Żminijietna tħeġġeġ lil Miriam Dalli biex twaqqaf żvilupp ta' vilel fuq sit ta' barriera

L-Organizzazzjoni Xellugija Żminijietna sostniet li ż-żona tal-madwar hija żona ta’ importanza ekoloġika, kif ukoll qrib żona ta' riżerva naturali u li l-proposta tmur kontra l-politika ta' Malta

Fi stqarrija stampa, l-Organizzazzjoni Xellugija Żminijietna tappella lill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli,biex tassigura li l-politika ambjentali dwar l-użu tal-barrieri tiġi osservata.

Żminijietna żiedet tgħid dan wara li "l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tagħti l-kunsens tagħha għall-proposta ta’ żvilupp ta’ numru ta’ vilel f’barriera fil-limiti tal-Buskett. Iż-żona tal-madwar hija żona ta’ importanza ekoloġika, kif ukoll qrib żona ta' riżerva naturali”.

Barra minn hekk, Żminijietna qalet li “fl-2020, il-pubbliku inġenerali u s-soċjetà ċivili ntalbu jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom siti ta' barrieri meta jimtlew jibdew jintużaw għal proġetti ta’ pannelli solari.

Filwaqt li l-poplu appoġġja tali politika, kwistjonijiet ta’ bini ta’ vilel fuq siti ta’ barrieri qatt ma ġew diskussi jew inklużi bħala parti minn din il-politika”.

L-Organizzazzjoni sostniet li kif inhuma sejrin l-affarijiet, il-proposta tmur kontra l-politika ta' Malta dwar l-użu tal-barrieri u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli.

B'hekk Żminijietna qed tħeġġeġ lill-Ministru Dalli biex tkun proattiva fuq din il-kwistjoni, u tiżgura li tali permessi ma jinħarġux.

Is-sidien qed jipproponu żvilupp ta’ erba’ vilel, kull waħda b’footprint ta’ bejn 42sq.m and 265sq.m, u jingħaqdu b’pajsaġġ bejntiethom. 

Jekk tali proposta tiġi aċċettata mill-Awtorià tal-Ippjanar, il-kostruzzjoni tal-vilel hija possibbli fi żmien 10 sa 15-il sena meta l-barriera tkun irkuprata għalkollox, u se tkun qed iseħħ qrib il-kosta u barrieri oħrajn li jappartjenu lil sidien oħra. 

Il-barriera msejħa Ta’ Żuta, żona ta’ 81,000 sq.m, tagħmel parti minn barrieri oħrajn li jinsabu qrib il-Buskett, l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u Għar il-Kbir.

More in Socjali