Il-mitħna ‘sigrieta’ ta’ taħt l-art fix-Xlendi tinfetaħ għal pubbliku

  • Mibnija mill-Ingliżi fl-1955 u restawrata għas-somma ta’ €300,000

Nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Mejju fix-Xlendi Għawdex, eżatt biswit il-Knisja ltqajt mas-sindku l-ġdid tal-Munxar, li taħtu jaqa’ x-Xlendi, Karmena Said magħrufa aktar bħala Karmena tad-Dias (Said bil-maqlub). Karmena wegħditni li turini mitħna li ngħid il-verità qatt ma kont smajt biha. Mitħna taħt l-art li fiha jisntab proċess sħiħ ta’ tidris tal-qamħ, li kienet installata nofs seklu ilu, eżatt bejn l-1954 – 1955 mis-servizzi Ingliżi. Din il-mitħna kienet inbniet flimkien ma’ sitta oħra li hemm Malta f’post li ma kien jaf ħadd bihom ħlief is-servizz Ingliż. Kienet taqa’ taħt l-Official Secrecy Ordinance, li kienet tagħmel il-lokalità inaċċessibli u li kien ikun hemm fiha l-popolazzjoni lokali ma kinux ikunu jafu. Dawn kienu saru biex f’każ ta’ attakk nukleari, minħabba l-Gwerra Bierda li kien hemm bejn il-Punent u r-Russja, il-poplu Għawdxi seta’ jibqa’ jiekol peress li fil-mitħna kien hemm ħażna kbira ta’ qamħ.

Jekk wieħed jistenna xi raddiena se jmur żbaljat għax f’din il-mitħna wieħed jista’ jara proċess mekkaniku u ferm kumpless. Din il-mitħna tqattgħet kollha bl-idejn, bil-baqqun, mill-Għawdxin u fil-fond tal-blat jinstabu fosos tal-qamħ kif ukoll il-makkinarju biex jintagħżel, jinħasel, jitqassam, jinsaħaq u jintgħarbel id-dqiq. Biex isir dan il-proċess il-makkinarju jinstab imqassam fuq żewġ sulari; fl-ewwel sular insibu l-magni tat-tħin u l-impjant elettriku u fit-tieni sular il-preparazzjoni tad-dris u l-għarbiel.

Ftit tas-snin wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-Gvern Kolonjali waqqaf is-Civil Defence Corps.  Fost il-ħafna inizjattivi li wetqet is-Civil Defence Corps matul l-għoxrin sena li damet teżisti nsibu l-bini ta’ sebat imtieħen taħt l-art mgħammra b’fosos kbar għall-ħażna tal-qamħ. Dan il-proġett kien xi ftit jew wisq imnebbaħ mill-esperjenza kiefra tat-Tieni Gwerra Dinjija fejn il-poplu ta’ Malta u Għawdex kien f’xifer li jċedi minħabba l-guħ kbir li ħakem fuqu fl-eqqel tal-attakki tal-Assi matul l-1942. F’dan il-kuntest, il-Gvern Kolonjali alloka waħda minn dawn l-faċilitajiet industrijali għall-ħażna u t-tħin tal-qamħ għall-gżira ta’ Għawdex.

L-ewwel sit li ġie magħżul Għawdex kien fil-Forti Chambray, li kien jintuża bħala sptar mentali. Kif tlesta x-xogħol tal-qtugħ tal-blat tad-daħla u tas-sala tal-makkinarju tat-tħin ġie innutat li l-kwalita` tal-blat ta’ Ras it-Tafal kienet inferjuri u għaldaqstant il-proġett kellu jiġi abbundunat ħesrem. Għaldaqstant ġie magħżul dan is-sit fil-parti t’isfel tal-wied tax-Xlendi fejn minbarra blat żonqri tal-iprem kwalità, l-għamla tal-irdum u tal-blat tal-madwar iffaċilitat ferm il-bini ta’ dan il-kumpless, b’mod partikolari l-aċċess għas-saqaf tal-fosos tal-qamħ li jinsabu fuq ir-riħ tal-mitħna fil-livell tagħna. Fl-istess waqt, dan l-post huwa milħuq faċilment mill-baħar u għaldaqstant seta’ jiġi fornut mingħajr diffikultajiet kbar.

