Jekk tkun elett, x’se tagħmel għal Għawdex?

Għawdex hemm madwar 28,000 votant li anke jekk kollha jivvutaw għall-istess kandidat lanqas ikollu kwota biex jitla’ bħala membru parlamentari Ewropew.Mill-kandidati Maltin l-aktar tlieta li ilni ninnutahom jaħdmu fuq il-gżira Għawdxija huma l-professur Arnold Cassola tal-Alternattiva, Stefano Mallia tal-Partit Nazzjonalista u Charlon Gouder tal-Partit Laburista.

Għalhekk lil dawn it-tlieta staqsejthom tliet mistoqsijiet identiċi għal xulxin u dawn huma t-tweġibiet tagħhom.

Għaliex ħassejtek miġbud lejn Għawdex aktar minn ħaddieħor?

Arnold Cassola

“Ma nafx jekk iniex miġbud lejn Għawdex aktar minn ħaddieħor, għax fil-fatt Għawdex tiġbed lil ħafna nies. Ir-rabta tiegħi ma’ Għawdex issa tmur lura ħdax-il sena u bdiet... grazzi għall-politika. Tul il-kampanja tal-2004, kont nitla’ Għawdex biex niltaqa’ man-nies, imma aktar ma bdejt nitla’ aktar kont napprezza s-serenità tal-ambjent, il-pass mhux mgħaġġel tal-ħajja, in-nuqqas ta’ stress, id-dħulija tan-nies u r-rilassament ta’ moħħ li jagħtik il-pajsaġġ Għawdxi. Għamilt ħbieb Għawdxin u bqajt nitla’ regolarment, issa mhux aktar għall-politika, imma għal dawk il-veduti splendidi li tista’ ssib biss Għawdex u biex ingawdi lill-ħbieb (ta’ vera!) Għawdxin li jien għamilt.” 

Charlon Gouder

“Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Għawdex hu parti mill-kostitwenza tiegħi daqs Malta. Għalhekk bħalma bħalissa qed indur il-familji f’Malta, bi dmir dover u lealtà, irrid indur il-familji f’Għawdex biex nisma’ r-realtajiet tal-Għawdxin. 

Ma nistax inkun il-vuċi tal-Għawdxin fil-Parlament Ewropew jekk ma nkunx qrib l-Għawdxin fil-kampanja elettorali.”

Stefano Mallia

“Nemmen li Għawdex ghandu jkun reġjun fih innifsu li għandu jingħata attenzjoni partikolari biex ikun jista’ jegħleb l-isfidi ekonomiċi, politiċi u soċjali tiegħu. Nemmen fi bżonn ta’ pjan ekonomiku għal Għawdex mibni fuq l-isfidi speċjali partikolari tal-gżira fosthom l-insularità doppja u li fl-istess waqt jagħti tama liż-żgħażagħ Għawdxin li jista’ jkollhom futur sod fi gżirithom. Iż-żgħażagħ Għawdxin bħala medja llum huma aktar kwalifikati minn ta’ qabilhom, iżda ma nħolqux biżżejjed opportunitajiet ta’ xogħol għal dawn iż-żgħażagħ. Dan hu ħela ta’ potenzjal ekonomiku. In-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ifissru li ż-żgħażagħ ikollhom jitilqu minn gżirithom biex ifittxu xogħol fejn il-kwalifiki tagħhom jiġu stmati u mħallsa kif xieraq.”

F’din il-kampanja tgħallimt xi ħaġa mill-Għawdxin? Forsi sirt tafhom aħjar?

Arnold Cassola

“Iva, tgħallimt napprezza aktar il-veduti ta’ min qed ibati minn iżolament doppju kontinwament, minn min irid jaqsam il-fliegu kuljum biex imur għax-xogħol jew jistudja. Il-perspettiva ta’ min jgħix il-problemi kuljum hi differenti mill-perspettiva ta’ min il-problemi jarahom minn barra. Soluzzjoni ftit jew wisq immedjata biex jittaffu l-problemi ta’ xogħol f’Għawdex hi l-installar ta’ fibre optic cable oħra bejn Malta u Għawdex biex ditti u kumpaniji jkollhom moħħhom mistrieħ li jistgħu jiftħu l-ażjenda tagħhom bla xkiel f’Għawdex. Fuq pjan ta’ konnettività, hemm bżonn jinbeda malajr is-servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta, biex inaqqas mill-ħin tat-traġitt għal min jaħdem f’Malta, waqt li jiġi ffrankat ħafna tniġġis u telfien ta’ żmien fit-traffiku, bl-użu tal-karozza.” 

Charlon Gouder

“Għalhekk fil-ġimgħat li għaddew wassalt il-messaġġ f’Għawdex, li hu simili ħafna għal dak li qed inwassal f’Malta, ċoe li rrid inkun qrib in-nies, qrib il-familji u qrib il-komunità kummerċjali. F’dan l-aħħar ġimgħat żort il-qasam industrijali tax-Xewkija, żort l-istabbilimenti ta’ ikel fix-Xagħra, Marsalforn u x-Xlendi u ltqajt mal-furnara Għawdxin li jbigħu x-xogħol tagħhom f’Malta ta’ kuljum.

Żort tliet lukandi ewlenin f’Għawdex u hemmhekk smajt mingħand il-management tagħhom l-isfidi li qed jiffaċċjaw. Missejt ma’ min f’Għawdex qed jaħdem fl-agri-turiżmu. Iltqajt mal-Gozo Business Chamber fejn hawnhekk issemmiet l-importanza li Għawdex għandu jkollu vuċi aktar b’saħħitha fil-Parlament Ewropew. 

