin ikun hemm il-pellegrinaġġ tar-roti u muturi ta’ Ħaż-Żabbar il-kwantita f’Għawdex ma tkunx bħal dik ta’ Malta għax jieħdu sehem fiha Għawdxin biss.

Il-gwardjan tal-Kapuċċini, Patri Joe Libreri qalilna li kull meta l-festa tal-Vitorja taħbat il-Ħamis, il-festa tal-Madonna tal-Grazzja tiġi posposta għall-Ħadd ta’ wara u meta jkun hekk, ikun hemm mijiet ta’ roti u muturi għax jitilgħu l-Maltin biex jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Filgħaxija l-festa tibda bir-rużarju u b’quddiesa kantata bl-omelija tal-patri Gwardjan Joe Libreri u wara toroġ l-istatwa tal-Madonna matul it-toroq tal-viċinanzi.

 

L-ewwel Kapuċċini f’Għawdex

 

Fi Triq il-Kapuċċini li mir-Rabat tieħu għal Marsalforn, wieħed isib knisja mdaqqsa dedikata lill-Madonna tal-Grazzja li ħafna jsibuha bħala l-Knisja tal-Kapuċċini. L-ordni tal-Kapuċċini kienet ilha tixtieq li tinqata’ mill-provinċja ta’ Sqallija u jsiru kustodja Indipendenti. Iżda biex jaslu għal dan, kellhom bżonn it-tielet kunvent. Fil-fatt l-ewwel kunvent tal-Kapuċċini f’Malta kien dak tal-Furjana li nbena għall-ħabta tal-1585 u kienu għadhom kif lestew it-tieni wieħed fil-Kalkara li kien ta’ Santa Liberata. Issa ħarsithom kienet daret għall-gżira Għawdxija u x-xoqqa f’moxtha ġiet f’Settembru tal-1736 meta l-Isqof ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Fra Pawlu Alpheran kien qed iżur il-gżira Għawdxija. Patri Ġużepp minn Bormla, li kien ilu jaħdem biex l-ordni tal-Kapuċċini Maltija ssir indipendenti talab lill-Isqof biex isibilhom post adattat f’Għawdex fejn setgħu jibnu t-tielet kunvent u knisja. L-Isqof kien tkellem mal-Arċipriet tal-kolleġġjata tal-Katidral u ma’ xi reliġjużi oħra u l-parti ċivili li wrew ix-xewqa li jkollhom il-Kapuċċini fil-gżira tagħhom. Kienu ġew magħżula erba’ patrijiet, il-patrijiet Vitor, Pietru u Klement u l-ajk Fra Stiefnu, erba’ Maltin li ġew mistiedna joqogħdu għand it-tabib Gauci Apap sa ma jinbena l-kunvent.

Kienu ġew offruti tliet postijiet fejn jibnu l-kunvent u l-knisja. Malli kienu marru fuq l-għolja tal-Braġ, fejn hemm il-knisja ta’ San Kalċidonju u l-knisja ċkejkna tal-Madonna tal-Grazzja li kienet tinsab fil-post imsejjaħ Fomm il-Ġir, kienu rawh żgħir u kienu sejrin ’il barra meta mara xwejħa marret quddiemhom u qaltilhom, “Dawn huma l-patrijiet li kont nara kull filgħaxija deħlin jinviżtaw lill-Madonna.” Huma merewha u qalu li qatt ma kienu marru ’l hemm, iżda hi weġbithom li waqt l-Ave Marija kienet tara patrijiet bid-daqna sejrin jinviżtaw lill-Madonna. U b’hekk, il-patrijiet indunaw li l-Madonna kienet għażlitilhom il-post, u għażlu li jibnu l-knisja hemmhekk.

Fil-post fejn inbniet il-knisja, kien hemm kappella ċkejkna dedikata lil Santa Agata li kienet misruqa u mħarbta kemm-il darba mill-furbani u għalhekk tħalliet tiġġarraf kollha kemm hi. Iżda fl-1615 kienet reġgħet inbniet mill-ġdid u dedikata lit-twelid ta’ Santa Marija, anke jekk in-nies kienu jsibuha bħala tal-Madonna tal-Grazzja.

Din il-knisja u l-kunvent bdiet tinbena fis-sena 1737 fuq pjanta tal-Kapuċċin Fra Ġużepp mill-Isla. Fis-17 ta’ Lulju 1737 tpoġġiet l-ewwel ġebla u l-bini tlesta fis-sena 1750 fejn kienet konsagrata mill-Isqof Fra Pawl Alpheran de Bussan fil-5 ta’ Ottubru 1755.

