L-emendi l-ġodda fuq il-liġijiet tal-kera se jippermettu li joqgħodu żewġ residenti f’kull kamra, sa massimu ta’ għaxar residenti f’appartament ta’ ħames kmamar.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni, Roderick Galdes kiteb permezz ta’ Facebook li kerrejja se jkunu limitati għal żewġ persuni rreġistrati f’kull kamra.
F' xi postijiet residenzjali ta’ iktar minn tliet kmamar tas-sodda, il-kerrejja se jkunu jistgħu jirreġistraw bejn tmienja u għaxar residenti sakemm hemm minn tal-inqas żewġ kmamar tal-banju.
Meta l-emendi tal-liġi kienu mħabbra f’Diċembru 2023, il-gvern kien sostna li l-kerrejja huma limitati għal sitt residenti, mingħajr ma kkunsidra postijiet ta’ kiri b’aktar kmamar tas-sodda.
Waqt id-diskussjoni dwar l-emendi fil-liġi tal-kera, il-Gvern se jkun qiegħed jipproponi li l-ammont ta' nies permessi f'kamra tas-sodda ma jaqbiżx iż-żewġ persuni f'każ ta' kirja xxerjata.