Iltqajt mal-Gozo Tourism Association fejn dawn urew l-importanza ta’ aktar aċċessibiltà bil-baħar bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa u l-possibbiltà tat-trasport bl-ajru. Ġiet diskussa wkoll il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod li għandhom il-lukandi Għawdxin. Saru wkoll laqgħat f’għadd ta’ każini mas-soċjetajiet tal-mużika, NGOs u assoċjazzjonijiet, każini tal-futbol. Iċċelebrajt mal-President u t-tim tax-Xewkija r-rebħ tal-kampjonat. Fuq kollox iltqajt mal-familji fid-djar tagħhom fejn tkellimna flimkien dwar it-triq il-quddiem għal Għawdex.”

Stefano Mallia 

“L-istatistika turi ċar it-tibdil soċjali li għaddejja minnu l-gżira ta’ Għawdex fosthom li l-popolazzjoni tal-gżira mhix qed tikber bl-istess ħeffa daqs dik ta’ Malta waqt li qed tixjieħ b’rata aktar mgħaġġla. Iċ-ċifra tat-trabi li qed jitwieldu naqset b’mod viżibbli ħafna f’dawn l-aħħar għaxar snin. Bejn l-2005 u l-2011 il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’madwar 3.1% dik ta’ Għawdex żdiedet biss b’ 0.9%. Jekk din id-dinamika mhux se tinbidel, il-konsegwenzi se jkunu negattivi ħafna. Ir-rata tal-qgħad f’Għawdex hi akbar minn dik ta’ Malta. Fejn l-aktar li qed jintlaqtu ħażin huma ż-żgħażagħ, għax jekk għaż-żgħażagħ Maltin b’mod ġenerali d-dħul fid-dinja tax-xogħol joffri sfidi, għaż-żgħażagħ Għawdxin dan hu pass iebes ħafna. Minħabba f’hekk xi drabi jkollhom ibaxxu rashom għal kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri minn dawk offruti lil Maltin.”

U fl-UE x’beħsiebek tagħti lil Għawdex?

Arnold Cassola

“Kulħadd jgħid li favur li Għawdex ikun ittrattat bħala reġjun speċifiku imma mbagħad la l-gvern Nazzjonalista u lanqas dak Laburista ma ħejjew l-istrutturi neċessarji biex jiġi rikonuxxut hekk. Għalhekk, hemm bżonn li l-Gvern Malti (1) iħejji biex Għawdex ikollu Kunsill Reġjonali bi strutturi demokratiċi eletti direttament mill-Għawdxin; (2) li l-istatistika għal Għawdex tibda tinġabar separatament biex b’hekk wieħed ikun jista’ juri kif Għawdex isofri aktar minħabba l-insularità doppja. Sakemm iseħħu dawn l-affarijiet, it-talba biex Għawdex jiġi meqjus reġjun ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet tal-UE. 

Charlon Gouder

“Biex inżid mal-ħidma li diġà għamilt, qed inwiegħed li jekk niġi elett fil-PE niftaħ uffiċċju fil-gżira Għawdxija biex ikun il-vuċi tiegħu f’Għawdex fl-istess ħin, li permezz ta’ dan l-uffiċċju, se nkun qed naħdem biex Għawdex ikun rappreżentat aktar fil-PE. 

Fil-PE, jekk niġi elett, ser naħdem biex il-Kumissjoni Ewropea tifhem sew l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha fuq Għawdex bħala gżira fi gżira. Ser naħdem biex ngħinu lil Għawdex jiddentifika aktar niċeċ turistiċi fl-istess ħin li l-liġijiet li jgħaddu mill-UE iridu naċċertaw ruħna li ma jitfgħux piż żejjed fuq in-niċeċ ta’ bħalissa. Se naħdem biex Għawdex, għal finijiet ta’ statistiċi, jiġi rikonoxxut bħala reġjun fl-istess ħin li ser nara li dak li ġie mwiegħed lill-Għawdxin mat-trattat tal-adezzjoniji jeħduh. 

Fuq kollox ser naħdem biex f’Għawdex jitkattar ix-xogħol u ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet neċessarji ħalli jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Bħalissa waħda mill-isfidi li qed jiffaċċjaw l-industriji f’Għawdex hi n-nuqqas ta’ ħaddiema mħarrġa għalhekk din nemmen li għandha tittieħed bi prijorità minna l-futuri ewroparlamentari. Taħriġ ta’ kwalità li jwassal għal xogħol ta’ kwalità hija l-prijorità tiegħi fil-PE. 

B’dawn l-esperjenzi kollha warajja u ħafna aktar xogħol li għad irid jiġi quddiemi, illum grazzi għall-Għawdxin li laqgħuni fil-familji tagħhom inħossni ferm aktar preparat li nirrapreżenta lill-Għawdxin... biex inkun il-vuċi tal-Għawdxin bħal ma naspira li nkun il-vuċi tal-Maltin jekk niġi elett fil-PE.

Stefano Mallia 

“Lest nagħti l-appoġġ sħiħ tiegħi jekk issir proposta biex Għawdex ikollu d-Deputat Ewropew tiegħu għax dan iwassal messaġġ qawwi lill-Għawdxin u juri lill-Ewropa kemm hu importanti li l-gżira tingħata l-appoġġ kollu li għandha bżonn. Nemmen li għandu jkun hemm pjan li jagħti viżjoni ċara ta’ fejn irid jasal Għawdex fil-ħames snin li ġejjin biex b’hekk l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-gżira jingħata spinta akbar u direzzjoni definittiva. Jekk inkun elett fil-Parlament Ewropew se nimpenja ruħi biex isir dak kollu possibbli biex Għawdex idawwar ix-xejriet ekonomiċi u soċjali li qabad u jerġa’ jsir post fejn iż-żgħażagħ jistgħu jippjanaw li jkollhom futur fih.”

More in G?awdex