Għawdex: Mhux x’se jsir illum iżda x’se jsir ilbieraħ

Min hu Għawdxi jew inkella jgħix Għawdex dara li din il-gżira ċkejkna tibda tissemma’ ħafna qabel l-elezzjoni u l-wegħdi li jsiru dakinhar huma kbar fejn l-Għawdxin iħossuhom li se jkunu l-għira tal-Ewropa. Iżda meta jgħaddu dawk it-tliet xhur dawk il-wegħdi jibqgħu jiġu diskussi fejn s’issa, tmien xhur wara, għadu ma sar xejn li jidher. Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jara li Għawdex għandu potenzjal li jrid isir ħafna xogħol fuqu u qal li l-akbar problema li trid tiġi ffaċċjata llum qabel għada hi l-aċċessibilità. Qed jissemmew air strip, helikopter, modi ta’ vjaġġar bejn il-gżejjer aktar veloċi, port għal cruise liners, mina, pont u anke katamaran minn u lejn Sqallija. Il-mistoqsija hi meta u x’inhi l-prijorità u l-Għawdxi x’qed jistenna? Hemm mistoqsija oħra, li jekk issir link permanenti ma’ Malta (bħal pont jew mina) Għawdex jista’ jibqa jitqies reġjun? Jew isir parti minn Malta u titnaqqas l-għajnuna mill-EU? Tlabt il-kummenti minn diversi setturi f’Għawdex.

Ministru għal Għawdex Anton Refalo
Ministru għal Għawdex Anton Refalo
Ministru għal Għawdex Anton Refalo
Ministru għal Għawdex Anton Refalo

Ministru għal Għawdex Anton Refalo

Kollha huma ideat tajbin! Nistgħu wkoll nenfasizzaw fuq il-ħidma kbira li qed titwettaq min-naħa tal-Ministeru biex nagħtu importanza lill-ħaddiema Għawdxin u naraw li jinħoloq xogħol ġust f’Għawdex għall-Għawdxin.

Justyne Caruana (Membru Parlamentari Laburista u Għawdxija)

L-akbar importanza hi li Għawdex ikun reġjun. Dwar l-oħrajn hemm il-proposti fil-manifest elettorali. Il-prijorità għall-Għawdxin hi xogħol f’Għawdex. Prijorità għalissa għandha tkun is-servizz veloċi u żgur li din isserraħ ħafna mill-problema tal-Għawdxin.

Chris Said (Segretarju Ġenerali tal-PN u Għawdxi)

L-aċċessibbilità ta’ Għawdex hija kollox għall-Għawdxin. Matul l-aħħar snin sar titjib enormi fl-aċċessibilità. Biżżejjed insemmu l-bini ta’ tlett vapuri ġodda, portijiet ġodda fl-Imġarr u fiċ-Ċirkewwa u skeda li tkopri 24 siegħa kuljum. Dan sar b’investiment ta’ miljuni kbar mill-Gvernijiet preċedenti mmexxija mill-Partit Nazzjonalista. Dejjem jibqa’ l-bżonn li l-aċċessibilità tittejjeb għax dan itaffi t-tbatijiet u spejjeż żejda tal-Għawdxin u jgħin biex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex u tissaħħaħ l-ekonomija Għawdxija. Għalhekk kull inizjattiva li ttejjeb l-aċċessibilità hi importanti. Nemmen li link permanenti hi s-soluzzjoni għal tul ta’ żmien. Kien għalhekk li ftit aktar minn sentejn u nofs ilu meta kont segretarju parlamentari ressaqt proposta fil-kabinett biex jibda l-proċess ta’ studju fuq link permanenti. Il-kabinet kien approva din il-proposta u minn hemm beda l-proċess. Sar studju preliminari estensiv finanzjat mija fil-mija mill-Kummissjoni Ewropea. Dan l-istudju wera li link permamenti huwa possibbli u għalhekk il-Gvern kien iddeċieda li jieħu pass ieħor u jmur għal studju sħiħ ta’ kif dan il-proġett jista’ jkun attwat. Sadanittant kull miżura oħra li ttejjeb l-aċċessibilità u li tista’ tittieħed fi żmien qasir u li tkun tagħmel sens tkun ta’ benefiċċju għal Għawdex. Min qed jgħid li jekk isir link permanenti Għawdex ma jistax jitqies bħala reġjun hu żbaljat u naf biċ-ċert li mhux hekk.  

Joe Muscat (GTA)

L-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex mhux għażla tant sempliċi, bħal meta tmur tixtri u tagħżel minn fuq l-ixkaffa tal-ħanut. Hi sfortuna li d-diskussjoni dwar dan is-suġġett tant importanti qed tkun ridotta sempliċiment fuq x’tip ta’ preferenza wieħed ikollu rigward l-aċċessibiltà bejn iż-żewġ gżejjer. Turistikament, jekk irridu nkunu prattiċi u objettivi jkollna ngħidu mingħajr tlaqliq illi Għawdex illum għandu bżonn aċċess bl-ajru permezz ta’ fixed wing. Dan it-tip ta’ aċċess hu l-iktar wieħed fattibli fi żmien relattivament qasir u b’investiment żgħir ta’ bejn miljun u nofs u żewġ miljun Ewro. Kemm il-mina kif ukoll il-pont huma żewġ mezzi li t-tnejn iridu snin ta’ studji, snin sabiex jiġu mwettqa u ovvjament mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro sabiex isiru realtà. 

