L-Arċidjoċesi tikkundanna kummenti malafamanti dwar it-Tribunal Ekkleżjastiku

L-Arċidjoċesi ta’ Malta għamlet referenza għal blogpost ta’ Simon Mercieca u saħqet li l-allegazzjonijiet li saru fl-artiklu minn Mercieca “huma foloz, mhux veri, fattwalment skorretti u malafamanti.”

Simon Mercieca
Simon Mercieca

Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa, l-Arċidjoċesi ta’ Malta għamlet referenza għal blogpost ta’ Simon Mercieca bit-titlu “Jason  Azzopardi jingħata l-annullament taż-żwieġ mit-tribunal tal-Knisja”.

F’din il-blogpost, Simon Mercieca jagħmel diversi dikjarazzjonijiet skorretti u malafamanti fil-konfront ta’ membri tat-Tribunal Ekkleżjastiku, b’mod partikolari tal-President tat-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, Mons. Joseph Bajada.

L-istqarrija tgħid li “Simon Mercieca jallega li Mons. Bajada influwenza deċiżjoni biex Dr Azzopardi jingħata annullament minħabba r-rabta ta’ Mons. Bajada ma’ Dr Azzopardi fi kwistjonijiet oħra.”

L-Arċidjoċesi saħqet li l-allegazzjonijiet li saru fl-artiklu minn Mercieca “huma foloz, mhux veri, fattwalment skorretti u malafamanti.”

Kompliet tgħid li “Mons. Bajada jippresiedi biss appelli tat-Tribunal Ekkleżjastiku Reġjonali. Dan jaħdem b’mod separat u distint mit-Tribunal Metropolitan.”

“Mons. Bajada u l-kanċillier tiegħu m’għandhom l-ebda involviment f’każi tal-Ewwel Istanza, bħal dak ta’ Dr Azzopardi. Dawn il-kawżi jaqgħu taħt taqsima separata tat-Tribunal Ekkleżjastiku, immexxija mill-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Metropolitan ta’ Malta.” 

Fil-blogpost tiegħu, Mercieca qal li Bajada kien assoċjat ma' Azzopardi, wara li kien imsiefer miegħu fi Sqallija flimkien ma' rappreżentanti tal-NGO Repubblika kontra l-korruzzjoni, jiġifieri Alessandra Dee Crespo, Kanċillier fit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, biex jikseb annullament tal-Knisja taż-żwieġ tiegħu ma’ Marica Azzopardi Balzan, biex imbagħad jikseb annullament ċivili fil-qrati Maltin.

L-Arċidjoċesi saħqet li għalkemm “membri tal-Knisja fittxew b’mod konsistenti li jippromwovu u jipproteġu l-prinċipji ġurnalistiċi, artikli ppreżentati bħala ġurnaliżmu — li l awturi tagħhom ma jagħmlu l-ebda sforz biex jivverifikaw il-fatti; u agħar minn hekk, jirrikorru għal kummenti mhux veri biex jagħmlu allegazzjonijiet malafamanti — huma kundannabbli mingħajr riżerva.”

L-isqarrija tispiċċa tgħid li din hija “sitwazzjoni ... inkwetanti meta tqis li l-awtur, f’dan il-każ Simon Mercieca, huwa professur tal-istorja — suġġett li fih il-verifika tal-fatti hija essenzjali — fl-Università ta’ Malta” qalet l-Arċidjoċesi.

Il-blogpost ta' mercieca jgħid li “b’dan il-mod, l-eks mara ta’ Azzopardi ma tibqax rikonoxxuta mill-Istat bħala l-konjuġi tiegħu... u Azzopardi mhux se jibqa’ obbligat li jħallas lill-konjuġi l-ebda manteniment. Ċertament, mhux kull min ikun għaddej minn proċeduri ta’ annullament tal-Knisja jmur barra minn Malta ma’ wieħed mill-imħallfin tat-tribunal u l-Kanċillier.”

Azzopardi għadda minn proċeduri ta’ separazzjoni fl-2017. Fl-2011, kien ivvota kontra l-abbozz tad-divorzju minkejja l-“Iva” tal-elettorat f’referendum. Fl-2018, huwa ntlaqat minn ordni ta’ sekwestru ta’ €800,000 ippreżentata mill-eks mara tiegħu.

More in Socjali