Bejn Ottubru u Diċembru 2023 Malta rat żieda ta' 19.5% f'postijiet tax-xogħol vakanti

Skont statistika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, fir-raba’ kwart tal-2023, kien hemm b’kollox 7,656 post vakant fʼintrapriżi li jħaddmu persuna waħda jew aktar

Skont statistika mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, fir-raba’ kwart tal-2023, kien hemm b’kollox 7,656 post vakant fʼintrapriżi li jħaddmu persuna waħda jew aktar. 

Dan juri żieda ta’ 19.5%. 

Fir-raba’ kwart tal-2023, 2.9% tal-impjiegi f’Malta kienu vakanti. Bʼhekk, baqgħu stabbli meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel, iżda żdiedu b’0.4 punti perċentwali fuq ir-raba’ kwart tal-2022.

L-istatika żvelat li l-oqsma tal-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, tat-trasport u l-ħażna u tal-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ servizz tal-ikel ħalqu mat-30.2% tal-postijiet vakanti kollha.

Min-naħa l-oħra, is-settur tal-attivitajiet tal-proprjetà immobbli rreġistra l-inqas għadd ta’ postijiet tax-xogħol vakanti, li kien fil-livell ta’ 1.3% tal-għadd kollu tas-sejħiet għall-applikazzjoni.

L-attivitajiet professjonali, xjentifiċi, tekniċi, u l-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ servizz ta’ appoġġ irreġistraw l-ogħla żieda minn sena għal sena fl-għadd ta’ postijiet vakanti bʼżieda taʼ 647. 

Warajhom, kien hemm l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u ħidma soċjali li raw żieda taʼ 392 post vakant.

Għall-kuntrarju, is-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kellu l-akbar tnaqqis meta mqabbel mar-rabaʼ kwart tal-2022 bi tnaqqis taʼ 146 post 

Fis-settur privat, il-postijiet tax-xogħol vakanti żdiedu b’1,143 bejn ir-rabaʼ kwart tal-2022 u r-rabaʼ kwart tal-2023, filwaqt li s-settur pubbliku kellu żieda ta’ 106 postijiet tax-xogħol vakanti matul l-istess perjodu.

L-istatistika turi li s-settur privat għadu jiddomina fis-suq tal-postijiet tax-xogħol vakanti u jirrappreżenta 95.4% tal-postijiet tax-xogħol vakanti kollha, u jħalli lis-settur pubbliku b’sehem ta’ 4.6%.

More in Socjali