Ix-Xagħra: Art watja mgħottija b’ħamrija ħamra

L-irħam interzjat tal-knisja huwa l-uniku tax-xorta tiegħu fil-gżira Għawdxija 

Ix-Xagħra hija mibnija fuq għolja lejn il-grigal ċentrali tal-gżira t’Għawdex u hi deskritta bħala l-villaġġ tal-mara tal-fertilità u tal-Madonna. Ix-Xagħra kien wieħed mill-ewwel postijiet abitati f’Għawdex. F’dokumenti bikrin, l-art watja jirreferu għaliha bħala x-Xagħret il-Għażżenin. Fi żminijiet moderni, l-ewwel li ġiet kolonizzata kienet il-quċċata tal-għolja, b’mod adattat imsejħa tal-Qaċċa. Din il-kelma kienet ġiet Taljanizzata għal kelma Caccia, l-isem li bih il-lokalità tiġi msemmija fil-maġġoranza tad-dokumenti sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. L-aktar parti antika tal-villaġġ illum hija msejħa Sant’Anton, wara d-dedika ta’ kappella Medjevali dedikata lil Sant’Anton Abbati. Fl-ilsien mitkellem il-post kien ta’ spiss imsejjaħ ix-Xagħra, letteralmet art watja mgħottija b’ċapep ta’ ħamrija ħamra. L-isem huwa meħud mit-tieni settur jew żona ċentrali tal-għolja magħrufa bħala x-Xagħret il-Għażżenin, tar-ragħja. Eventwalment l-isem ix-Xagħra inxtered u kien ġie aċċettat.

It-tielet parti tal-villaġġ li żviluppat fuq in-naħa tal-lvant tal-għolja saret magħrufa bħala Ta’ Gajdoru. Jingħad li l-isem huwa meħud minn kappella tal-Verġni Marija tal-Ferħ, bil-Latin Gaudiorum, li darba kienet hemm fil-post, iżda hemm dubji dwar dan. Din il-parti llum tissejjaħ Tan-Nazzarenu, wara dedika ta’ kappella oħra li kienet inbniet hemmhekk fil-bidu tas-seklu għoxrin.

 

Il-Parroċċa tax-Xagħra u l-Knisja monumentali

 

Ir-raħal tax-Xagħra ġie maqtugħ mill-Katidral u dikjarat bħala parroċċa awtonoma nhar it-28 t'April 1688.  Il-knisja antika ta' Sant' Anton Abbati serviet bħala l-ewwel sede tal-Parroċċa. Madankollu, il-poplu Xagħri, fuq talba u bil-barka tal-Isqof, bdew jibnu Knisja ġdida fiċ-ċentru tar-raħal fuq art pubblika mogħtija minn Fra Gregorio Carafa, Gran Mastru tal-Ordni Gerosolimitan tal-Kavallieri ta' San Ġwann. F'Mejju 1692, din il-knisja bdiet taqdi l-funzjonijiet tagħha. Il-knisja għall-ewwel kienet dedikata lil tal-Grazzja imma ftit tax-xhur wara, it-titular tbiddel għal dak preżenti jiġifieri t-Twelid tal-Verġni Marija. Il-festa ta' Marija Bambina hija magħrufa b'mod popolari bħala Il-Vitorja għax tfakkar ir-rebħiet ta' pajjiżna fuq l-għadu fl-1565 u fl-1943 li ntrebħu eżatt fil-festa tat-twelid tal-Madonna.

Sadanittant, il-popolazzjoni tax-Xagħra bdiet tikber ġmielha u l-knisja saret żgħira wisq biex taqdi sewwa l-ħtiġijiet tal-poplu ta' dan ir-raħal. Fil-bidu tas-seklu dsatax, is-saċerdot-arkitett Għawdxi Dun Salv Bondi ħejja pjan għall-estensjoni tagħha. L-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida tqiegħdet nhar it-2 t'Ottubru 1815 iżda, minħabba nuqqas ta' flus, ix-xogħol tal-bini kellu jieqaf ħesrem. Il-faċċata u l-intern tal-Knisja jirriflettu l-element barokk komuni f'ħafna knejjes tal-gżira Għawdxija. Ix-xogħol tal-bini kien konkluż fl-1850 minħabba donazzjoni ġeneruza tal-kappillan Dun Mikiel Buttigieg, li aktar tard ġie maħtur bħala l-ewwel Isqof t'Għawdex. Il-knisja ġiet imbierka nhar il-11 ta' Frar 1855 u konsagrata fis-26 ta' Mejju, 1878. Il-koppla maestuża ġiet imtellgħa fis-sena 1892 fuq disinn tas-saċerdot u kappillan Dun Ġuzepp Diacono.

 

Wara li fl-1893 il-knisja parrokkjali tax-Xagħra saret Arċipretali. Fis-26 ta' Awissu 1967, il-Papa Pawlu VI, minħabba l-ġmiel interjuri tal-knsija għolla lill-Kolleġġjata tax-Xagħra għal Bażilika Minuri. Il-Bażilika għandha żewġ kampnari b'sitt iqniepen, bl-iktar waħda qadima ġġib is-sena 1770 u l-qanpiena l-kbira tiżen 2,778 kg.

