Il-GWU tgħid li tal-mistħija li n-nisa għadhom jitħallsu inqas minn raġel

​Id-Direttur Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, ikkundanna kull min għadu jagħmel preġudizzju fil-pagamenti kontra n-nisa fix-xogħol

Id-Direttur Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja
Id-Direttur Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja

Id-Direttur Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, ikkundanna kull min għadu jagħmel preġudizzju fil-pagamenti kontra n-nisa fix-xogħol. 

“Huwa tal-mistħija li fl-2024 għad hawn min jagħmel preġudizzju fil-ħlas kontra n-nisa. Huwa għalhekk ukoll li l-GWU qed titlob li kull ħaddiem għandu jkun membru f’union... Huwa għalhekk ukoll li ħdimna kemm fuq livell Nazzjonali u Ewropew biex tidħol id-direttiva dwar it-trasparenza tal-pagi,” Bugeja qal lil gazzetta ILLUM. 

Dawn il-kummenti kienu b’reazzjoni għal numri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ġimgħa ilu. 

In-numri wrew illi mhux biss in-nisa qegħdin jitħallsu inqas mill-irġiel f’numru ta’ setturi iżda 37% biss tal-pożizzjonijiet maniġerjali huma okkupati min-nisa. 

Bugeja qal li mara sottorappreżentata fir-rwoli maniġerjali mhux biss riflessjoni tal-kapaċitajiet individwali iżda hi manifestazzjoni ta’ normi u preġudizzji usa’. 

L-isterjotipi, skontu, jitolbu b’saħħa li mara tagħti prijorità lir-responsabbiltajiet tal-familja fuq l-avvanz fil-karriera. Hija din il-mentalità li qed tikkontribwixxi għal disparità fil-pagi. 

“Nemmnu li bħala soċjetà għad hemm ħafna aktar ostakli għan-nisa milli għall-irġiel biex jidħlu f’postijiet ta’ tmexxija. Nemmnu wkoll li minħabba li s-soċjetà għadha temmen li l-kura tal-familja (tfal u ġenituri) hija xogħol il-mara, ħafna nisa jħossu li huwa d-dover tagħhom li jieħdu ħsieb il-familja” qal Bugeja mal-ILLUM. 

Huwa qal li l-union ilha minn ta’ quddiem fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, u saħqet fuq diversi okkażjonijiet li l-valur tax-xogħol għandu jkun determinat mill-ħiliet u l-kontribuzzjonijiet aktar milli minħabba l-ġeneru.  

Minkejja l-progress f’xi setturi, Bugeja jgħid id-diskrepanzi jenfasizzaw il-ħtieġa għal sforzi miftiehma biex jiġu indirizzati l-preġudizzji bejn is-sessi. 

L-NSO sabet ukoll illi mara minn kull ħamsa, jaħdmu fuq bażi part-time. Jikkummenta dwar dan, Bugeja jaħseb li din tal-aħħar in-nisa jagħżluha minħabba flessibbiltà.  

Minkejja dan, Bugeja jistaqsi jekk mara tagħżilx li taħdem part-time ta’ bilfors. 

“Hija għażla tal-mara jew għax m’għandhiex għażla oħra? Irridu naraw li s-soċjetà tagħna tagħraf li x-xogħol tad-dar għandu jsir mill-persuni adulti kollha li jgħixu fiha u għandna naraw ukoll li l-kura tat-tfal u l-ġenituri anzjani tittieħed kemm min-nisa u l-irġiel,” Bugeja żied jgħid.  

B’kollaborazzjoni ma’ diversi partijiet interessati, inklużi korpi governattivi u unions oħra, Bugeja qal li l-GWU qed taħdem b’mod attiv biex timplimenta politiki li jippromovu l-ugwaljanza bejn is-sessi. Dan filwaqt li jappoġġjaw lill-ommijiet li jaħdmu. 

L-inizjattivi huma mmirati lejn it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-provvista ta’ faċilitajiet għall-kura tat-tfal fuq il-post tax-xogħol, u l-promozzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli. 

Meta mistoqsi dwar l-aspettattivi tan-nisa fi ħdan il-union, apparti l-ugwaljanza fil-pagi, Bugeja elenka firxa ta’ talbiet immirati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istrutturi ta’ appoġġ.  

Dawn jinkludu sigħat tax-xogħol flessibbli, opportunitajiet għal xogħol remot, faċilitajiet għall-kura tat-tfal, u ġimgħa ta’ xogħol iqsar. 

“Huwa għalhekk li s sena li għaddiet konna ressaqna proposta biex l-40 siegħa ta’ xogħol tinqasam fuq erbat ijiem flok ħamsa. Din il-proposta daħlet fl-amministrazzjoni pubblika iżda mhux fil-privat.   

More in Socjali