Bluesky: Il-pjattaforma soċjali ġdida li qed tattira l-utenti ta’ X (Twitter)

Bluesky hi l-pjattaforma soċjali ġdida li qed tattira miljuni ta’ utenti. Għaliex in-nies qed jemigraw minn fuq X għal Bluesky? X’qed jagħmel Bluesky aktar sigura? L-ILLUM tanalizza

Bluesky, pjattaforma soċjali ġdida, qed tattira miljuni ta’ utenti, wara li tippreżenta lilha nnifsiha bħala alternattiva aktar pożittiva għal X, magħrufa qabel bħala Twitter. Din il-pjattaforma qed tiġbed b’mod speċjali dawk li jridu jaħarbu minn tibdiliet kontroversjali u t-tossiċità li żdiedet fuq X taħt il-mexxej Elon Musk. 

Bluesky ġiet imwaqqfa minn Jack Dorsey, Eks Kap Eżekuttiv ta’ Twitter, iżda issa hija mmexxija minn Jay Graber. Għalkemm kienet biss għal mistiedna esklussivi sal-bidu ta’ din is-sena, issa hija miftuħa għal kulħadd.  

Il-pjattaforma toffri esperjenza simili ħafna għal dik ta’ Twitter, bl-istess feature bħal Twitter, inkluż direct messages, feed kronoloġiku, u starter packs li jgħinu lill-utenti jsibu kontenut u nies interessanti biex isegwu. 

Karatteristika unika ta’ Bluesky hija l-abbilità li tippermetti interazzjoni bejn pjattaformi differenti fil-futur, ħolma li tista’ tfixkel il-mudelli ta’ negozju tal-kumpaniji Big Tech. 

Fl-aħħar xhur, Bluesky ra żieda qawwija fl-utenti tiegħu, u laħaq 15-il miljun sal-aħħar ta’ Novembru, b’ħafna jħallu X. Dawn jinkludu wkoll kmamar kbar tal-aħbarijiet, fost oħrajn il-kamra tal-aħbarijiet The Guardian, li f’editorjal spjegat li l-kontenut fuq il-pjattaforma li dwaru kellha tant tħassib għal żmien twil dwaru kien jinkludi teoriji ta’ konfoffa u anke razzisti, tal-lemin estrem. 

Il-ġimgħa wara X ġie imblukkat fil-Brażil f’Awwissu, Bluesky kiseb 2.6 miljun utent ġdid, 85% minnhom Brażiljani. 

Din il-migrazzjoni ta’ ġurnalisti, politiċi, u ċelebritajiet li jħossu li Bluesky huwa spazju aktar sigur u ħieles minn reklami, mibegħda, u bots, tinkludi wkoll persuni magħrufa bħal Mark Hamill, Jamie Lee Curtis, u Stephen King. 

X’qed idejjaq lin-nies fuq X? 

Elon Musk, li xtara lil Twitter fl-2022, għamel diversi bidliet li ma niżlux tajjeb mal-utenti. Fost dawn, it-tnaqqis fil-moderazzjoni tal-kontenut, it-tneħħija tal-verifika oriġinali tal-blue checkmarks, u t-tibdil fil-funzjoni tal-block. Dawn il-bidliet wasslu għal żieda fil-fastidju, u l-preżenza ta’ bots. 

B’kuntrast, Bluesky għandu sistema aktar effettiva ta’ moderazzjoni u għodod biex jimblokka profili problematiċi. Il-pjattaforma għadha żgħira, iżda qed tattira nies li jixtiequ esperjenza simili għal Twitter fl-ewwel snin tiegħu. 

Għalkemm il-pjattaforma għadha mingħajr reklami u hija meqjusa bħala oasi paċifika meta mqabbla ma’ X, hemm sfidi kbar quddiemha. Kompetizzjoni minn pjattaformi oħra bħal Threads u Mastodon tista’ ttellef it-tkabbir tagħha, filwaqt li t-tibdil fid-drawwiet tal-utenti lejn kontenut ibbażat fuq filmati (bħal TikTok u YouTube) jagħmilha aktar diffiċli għal pjattaformi li jipprijoritizzaw il-kitba. 

Bħalissa, Bluesky huwa esperiment ta’ kif l-utenti jistgħu jerġgħu jesperjenzaw il-media soċjali b’mod aktar pożittiv. Jekk il-pjattaforma tkompli tikber u toħloq identità unika, tista’ ssir alternattiva reali għal X jew, forsi, tfassal triq kompletament ġdida fid-dinja diġitali. 

More in Socjali