'Evita li taqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex il-Ħadd filgħaxija,' jgħid iċ-Chairman tal-Gozo Channel

Wara kju tedjanti u ħin twil ta' stennija l-Ħadd filgħaxija, iċ-Chairman tal-Gozo Channel jgħid lill-pubbliku biex jevità jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex

(Ritratt: Alex Borg)
(Ritratt: Alex Borg)

Il-pubbliku għandu jevita jaqsam il-fliegu bejn Malta u Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel, il-Ħadd bejn il-5pm u 8pm, skont Iċ-Chairman tal-istess kumpanija, Joe Cordina.

F’kummenti li huwa ta lil Newsbook, Cordina spjega li kull nhar ta’ Ħadd in-nies qed isibu ruħhom f’kju twil u sigħat jistennew biex jirritornaw darhom.

L-istess ġara lbieraħ. Bosta kienu rrabjati hekk kif kju twil inġemma fl-Imġarr Għawdex.

Filwaqt li s-sitwazzjoni ta’ traffiku u ħin twil ta’ dewmien mhux rari jkun il-każ, dan kollu qed jiġi aggracat mill-fatt li bħalissa l-kumpanija Gozo Channel qed taħdem b’vapur inqas.

Huwa biss ftit ġimgħat ilu li MV Nikolaos kellu jitwaqqaf għal xahar biex issirlu manutenzjoni.

B’reazzjoni ta’ dan, fuq Facebook, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg kiteb li “dan kollu frott l-inkompetenza u kliem fieragħ.” 

“Kien ikun aħjar, li kieku minflok il-flus marru f'bini li l-iskop tiegħu ħadd għadu ma fehmu ġew investiti f'servizz ta' raba vapur,” Borg insista.

Borg kompla jgħid li “Jixriqilna aħjar. Qumu fuq tagħkom.”

B’rispons għal Cordina, Borg qal li din taċ-chairman mhux soluzzjoni, speċjalment għal dawk li jaħdmu bil-lejl, studenti jew dawk li jkollhom appuntamenti l-isptar. 

“Mela x’ser jagħmlu l-Għawdxin li jaħdmu Malta f’shift li jibda’ fis-7pm? X’ser jagħmlu l-istudenti li jibdew fit-8am kull nhar ta’ Tnejn? X’ser jagħmlu dawk li jkollhom appuntament f’dawn il-ħinijiet l-isptar? U jekk ser jagħmlu hekk imbagħad x’ser jiġri nibqgħu sejrin bil-queue sa 2am?” staqsa Borg.

Jindirizza lil Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, Borg akkuża l-gvern b’inkompetenza li waslet għal skumdità fis-servizz.

More in Socjali