Il-Pont tal-Imsida miftuħ imma ħafna nies frustrati xorta waħda

Wara xhur ta’ xogħlijiet infrastrutturali, il-pont tal-Imsida reġa’ nfetaħ bl-għan li jnaqqas it-traffiku — iżda r-realtà tidher li hija waħda differenti 

Is-sindku Charles Selvaġġi lmenta dwar id-diffikultajiet minħabba x-xogħolijiet li għaddejin
Is-sindku Charles Selvaġġi lmenta dwar id-diffikultajiet minħabba x-xogħolijiet li għaddejin

 

Mhux faċli tikkuntenta nies.  Minn meta l-pont il-ġdid fl-Imsida nfetaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd 2 ta’ Novembru, wara perjodu twil ta’ xogħlijiet ta’ tiswija u infrastruttura, ħafna kienu jittamaw li t-traffiku fl-inħawi jonqos. Madankollu, jidher li l-effett kien eżattament bil-maqlub, hekk kif diversi residenti u sewwieqa rrappurtaw traffiku, saħansitra agħar minn qabel. 

F’kummenti li ta lil din il-gazzetta, is-Sindku Nazzjonalista tal-Imsida, Charles Selvaggi, qal li, minkejja li x-xogħlijiet qed jimxu skont l-iskeda, il-problema ewlenija qed toħroġ minħabba stop sign li qed iżżomm lura t-traffiku, partikolarment min-naħa ta’ Ta Xbiex. “Minn dak li qed nara jien, ix-xogħol miexi kif ippjanat, imma l-problema tal-konġestjoni hija minħabba din l-istop sign li qed iżżomm il-moviment tal-karozzi. Barra minn hekk, min irid jaqsam minn naħa għall-oħra tal-Imsida issa qed ikollu jitla’ sal-Pietà u jerġa’ jinżel lura — ħaġa li qed iżżid it-traffiku u toħloq frustrazzjoni kbira,” qal is-Sindku. 

Huwa żied jgħid li anke personalment, biex jasal mid-dar sal-Kunsill, “issa qed teħodli 20 minuta aktar mis-soltu”. 

Laqgħa mal-Ministeru tat-Trasport 

Il-Kunsill Lokali, skont is-Sindku, diġà kellu laqgħa mal-Ministeru tat-Trasport dwar dawn il-problemi. “Għednielu bil-problema u anke ppreżentajna xi proposti. Il-Ministeru ma qalx le, imma lanqas ma weġibna b’mod ċar. Qal biss li se jkunu qed iħarsu lejn is-sitwazzjoni.” 

Is-Sindku enfasizza li, minkejja dan, il-Kunsill jibqa’ lest li jikkollabora mal-Gvern, iżda b’kundizzjoni waħda ċara: “L-enfasi tagħna trid tkun fuq is-sigurtà tan-nies. Aħna qegħdin hemm biex inħarsu lis-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tagħna.” 

Tħassib dwar is-sigurtà u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni 

Il-Kunsill Lokali esprima wkoll tħassib serju dwar il-kwistjonijiet ta’ sigurtà fiż-żona. “Bħalissa m’hemmx ambjent sigur — la għal min isuq u wisq inqas għal min ikun għaddej bil-mixi. Dak li rridu hu ambjent sigur,” tenna Charles. 

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-Kunsill qed iżid il-frustrazzjoni. “Ħafna drabi nsiru nafu dwar xi żviluppi, jew mir-residenti, jew minn xi avviżi pubbliċi. Pereżempju, it-triq tal-Knisja ngħalqet mingħajr ma kellna avviż minn qabel. Irridu nifhmu li l-Kunsill Lokali huwa l-gvern lokali — u jekk aħna ma nkunux infurmati, kif ħa nispjegaw lir-residenti meta jiġu jitolbuna tweġibiet?” 

Is-Sindku temm jgħid li dak li l-Kunsill qed jitlob hu sempliċi: “Aħna rridu komunikazzjoni aħjar, u ambjent aktar sigur. Aħna lesti naħdmu mal-Gvern, imma rridu li jimxi magħna wkoll.” 

 

More in Socjali