“Għat-tieni darba San Ġużepp se jkun jista’ jgħaddi minn waħda mill-isbah pjazez mingħajr xkiel” – is-sindku tal-Qala

Il-Qala L-ewwel parroċċa tad-djoċesi Għawdxija

Il-kult reliġjuż tal-Qala

Il-bidu tal-istorja tal-Parroċċa tal-Qala huwa marbut mal-knisja ta’ ‘Santa Maria della Cala’ li tinsab fil-lvant tar-raħal li ġġib l-istess isem tal-Qala li bl-għarbi tfisser ‘port’ u għalhekk ‘kenn fil-maltemp’ kif juri l-motto tar-raħal. Il-kult reliġjuż fil-Qala jmur ħafna lura fiż-żmien fejn insibu dan il-maqdes li kien jaqdi d-dmirijiet spiritwali fuq din in-naħa tal-lvant tal-gżira Għawdxija, minfejn titla x-xemx żgur meqjuma hi ukoll bhala alla mill-abitanti  ta’ ‘Ogygia’ kif naqraw fl-Odisseja ta’ Omeru fejn kienet tgħix in-ninfa mitoloġika Calypso.

Xhud ta’ dan il-kult lejn ix-xemx tiela’ mill-oriżżont tar-Ras il-Qala huwa l-preżenza ta’ fdal ta’ tempju neolitiku ta’ madwar 3500 Q.K. taċ-ċivilizażżjoni tal-Ewropa l-Antika li kienet tikkonsisti miċ-ċentru tal-Mediterran, Ruma u l-Greċja sax-xmara Dnieper fir-Russja.

Żgur li hawnhekk fil-Qala kienet tingħata qima lill-‘Omm il-Kbira’, Delphi, l-alla tal-fertilita’ u Astarte, il-Mara tal-Muntanja u dan kemm taħt il-Feniċi, il-Kartaċiniżi u taħt ir-Rumani. Skont Herodotu, ir-rażża mediterraneja u għalhekk l-antenati hawnhekk fil-Qala, hi bażata fuq il-Pelasġjani, il-Karjani, il-Hamitiċi u l-Libjani.

Ilkoll nafu li l-kristjaneżmu tnissel f’Malta permeżż tal-Appostlu San Pawl  fis-sena 60 W.K.  San Pawl telaq lejn Ruma minn Gaudomelete (Għawdex ta’ Malta jew Għawdex hdejn Malta), u għalhekk aktarx minn Għawdex. Fis-sena 317 W.K. l-insara ta’ Għawdex (bl-isem ta’ Mangaulum) għamlu offerta lill-Imperatur Kostantinu għall-battisteru tal-Lateran. Għalhekk is-Santwarju tal-Qala jista’ jagħraf il-bidu tiegħu diga’ mis-sekli bikrija tal-kristjaneżmu

Waqt traġedji nażżjonali naturali bhal terremoti, nixfa u epidemiji, in-nies kienet tmur bi ħġarha lejn dan it-tempju biex titlob lill-Madonna tal-Qala.

Anke mappa Venezjana ta’ 700 sena ilu turi ukoll il-knisja tal-Madonna tal-Qala fl-ilvant ta’ Għawdex.

Ċensiment li kien sar fl-1530, jigifieri meta ġew il-Kavalieri ta’ San Gwann, juri li l-popolażżjoni fil-lvant ta’ Għawdex jigifieri fin-Nadur, il-Qala, Għajnsielem, l-Imġarr u Kemmuna (din iż-żona kollha kienet magħrufa bhala l-Qala fil-ħmistax-il seklu) kienet ta’ 665 persuna. Iżda l-popolażżjoni fil-Qala u s-Santwarju tal-Qala soffrew konsegwenzi kbar minħabba l-attakki bla waqfien tat-Torok.

Fil-fatt fl-1575  is-santwarju tal-Qala safa pprofonat (flimkien ta’ 58 knisja oħra, tnax minnhom f’Għawdex) għaliex il-knisja kienet qed taqa’, fil-fatt lanqas bieb ma kellha.  Iżda fl-1591 fil-viżta pastorali l-Isqof spanjol Tomas Gargallo li kien lahaq isqof ta’ Malta fl-1578 jgħid li l-knisja ta’ Santa Marija tal-Qala reġgħet kellha qima kbira mill-poplu Għawdxi. 

Jinbidel it-titular tal-parroċċa

Fil-21 ta’ Novembru tal-1615 l-Isqof Malti Baldassare Cagliares biddel t-titular ta’ Santa Marija tal-Qala għal dik tal-kunċiżżjoni bħala rigal personali tiegħu lill-Madonna u lil Alla talli laħaq Isqof fl-14 ta’ Diċembru 1614 taħt il-Papa Pawlu V.