 

L-intern tal-Knisja huwa fenomenali. Il-knisja hija mibnija f'forma ta' salib Latin. L-irħam li bih hija imżejna din il-knisja huwa l-uniku tax-xorta tiegħu fil-gżira Għawdxija minħabba l-fatt li huwa rħam interzjat. Il-paviment huwa rħamat kollu b'disinni ta' Ignatius Bonavia għand il-fabbrika Montecatini (1949). Il-pilastri tal-irħam kienu ddisinjati mix-Xagħri Ruman Buttigieg u Illio Pellocca (1960-65). Ta' interess partikolari fil-Knisja Bażilika tax-Xagħra huma l-erbatax-il stazzjoni tal-Via Crucis.

 

Minbarra l-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Bambina, fix-Xagħra nsibu wkoll żewġ Knejjes oħra li jaqdu l-ħtiġijiet spiritwali tal-komunitajiet rispettivi tagħhom. Dawn huma l-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati u l-Knisja ta’ Ġesu’ Nazzarenu.

 

L-istatwa titulari ta’ Marija Bambina

 

L-attrazzjoni prinċipali fil-Knisja hija l-istatwa titulari ta' Marija Bambina. Din l-istatwa waslet fix-Xagħra fl-1873 u ġiet maħduma mid-ditta rinomata Gallard et Fils ta' Marsilja fi Franza. Hija ġiet imbierka fil-jum tal-konsagrazzjoni tal-Knisja, jiġifieri nhar is-26 ta' Mejju 1878. Il-vara hija mqiegħda fuq pedestall tal-fidda, xogħol l-artist Taljan Pio Cellini (1913). Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-wasla tagħha, nhar il-Ħadd 2 ta' Settembru 1973, l-Isqof t'Għawdex Mons. Nikol G. Cauchi poġġa kuruna ta' deheb u ħaġar prezzjuż fuq ras il-Bambina. Din il-kuruna hija disinn ta' l-Għawdxi Joseph Sagona u xogħol ta' Tarcisio Zammit taż-Żejtun. Fis-sena 1985, fl-okkażjoni ta' l-elfejn anniversarju mit-twelid tal-Madonna, il-Kardinal Luigi Dadaglio poġġa warda tad-deheb f'riġlejn l-istatwa titulari. Fis-sena 1999, fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-istatwa, l-Isqof Nikol G. Cauchi żejjen l-istatwa bi stellarju ġdid fost il-ferħ tal-poplu Xagħri. Dawn il-festi kellhom isiru f'Settembru 1998 imma ġew posposti minħabba elezzjoni ġenerali bikrija li saret fil-pajjiż.

 

Il-kwadru titulari li jirrapreżenta t-Twelid ta' Marija Bambina huwa xogħol ta' Carlo Gimach. Oriġinarjament, dan kien impitter għall-knisja parrokkjali tal-Isla imma tqiegħed fil-knisja parrokkjali tax-Xagħra fejn għadu jitgawda sal-lum.

 

Il-festa titulari ta’ Marija Bambina

 

Il-festa ta’ Marija Bambina tiġi ċċelebrata kull sena fil-jum propju tagħha, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru. Minbarra li f’dan il-jum, il-Knisja Universali tiċċelebra l-Festa Liturġika tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm Alla, pajjiżna jiċċelebra JUM IL-VITORJA. F’dan il-jum aħna nfakkru r-rebħiet kbar li Malta għamlet fl-Assedju l-Kbir tal-1565 u t-Tieni Gwerra Dinjija bl-interċessjoni ta’ Marija Bambina.

 

Din is-sena - Festa b’sinifikat speċjali

Din is-sena, il-festa ta’ Marija Bambina għandha sinifikat speċjali minħabba li x-Xagħra qed tifraħ mal-Knisja kollha fl-Ordinazzjoni Episkopali tal-E.T. Mons. Isqof George Bugeja OFM. George Bugeja huwa mix-Xagħra u riċentement ġie maħtur bħala Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Apostoliku ta’ Tripli fil-Libja.

 

Festi ta’ barra

Fit-8 ta’ dalgħodu jsiru t-tiġrijiet tradizzjonali taż-żwiemel mit-triq prinċipali tar-Rabat għax-Xagħra. Interessanti wkoll li lejlet il-festa, għada filgħodu ikun hemm komemorazzjoni u ‘re-enactment’ taż-żewġ assedji, tal-pesta fl-1814 fix-Xagħra u l-aħħar gwerra. Din bla dubju ħadd m’għandu jfalliha. Għal xid-9 p.m. ikun hemm wirja spettakolari tan-nar sinkronizzat mal-mużika maħdum mill-kamra tan-nar tal-Imqabba li tista’ tiġi segwita mit-tarf ta’ Vjal it-8 ta’ Settembru. F’nofsillejl ikun hemm wirja oħra li tikkomemora l-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir. Il-festa tilħaq il-qofol tagħha bil-purċissjoni bl-istatwa ta’ Marija Bambina mat-toroq ewlenin tax-Xagħra. Il-festa tagħlaq b’marċ brijuż wara li tidħol il-vara.

 

 

 

More in G?awdex