Supermarkets naqqsu l-bejgħ tagħhom bi 30%

L-impatt tal-LIDL f’Għawdex

Jidher li fit-13 ta’ Marzu meta l-LIDL fetaħ uffiċjalment is-supermarkets kollha ħadu daqqa kbira
Jidher li fit-13 ta’ Marzu meta l-LIDL fetaħ uffiċjalment is-supermarkets kollha ħadu daqqa kbira

Din il-ġimgħa l-eks Prim Ministru Laburista u kontestant għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Dr. Alfred Sant fi Breakfast News fuq ONE għamel din l-affermazzjoni “Mad-daħla tal-LIDL f’Għawdex is-settur tal-bejgħ bl-imnut (retail) mill-Għawdxin għall-Għawdxin ħa daqqa lura. Hawn min jgħid li l-LIDL qed jagħti għażla akbar lil konsumaturi Għawdxin, imma veru din? Għax li qed jiġri hu li l-ħaddiema fis-settur tal-imnut għal Għawdex qed ikollhom theddida għall-impjieg tagħhom. Din hi xi ħaġa ta’ min jikkonsidraha. Hemm bżonn li taħt ir-regoli Ewropej Għawdex jitqies reġjun taħt kundizzjonijiet speċjali.”

Għal din id-dikjarazzjoni, il-gazzetta ILLUM iddeċidiet li ddur dawra ma’ Għawdex u titkellem ma’ proprjetarji ta’ supermarkets, ħwienet tal-għodda, ħwienet tal-pjanti, fran tal-ħobż, tal-ġelati u anke ħwienet tal-bejjiegħa tal-frott u ħaxix. Dawn huma kollha setturi li huma rappreżentati f’dan is-supermarket LIDL.
Dawk li intervistajna ma xtaqux juru isimhom minħabba l-fatt li skont huma Għawdex meta titkellem dwar nuqqas jew żieda ta’ bejgħ taħdem kontrik.
Jidher li xahrejn ilu, eżatt fit-13 ta’ Marzu meta l-LIDL fetaħ uffiċjalment bejn ix-Xewkija u r-Rabat, is-supermarkets kollha ħadu daqqa kbira. Eluf ta’ Għawdxin irħewlha bi ħġarhom lejn il-LIDL jippruvaw jakkwistaw dak kollu li l-konsumaturi Maltin kienu ilhom snin jakkwistaw. Dan il-fatt ta daqqa qawwija lis-settur tas-supermarkets Għawdxin fejn wieħed minnhom qalilna li l-bejgħ naqas bi 30%.
Propjetarju qalilna li hu jħossu fortunat li d-daqqa inizjali tal-LIDL beda jirkupra sew minnha u qalilna li ma neħħa l-ebda impjegat. Iżda supermarket ieħor fir-Rabat qalilna li x-xogħol naqaslu b’25 fil-mija u kellu jnaqqas xi impjegati.
Staqsejna wkoll ħanut tal-pjanti jekk ħassx impatt negattiv mal-ftuħ tal-LIDL, fejn qalilna li hu baqa’ sejjer tajjeb għax għandu prodotti li huma rħas minn tal-LIDL. Iżda qalilna wkoll li għalkemm mar tajjeb fil-Mother’s Day jaf biċ-ċert li l-LIDL ħa ħafna u ħafna xogħol. Ħwienet oħra tal-merċa li ntlaqtu b’mod ferm negattiv huma l-ħwienet tal-għodda. Propjetarju ta’ ħanut tal-għodda qalilna li fejn tidħol l-għodda ma jistax jikkompeti mal-LIDL għax l-LIDL hu l-uniku li jagħti 3 snin garanzija fuq l-għodda li normalment l-ebda ditta oħra ma tagħti. Fl-ewwel ġurnata tal-ftuħ tal-LIDL, dan għamel offerta fejn il-frott u l-ħaxix inbiegħu nofs prezz. Dan il-fatt ħalla lil ħwienet oħra tal-frott u l-ħaxix vojta. Staqsejna wkoll dwar il-ġelati u l-ħobż fejn jidher li l-ħobż baqa’ għaddej kważi bl-istess ritmu minħabba li hemm minnhom li ħaduha bħala sfida u qed jaħmu tipi ġodda ta’ ħobż fis-suq lokali bi prezzijiet kompettitivi. Dawk li jagħmnlu l-ġelati qed jistennew is-sajf biex ikunu jistgħu jagħmlu l-kalkoli tagħhom.
Bħalma wieħed jista’ jinnota li l-LIDL għamel impatt qawwi fil-gżira Għawdxija. Fejn il-konsumatur kuntent li jista’ jakkwista prodotti differenti u anke b’irħas, filwaqt li l-ħwienet tal-merċa qed ibatu biex ilaħqu miegħu, anke jekk kull konsumatur li tkellimna miegħu qalilna, “Il-LIDL issib ħafna prodotti irħas u ta’ kwalità, iżda ma tistax tagħmel xirja sħiħa. Ma tistax tinqeda f’kollox mil-LIDL. Bilfors trid tmur f’supermarket ieħor biex tixtri dak kollu li jkollok bżonn.”

 

More in G?awdex