Il-kwadru tal-Immakulata Kunċiżżjoni kien impitter mill-pittur Taljan minn Urbino Federico Barrocci (Il-Baroccio 1526-1612).

Il-parroċċa tal-Immakulata Kunċiżżjoni u San Gużepp kienet l-ewwel parroċċa li twaqqfet fl-1872 minn meta Għawdex sar djoċesi għalih.

L-Istatwa  Titulari  ta’ San Ġużepp

 

L-Istatwa ta’ San Ġużepp li hi statwa neo-klassika waslet il-Qala fis-sena 1890 minn Franza mid-ditta Franċiża ‘Gallard et Fils’ li għamlet diversi statwi għal Għawdex u f’Malta bhal Santa Marija taż-Żebbuġ u San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop. Kienet waslet tlett snin wara dik tal-Immakulata Kunċizzjoni. Bħal fil-każ ta’ Sannat kienu l-emigranti Qalin ġewwa l-port ta’ Marsilja li kienu ħallsu għall-istatwa. Hija statwa uniku fejn naraw it-tfajjel Ġesu’ ta’ madwar sentejn jintelaq u jserrah rasu fuq San Ġużepp.

L-istatwa żżanżnet fl-ewwel festa ta’ San Ġużepp li saret fir-raħal, fit-12 ta’ Mejju 1890 (125 sena ilu). Dak in-nhar il-Festa li saret fit-Tielet Ħadd wara l-Għid il-Kbir, kienet qamet madwar €100 (25 skud, 4 tari’ u 4 grani, illum il-festa tqum mal-€62,000). Kien fis-sena 1922 li l-Festa bdiet tigi ċċelebrata fl-Ewwel Ħadd ta’ Awwissu. Din mhix kumbinazzjoni għaliex il-knisja kopta tal-Eġittu tiċċelebra l-mewt tal-Patrijarka San Ġużepp kull sena fit-2 ta’ Awwissu.

Il-pedestall ta’ San Ġużepp li hemm llum, wasal il-Qala 27 sena wara, eżattament fit-30 ta’ Marzu tal-1917. Id-disinn u l-iskultura fl-injam sar l-Imdina minn Mastru Kalcidon Bugeja tar-Rabat, Malta, u sewa €15. Hu kien għamel ukoll id-disinn tal-bradella tal-istatwa li ġiet maħduma fl-injam tal-ġewż u dak ‘green heart’ minn Ġużeppi Mercieca, mastrudaxxa u skultur mill-Qala.

L-informazzjoni ġbarniha mill-Vigarju Parrokkjali Dun Charles Buttigieg

 

“Għat-tieni darba San Ġużepp se jkun jista’ jgħaddi minn waħda mill-isbah pjazez mingħajr xkiel” – is-sindku

Clint Camilleri is-sindku tal-Qala qalilna li dan iż-żmien ta’ festa hu żmien għal qalbu ħafna. “Mhux biss għalija iżda għal Qalin kollha barra għal dawk l-għaqdiet li ħafna minnhom jkunu ħadmu għalih matul is-sena kollha.

“Il-Kunsill Lokali tal-Qala minn dejjem kien minn ta’ quddiem sabiex jgħin lil parroċċa biex intellgħu wahda mill-isbah festi ġewwa l-gżira Għawdxija.  Ta’ min jgħid li l-Kunsill Lokali tal-Qala u l-parroċċa ta’ dan l-istess raħal minn dejjem ħadmu id f’id għal ġid tal-Qala u l-Qalin. Minkejja li dejjem żammejna distinzjoni bejn il-Knisja u l-Kunsill, il-kollaborazzjoni ta’ bejnietna qatt ma kienet mittiefsa. Dan jidher b’mod ċar fil-proġett tal-Pjazza li kien komplut is-sena li għaddiet. Fejn illum qegħdin nisimgħu b’diversi kunsilli bi problemi mal-parroċċi rispettivi tagħhom fejn proġetti ta’ pjazez ma’ tlestewx fil-ħin b’detriment għal festa tal-lokalita’, il-Kunsill Lokali tal-Qala bil-koperazzjoni tal-parroċċa rnexxielu jlesti l-pjazza fil-ħin u llum għat-tieni darba San Gużepp ser ikun jista’ jgħaddi minn waħda mill-isbah pjazez mingħajr xkiel – pjazza li tagħmel unur lilna l-Qalin kif ukoll pjazza li tixraq lil Patrun tagħna San Ġużepp.

“Nixtieq nawgura l-festa mill-aqwa lil Qalin kif ukoll lil dawk il-Maltin u residenti Għawdxin li jżuru din il-festa mill-isbaħ li jafu jagħmlu biss il-Ġużeppini Qalin!”

 

 

More in G?awdex