 

Għaliex tissejjaħ tal-Grazzja

 

Fid-9 ta’ Jannar 1693, madwar l-10 ta’ bil-lejl inħasset theżżiża kbira ta’ terremot li però. m’għamlet l-ebda ħsara. Jumejn wara, fis-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, inħasset theżżiża aktar qawwija fejn kienu saru ħsarat fil-knejjes u djar f’Għawdex, fost l-oħrajn tħassar il-kampnar tal-Knisja kolleġġjata illum il-Katidral, u fil-bajja tax-Xlendi l-baħar kien ħareġ ’il barra aktar minn mil, u f’daqqa waħda b’qawwa kbira nħoloq ‘tsunami’ li kaxkar miegħu kulma sab quddiemu. Mill-blat ta’ Ċenċ kienet inqatgħet u niżlet fil-baħar madwar nofs tomna art. It-theżżiża baqgħet tinħass kull 24 siegħa. L-Għawdxin imwerwrin irrikorrew fis-santwarju tal-Madonna tal-Grazzja u wara ħafna talb anke lejn Sant Ursola, it-theżżiżiet waqfu. B’ħajr, għalhekk il-kleru Għawdxi għamel wegħda li ssir purċissjoni mill-Katidral sal-knisja tal-Madonna tal-Grazzja u magħhom jieħdu r-relikwa ta’ Sant Ursola u sal-lum fl-ewwel Ħadd ta’ wara l-11 ta’ Jannar għadha ssir din il-proċessjoni. Fejn il-pellegrinaġġ jidher ukoll mpitter fl-inkwatru tas-santwarju.

 

 

L-inkwatru tas-santwarju

 

L-inkwatru titulari li nsibu f’dan is-Santwarju hu xogħol ta’ Stefano Erardi. Kien ġie inkurunat solennement fis-27 ta’ Jannar 1952 mill-E.T. Mons Ġużeppi Pace, Isqof t’Għawdex fi pjazza San Franġisk tal-belt Victoria, li kien assistit mill-vigarju Ġenerali, Mons. Emmanuel Galea u l-Isqof ta’ Lipari Bernardino Salvatore Re. Din ix-xbieha kienet it-tieni waħda inkurunata f’Għawdex wara Ta’ Pinu. L-inkwatru titulari kien ġie mkabbar u miżjud mill-artist Għawdxi Rokku Buhagiar meta tkabbret il-knisja. U mal-ġnub kien pitter lil Sant’Anna u San Ġwakkin, il-ġenituri tal-Madonna.

 

 

L-istatwa titulari tal-Grazzja

 

L-Istatwa devota tal-Madonna tal-Grazzja kienet maħduma mill-istatwarju Għawdxi Wistin Camilleri fis-sena 1934. Il-benefatturi kienu Franġisku u Karmena Farrugia. F’jum il-festa din l-istatwa toħroġ bil-purċissjoni fit-toroq imsejħin tal-belliegħa u fiż-żona magħrufa bħala ‘Tal-Kapuċċini’ fejn dejjem tiġi akkumpanjata mill-Banda Leone li ddoqq l-innijiet Marjani.

 

Il-Kripta tal-Fra Qaddis

Taħt il-knisja hemm kripta li tasal għaliha mill-knisja stess. Fil-kripta hemm midfuna għadd kbir ta’ Terzjarji, benefatturi tal-Knisja u tal-kunvent, patrijiet u qabar speċjali tal-Fra qaddis. Fra Baskal Farrugia, Kapuċċin miż-Żebbuġ li miet fit-18 ta’ Mejju 1937 għandu fama ta’ qdusija, u huma l-ħafna li jmorru f’din il-kripta jitolbu xi grazzja mingħand dan il-fra. Meta l-katavru tiegħu nqala’, kien għadu sħiħ, u wara li nqala’ mill-qabar tpoġġa f’tebut taż-żingu, u f’ieħor tal-injam fejn hu esebit fiċ-ċentru ta’ din il-kripta.

Jingħad li fost is-siġar sbieħ tal-larinġ li hemm fil-kjostru tal-kunvent, hemm siġra speċjali li ġiet imħawla minn Fra Baskal. Darba waħda Fra Baskal u Patri Ġjaċintu Camenzuli ħawlu siġra tal-larinġ kull wieħed u filwaqt li ta’ Fra Ġjaċintu baqgħet żgħira, l-oħra ta’ Fra Baskal kienet dejjem tikber u tisbieħ u bdiet tagħti l-frott u għadha hemm sal-lum. Wara l-mewt ta’ Fra Baskal, ħafna nies li kien ikollhom xi mard fil-familja kienu jmorru l-kunvent u jitolbu minn dan il-larinġ u għadhom jagħmluh sal-lum. Jingħad u hemm stejjer rakkuntati li hemm drabi li nqalgħu xi grazzji b’dan il-larinġ ta’ Fra Baskal.

Fra Baskal matul is-47 sena bħala Kapuċċin ġie mitlub iwettaq ix-xogħol ta’ infermier, kok, purtinar, sagristan u ċirkatur. Iżda l-iżjed ministeru li wettaq kien dak ta’ ċirkatur u sagristan.

 

L-informazzjoni miġjuba f’dawn il-paġni huma grazzi għall-gwardjan Patri Joe Libreri li anke kiteb ktejjeb dwar il-ħajja ta’ Fra Baskal. F’dan il-kunvent illum jgħixu tliet patrijiet: Patri Joe Libreri mill-Furjana, Patri Remiġ Galea minn Ta’ Sannat u Fra Pascal Caruana mill-Mellieħa.

 

 

 

 

 

 

 

More in G?awdex