Allura nistaqsi, is-settur turistiku għandu jkompli jistenna iktar snin sabiex barra aċċess bil-baħar ikollna aċċess ieħor. Is-settur ilu ħamsin sena mċaħħad minn aċċess bil-fixed wing. U wara ħamsin sena ta’ turiżmu, illum għadna fejn konna dakinhar, ħlief għal fatt li għandna għad-dispożizzjoni tagħna għoli metri ta’ rapporti dwar dan it-tip ta’ aċċess. Iżda qatt ma kien hemm ir-rieda politika li dan il-mezz jitwaqqaf u ssir ġustizzja mal-gżira Għawdxija u ġustizzja mas-settur turistiku Għawdxi. Dan it-tip t’aċċess jgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta (MIA) f’temp ta’ għaxar minuti u ebda tip t’aċċess ieħor mhu kapaċi jaqdi turist li ġej jew sejjer lejn u minn Għawdex f’ħin hekk qasir. Barra minn hekk din il-faċilità tagħti lil Għawdex li jkollu konnettività diretta ma’ pajjiżi ġirien oħra, mingħajr il-bżonn li wieħed jieqaf l-ewwel Malta. Permezz ta’ din il-konnettività ġdida nkunu qed niftħu lil Għawdex għal swieq turistiċi ġodda, li s’issa noħolmu bihom biss. Finalment jekk ikollna din it-tip ta’ faċilità nkunu qed noħolqu opportunitajiet ta’ xogħol fl-industrija tal-avjazzjoni, anke jekk dawn huma relattivament limitati. L-aċċessibiltà trid tkun trattata mhux emozzjonalment iżda b’mod maħsub, bla ebda aġenda moħbija u b’mod sostenibbli, jekk verament irridu ġid lill-Għawdex tagħna. F’Għawdex kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu fuq din il-materja, iżda dawn iridu jkunu mibnija fuq raġunar serju u miftuħ u mhux manipulati. 

Għawdex bata l-konsegwenzi li l-gżira ma kinitx meqjusa bħala reġjun meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni vera għaliex, jafuha dawk li nnegozjaw ma’ Brussell. Il-fatti huma li Għawdex seta’ akkwista aktar fondi kieku kien meqjus bħala reġjun. Allura dan l-argument għadu validu anke llum. Iżda l-ħasra hi li ftit tingħata informazzjoni fuq din il-materja u f’dan is-sens. Jekk Għawdex ikun verament meqjus reġjun veru u mhux għal raġunijiet ta’ statistika (NUTS III), il-gżira Għawdxija tista’ tibbenefika ħafna minn aktar fondi. Finalment inħoss li reġjonalità vera ta’ Għawdex għandha wkoll tissarraf f’governabbilità reġjonali.

Tony Bezzina (Gozo Business Chamber)

Waħda ma teskludix lill-oħra. Għal Għawdex, aktar ma l-aċċessibilità (din hi l-keyword) tkun faċli, aktar aħjar għall-Għawdxin li jkollhom bżonn jaqsmu Malta ta’ kuljum jew regolarment u anke għall-Maltin u turisti li jkunu jridu jiġu Għawdex. B’riżultat ta’ hekk, l-akbar prijorità hi ta’ fixed link permezz ta’ mina (l-ewwel preferenza minħabba l-ambjent) jew pont. F’kull tip ta’ pjanar irid ikollok il-pjanijiet għal żmien qasir u l-oħrajn għal żmien fit-tul. Ovvjament, fixed wings tista’ tiġi realizzata ħafna aktar malajr, però fl-istess waqt għandu jibda jsir ix-xogħol għal xi ħaġa naqra iktar fit-tul – mina/pont. Jekk il-link permanenti jnaqqas sostanzjalment jew jelimina (nemmen li hu possibbli) d-distakk u l-problemi ta’ Għawdex (f’GDP ta’ circa 73% ta’ Malta) nippreferi link permanenti milli li nkunu reġjun. Fil-prattika u r-realtà, il-fatt li Għawdex hu reġjun s’issa ma tantx fisser aktar għajnuna jew flus biex il-livell ta’ ħajja f’Għawdex jogħla bħal dak ta’ Malta. Ir-riżultati ma wrewx dan. Fit-teorija jgħidu, u nittama li hu veru, li jekk Malta tilħaq il-75% tal-GDP tal-medja tal-GDP tal-istati tal-EU, Għawdex jikkwalifika għall-aktar fondi ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea peress li l-GDP ta’ Għawdex ma tilħaqx il-medja tal-75% tal-istati l-oħra tal-UE. 

Mark Attard (Malti li jgħix Għawdex u jaqsam kuljum għax-xogħol)

L-akbar prijorità għandha tkun li jkun hemm servizz ta’ Katamaran lejn il-Belt bi prezz raġonevoli u mhux bi prezz ridikolu li jfalli qabel jibda.

Mabbli Zammit (Għawdxi)

L-aktar ħaġa importanti hi xogħol fuq din il-gżira immedjatament. Irridu naħsbu b’mentalità li mhux x’se jsir illum u lanqas x’se jsir għada iżda x’se jsir ilbieraħ. Dik hi l-problema ta’ Għawdex u mhux jekk tkunx reġjun jew kemm se tagħtina flus l-Ewropa. Aħna rridu gżira li taħdem qabel kwalunkwe titlu ta’ reġjun jew le. X’se jieklu n-nies jinteressana u mhux it-titlu. 

Nagħlaq billi nikkwota lin-negozjant Għawdxi John Magro fejn qal li qed jibża’ li Għawdex qabad it-triq ta’ Kemmuna li f’ħamsin sena l-popolazzjoni tagħha minn madwar 50 persuna spiċċat bi tnejn għax il-gżira m’għadhiex sostenibbli.

More in G?awdex