Neil Agius jingħaqad ma’ A-Speakers għall-Keynote Tours internazzjonali

Neil Agius se jiffoka fuq ir-reżistenza, is-saħħa mentali, it-teħid ta’ deċiżjonijiet bi pressjoni għolja, il-benesseri, u l-qawwa tax-xogħol tan-nifs waqt it-tours ewlenin

L-għawwiem Malti Neil Agius iffirma kuntratt ma’ A-Speakers – wieħed mill-ikbar u l-aktar prestiġjużi speaker agencies fl-Ewropa – sabiex ikun rappreżentat globalment fit-tours internazzjonali tagħhom. Huwa issa jissieħeb ma’ lista ta’ ismijiet ta’ klassi dinjija fosthom l-host ta’ Diary of a CEO Steven Bartlett, l-investitriċi Amerikan Barbara Corcoran, il-Fubu CEO Daymond John u l-ko-fundatur ta’ Apple Steve Wozniak.

A-Speakers iddeskriviet lil Agius bħala “profil tassew rari, kelliem li jgħaqqad kisbiet fiżiċi estremi ma’ intelliġenza emozzjonali profonda”. Permezz ta’ dan il-ftehim, Agius se jkun rappreżentat fid-dinja kollha għal keynote speeches, avvenimenti ta’ tmexxija, workshops korporattivi u sessjonijiet ta’ high-performance ibbażati fuq l-esperjenzi tiegħu fl-ilmijiet miftuħa u fuq il-filosofija tiegħu magħrufa bħala l-Ocean Mindset.

F’Settembru li għadda, Agius temm sfida oħra storika u waħda mill-aktar diffiċli li qatt saru: dar madwar Għawdex seba’ darbiet f’sitt ijiem konsekuttivi, billi qatta’ aktar minn 100 siegħa fl-ilma. Tul l-isforz kollu tiegħu kien segwit minn tim mediku u xjentifiku biex jistudja r-relazzjoni bejn il-breathwork, l-irkupru u l-istress estrem.

Agius diġà kellu esperjenza bħala kelliem f’organizzazzjonijiet globali ewlenin, fosthom sessjoni li ħalla impatt qawwi fl-uffiċċji Ewropej ta’ Netflix f’Londra. Hemmhekk mexxa timijiet mill-UK, l-Italja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi f’sessjonijiet dwar endurance, tekniki ta’ nifs u stejjer minn wara l-kwinti ta’ għawma rekord.

F’kummenti tiegħu, Agius qal li dan il-pass se jippermettilu jwassal il-messaġġ tiegħu lil udjenzi aktar wiesgħa.

“Jiena eċċitat li naqsmu l-Ocean Mindset mad-dinja. L-għawm tiegħi għallmuni li l-limiti tagħna huma ferm aktar ’il bogħod milli naħsbu, u li s-saħħa mentali u l-endurance jistgħu jiġu mħarrġa minn kulħadd. Din is-sħubija ma’ A-Speakers se tgħinni nwassal dan il-messaġġ lil aktar nies, timijiet u leaders,” qal.

Il-keynotes tiegħu se jiffukaw fuq ir-reżiljenza, is-saħħa mentali, it-teħid ta’ deċiżjonijiet taħt pressjoni, il-benesseri u l-qawwa tat-tekniki tan-nifs — temi li huma fil-qalba tal-vjaġġ tiegħu bħala ultra-endurance athlete.

More in Socjali