Enemalta tqiegħed cables ġodda ta’ 11-il kilovolt biex jissaħħaħ in-network tal-elettriku f’Għawdex

Matul dawn l-aħħar tliet snin, Enemalta żiedet 11-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art, inklużi konnessjonijiet ta’ cables ta’ 11-il kilovolt bejn substations differenti u ż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni f’Għawdex, kif ukoll cables ta’ 400/230 volt minn substations

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ddiskutew il-proġetti tad-distribuzzjoni tal-elettriku li għaddejjin f’Għawdex waqt li kienu qed jiltaqgħu mal-ħaddiema ta’ Enemalta waqt xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ cables fin-Nadur. 

Iż-żewġ ministri ltaqgħu ukoll ħaddiema oħra fl-uffiċini tal-Kumpanija fix-Xewkija, Għawdex.

Bħalissa Enemalta qed tqiegħed cables ġodda ta’ 11-il kilovolt taħt l-art fin-Nadur u l-Bajja tax-Xlendi (il-Munxar) bħala parti minn proġett nazzjonali biex iżżid aktar minn 70 kilometru ta’ konnessjonijiet ġodda bejn ċentri tad-distribuzzjoni u substations li jipprovdu l-elettriku lil lokalitajiet differenti madwar il-pajjiż. 

Il-proġett se jinkludi wkoll xogħlijiet simili fuq cables ġodda fix-Xagħra, li se jibdew fix-xhur li ġejjin.

Permezz ta’ dawn il-konnessjonijiet ġodda, se tiżdied il-kapaċità, ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, biex tnaqqas ir-riskju ta’ interruzzjonijiet fin-network filwaqt li tnaqqas il-ħin li fih tingħata lura l-provvista meta jinqalgħu diffikultajiet bħal dawn.

Dalli spjegat li dan it-titjib huwa essenzjali fil-ħidma lejn servizz tal-elettriku ta’ kwalità ogħla għall-familji u n-negozji f’Għawdex. 

“Qed ninvestu wkoll f’sistemi ta’ awtomazzjoni li jippermettu lill-inġiniera u t-tekniċi tan-network biex jikkontrollaw substations b’mod remot, miċ-Ċentru tal-Kontroll tan-Network fil-Marsa... Terz tas-substations f’Għawdex huma diġà mgħammra b’sistemi ta’ awtomazzjoni u diversi oħrajn se jiġu msaħħa b’din it-teknoloġija fix-xhur li ġejjin,” żiedet tgħid Miriam Dalli.

Camilleri spjega li bħalissa Enemalta għaddejja b’diversi xogħlijiet f’Għawdex biex tissaħħaħ is-sistema tad-dawl fil-gżira Għawdxija “sabiex niżguraw li r-residenti f’Għawdex ikollhom sistema u saħħa ta’ dawl aħjar.” 

Matul dawn l-aħħar tliet snin, Enemalta żiedet 11-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art, inklużi konnessjonijiet ta’ cables ta’ 11-il kilovolt bejn substations differenti u ż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni f’Għawdex, kif ukoll cables ta’ 400/230 volt minn substations għal djar u bini ieħor fiż-żoni tal-madwar. Enemalta bidlet jew żiedet ukoll 14-il kilometru ta’ linji, biex tkompli tikkonsolida n-network tagħha fuq din il-gżira.

Żviluppa wkoll 12-il substation ġdid f’Għawdex, filwaqt li 11 oħra ġew imtejba bi transformers u switchgear panels ġodda. Sitt substations oħra ġodda se jiġu kkummissjonati din is-sena.

Iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava u uffiċjali oħra tal-kumpanija akkumpanjaw lill-Ministru Dalli u lill-Ministru Camilleri waqt dawn il-laqgħat.

More in Socjali