Minn Frar tal-2024 għall-Frar tal-2025 kien hemm żieda minima ta’ 0.1% fil-kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà residenzjali, skont l-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
“Fi Frar 2025, l-għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali kien jammonta għal 1,021, żieda taʼ 0.1% meta mqabbel maʼ dawk irreġistrati fi Frar 2024,” qalet l-NSO.
Minkejja ż-żieda ċkejkna fin-numru ta’ kuntratti, il-valur tagħhom għola naqra mhux ħażin, hekk kif il-valur kollettiv tagħhom laħaq il-€287.5 miljun, li hija żieda ta’ 6.3% minn Frar tas-sena l-oħra.
Il-maġġoranza tan-numru, kif ukoll il-valur tal-kuntratti kkonsistew minn kuntratti magħmulin minn individwi filwaqt li l-bqija kienu kuntratti magħmulin minn kumpaniji.
Kien hemm 930 kuntratt magħmul minn individwi, li jirrappreżentaw 91.1% tat-total, u bħala valur dawn kienu jammontaw għal €235.3 miljun, li huwa ekwivalenti għal 81.8% tal-valur kollu.
Għaldaqstant, kuntratti magħmulin mill-kumpaniji ammontaw għal 91 kuntratt, li jirrappreżentaw 8.9% tat-total, u dawn flimkien ammontaw għal €52 miljun, jew 18.2% tat-total.
Lokalitajiet u distretti bl-ikbar numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ
It-tliet lokalitajiet fejn sar l-ikbar numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ huma San Pawl il-Baħar, Birkirkara, u Tas-Sliema fejn ġew irreġistrati 62, 49, u 47 kuntratt rispettivament.
Warajhom kien hemm Marsaskala b’44 kuntratt; Il-Mosta b’39; Il-Mellieħa b’35; Ħaż-Żabbar bi 32; Il-Fgura b’29; u l-Imsida u San Ġiljan b’27 il-wieħed.
Min-naħa l-oħra, id-distrett li rreġistra l-ikbar numru ta’ kuntratti huwa d-Distrett tat-Tramuntana tal-Port, fejn ġew irreġistrati 299 kuntratt.
Id-distretti ta’ wara huma d-Distrett tat-Tramuntana b’170 kuntratt; id-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port b’154; id-Distrett tan-Nofsinhar tal-Lvant b’152; id-Distrett t’Għawdex u Kemmuna b’136; u d-Distrett tal-Punent b’110.
Il-konvenji żdiedu b’7.5% meta mqabblin sena b’sena
Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ konvenji żdiedu b’rata ogħla ta’ 7.5% meta mqabbla mas-sena l-oħra, fejn b’kollox kienu rreġistrati 1,253 konvenju.
L-istess bħall-kuntratti, il-maġġoranza tal-konvenji kienu magħmulin minn individwi, fejn dawn ammontaw għal 1,117 jew 89.1% tat-total.
Il-bqija tal-konvenji kienu jinvolvu kumpaniji, jiġifieri 136 konvenju jew 10.9% tal-konvenji kollha.
Lokalitajiet u distretti bl-ikbar numru ta’ konvenji
It-tliet lokalitajiet fejn kien hemm l-ikbar numru ta’ konvenji reġistrati huma San Pawl il-Baħar, Il-Mosta, u Birkirkara fejn dawn kellhom 90, 61, u 60 konvenju rispettivament.
Warajhom kien hemm il-lokalitajiet ta’ Marsaskala b’55 konvenju; L-Imsida bi 48; Il-Fgura bi 43; Ħaż-Żabbar b’39; Iż-Żejtun b’37; In-Naxxar bi 33; u l-Mellieħa bi 32.
Fejn jidħlu distretti, id-distrett bl-ikbar numru ta’ konvenji rreġistrati kien fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bi 354 konvenju. Id-distretti ta’ wara huma d-Distrett tat-Tramuntana bʼ250 konvenju; id-Distrett tan-Nofsinhar tal-Lvant b’215; id-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port b’183; id-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna b’132; u d-Distrett tal-Punent bʼ119.
Proprjetajiet irreġistrati fil-kuntratti ta’ bejgħ
Fejn jidħlu proprjetajiet li ġew irreġistrati fil-kuntratti ta’ bejgħ, dawn b’kollox ammontaw għal 1,117-il proprjetà.
Minn dawn, il-proprjetajiet bl-ikbar sehem tat-total huma appartamenti u garaxxijiet li b’kollox ammontaw għal 428 u 251 rispettivament.
Warajhom ġew irreġistrati 120 roqgħa art; 115-il dar, inklużi bungalows, vilel, irziezet, eċċ.; 106 maisonettes; 64 penthouse; u 33 proprjetà oħra, inklużi boathouses, ġonna, eċċ.