Ozempic, oriġinarjament żviluppat biex tgħin bid-dijabete tat-tieni tip, saret is-suġġett ewlieni ta’ diversi kontroversji fid-dinja tas-saħħa, partikolarment minħabba l-effett sekondarju tiegħu ta’ telf ta’ piż.
Ozempic jaħdem billi jimita ormon li jirregola l-livelli tal-insulina, li mhux biss jgħin biex ibaxxi z-zokkor fid-demm iżda wkoll inaqqas id-diġestjoni u jnaqqas l-aptit.
Maż-żmien, dan ġibed l-attenzjoni, speċjalment minn dawk li qed ifittxu soluzzjoni ta’ malajr għal telf ta’ piż. Il-mediċina kisbet saħansitra aktar attenzjoni permezz ta’ TikTok, fejn bdew jiġu nnotati d-differenzi fiċ-ċelebritajiet ta’ Hollywood li saħansitra faħħruha bħala l-miraklu li wassalhom jitilfu l-piż.
Madankollu, din iż-żieda mgħaġġla fil-popolarità qajmet diversi mistoqsijiet u tħassib importanti dwar l-użu, l-effettività u s-sigurtà ta’ Ozempic. Il-mediċina toffri benefiċċji leġittimi għal pazjenti bid-dijabete, iżda l-użu off-label tagħha għal telf ta’ piż jista’ jinvolvi riskji, speċjalment f’dawk mingħajr superviżjoni medika. Hemm tħassib dwar effetti sekondarji potenzjali bħal dardir, rimettar, u kwistjonijiet gastrointestinali oħra, kif ukoll l-impatt fit-tul fuq is-saħħa metabolika.
Għal dawk li għażlu metodi tradizzjonali biex inaqqsu l-piż tagħhom, bħal eżerċizzju regolari u bidliet fid-dieta, l-Ozempic tista’ tidher bħala shortcut li jimmina x-xogħol iebes meħtieġ għat-telf ta’ piż sostenibbli. Dawk li jmorru l-gym u dilettanti tal-isport ta’ spiss jenfasizzaw l-importanza tal-bidliet fl-istil tal-ħajja aktar milli jiddependu fuq soluzzjonijiet ta’ malajr, u jinnotaw li l-benefiċċji ħolistiċi tal-eżerċizzju, bħas-saħħa kardjovaskulari mtejba u l-benefiċċji mentali, ma jistgħux jiġu replikati b’xi tip ta’ mediċini.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tabib illi jaħdem ma’ pazjenti li jaf ikollhom bżonn din il-mediċina biex tifhem aħjar l-interess, l-użu u l-effetti.
‘Mediċina b’potenzjal kbir, iżda li tittieħed b’kawtela’ - Clifford Caruana
It-tabib Clifford Caruana spjega lill-ILLUM kif l-ingredjent attiv huwa Semaglutide, mediċina użata primarjament għat-trattament tad-dijabete tat-tieni tip u tgħin fir-regolazzjoni tal-livelli tal-glukożju fid-demm. L-interess f’din il-mediċina rriżulta l-aktar mill-benefiċċji tagħha tat-telf tal-piż.
“Semaglutide huwa liċenzjat f’pajjiżi oħra għat-telf tal-piż taħt isem kummerċjali u dożaġġi differenti. Din il-mediċina ttejjeb is-sekrezzjoni tal-insulina waqt l-ikliet, tnaqqas it-tbattil tal-istonku u tnaqqas l-aptit,” huwa qal.
Semma kif l-effetti sekondarji potenzjali jinkludu d-dardir, ir-rimettar, id-dijarea, il-kostipazzjoni, u l-uġigħ addominali. “Hemm riskji aktar rari iżda aktar serji bħal pankreatite, u mard tal-kliewi, speċjalment jekk ikun hemm teħid ta’ fluwidu orali inadegwat minħabba effetti sekondarji oħra). Il-kanċer medullari tat-tirojde ġie rrappurtat fi studji li saru fuq il-ġrieden.” żied jgħid.
Caruana qal ukoll li l-Ozempic taħdem direttament fuq iċ-ċentri tar-regolamentazzjoni tal-aptit tal-moħħ. Iżżid is-sensazzjoni fejn wieħed iħossu mimli jew li m’għandux bżonn jiekol aktar li jwasslu għal tnaqqis fil-konsum tal-kaloriji. Billi l-mediċina ddewwem it-tbattil fl-istonku, iddewwem ukoll kemm wieħed iħossu mxebba’ mill-ikel u jgħin biex inaqqas il-konsum ta’ ikel żejjed.
Mistoqsi dwar it-tħassib tal-użu tal-Ozempic, Caruana qal li dan jinkludi dipendenza possibbli fuq il-medikazzjoni għall-ġestjoni tal-piż. “Effetti sekondarji jistgħu jippersistu u superviżjoni medika kontinwa u bidliet fl-istil tal-ħajja jistgħu jkunu meħtieġa għal riżultati sostenibbli.”
Fl-aħħar huwa qal li b’mod ġenerali l-Ozempic hija utli, iżda wissa fuq l-importantanza li kull min jieħu medikazzjonijiet bħal dawn jikkonsulta ma’ professjonist mediku fil-qasam u ma jipprovax jixtri mediċini bħal dawn waħdu.
“Ozempic hija mediċina b’potenzjal kbir kemm għat-trattament tad-dijabete tat-tieni tip, kif ukoll għall-appoġġ fit-telf ta’ piż. Madankollu, l-użu tagħha għall-aħħar għan huwa kkontestat u jitlob kawtela.”