Il-makkinarju tat-tħin kien ġie impurtat mill-Ingilterra minn għand waħda mill-akbar kumpaniji f’dan is-settur. Minkejja l-medda ta’ kważi sittin sena mill-istallazzjoni tiegħu, dan il-makkinarju wasal Għawdex fi stat ta’ preservazzjoni tajjeb ħafna. Dan hu grazzi għaż-żamma kontinwa u skrupluża mill-impjegati tas-Civil Defence Corps li kienu jħadmuh b’mod regulari. Ovvjament, il-Kunsill Lokali tal-Munxar għandu mertu kbir ukoll fil-ħarsien tiegħu. Il-proċess ta’ restawr u rijabilitazzjoni li beda madwar tnax-il sena ilu, u li ġab miegħu ħafna sfidi, kellu l-għan ewlieni li jwaqqaf il-proċess ta’ deterjorazzjoni li kien beda jimmanifesta ruħu minħabba l-abbandun li kien tħalla fih u l-vandaliżmu li kull ma jmur kien qed jsir dejjem aktar preżenti.

Kien l-2001 meta l-kunsill lokali beda bir-restawr tagħha fejn anke sabu għajnuna mill-MEPA u wara mill-Fondi Ewropej tal-Iżvilupp Rurali biex ir-restawr irnexxielu jsir u li sewa €300,000. Flus li żgur ma ntefqux għalxejn fejn xahar wara li nfetħet uffiċjalment, fid-29 ta’ Marzu li għadda, din il-mitħna tħaddmu l-magni tagħha bil-pubbliku jattendi bi ħġaru biex jara dan il-kapolavur mekkaniku b’xogħol għaqli u iebes ta’ missirijietna jaħdem. Il-mod kif hi mqassma din il-mitħna hi xi ħaġa ta’ meravilja fejn il-fetħa tagħha jgħaddi trakk minnu biex ikun jista’ jgħabbi d-dqiq u anke jirriversja biex joħroġ komdu mill-mitħna.

Kienu diversi Maltin u Għawdxin u anke turisti li l-Ġimgħa kienu mdawrin mal-mitħna (li l-makkinarju tiegħu ngħata il-ħajja minn inġiniera Għawdxin), mis-segretarju tal-Kunsill Anthony Grech li bil-paċenzja kollha f’ġurnata ta’ festa pubblika qagħad ifiehem u jdawwar lil bosta nies li ġew jarawha fejn kollha ġew milqugħa mis-sindku Karmena Said li fuq wiċċha kien jidher is-sodisfazzjon li dak li 60 sena ilu kienet lokalita sigrieta għal popolazzjoni, illum hu miftuħ għal pubbliku li mar bi ħġaru.

L-entratura hi ta’ madwar €3 b’riduzzjoni għall-anzjani, residenti u tfal u meta tkun qed taħdem il-prezz jogħla b’xi €2 oħra. Mal-entratura wieħed għandu bħal telefon li minnu jisma’ l-istorja ta’ kif inbniet din il-mitħna u kif il-qamħ jindires u jsir dqiq li minnu jsir il-ħobż.

Din il-mitħna tirrapreżenta wieħed mill-aħjar eżempji ta’ wirt industrijali fil-gżira Għawdxija. Din l-inizjattiva ser issostni bil-qabda l-isforzi biex Għawdex ikompli jistabilixxi ruħu bħala destinazzjoni turistika distinta. Kienet esperjenza oħra li tani Għawdex u li jien qed naqsam magħkom - teżori moħbija li llum permezz ta’ ħidma mill-gvernijiet bl-għajnuna tal-fondi Ewropej huma teżori li jista’ jgawdihom kulħadd.

 

More in G?awdex