Investiment ta’ aktar minn miljun f’apparat ta’ ndafa pubblika għaż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema

Il-makkinarju ser ikun magħmul minn refuse collection vehicle, street washer u compact sweeper fost iktar apparat

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni investiet €1,295,000 f’apparat ta’ ndafa pubblika li ser jintuża b’mod speċifiku għaż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema. 

Il-makkinarju ser ikun magħmul minn refuse collection vehicle, street washer, compact sweeper, erba’ pedestrian sweepers, city sweeper, crew cab tipper vans, robot sweeper u robot scrubbers. 

Preżentement, għaddejja ħidma sabiex jinxtraw aktar vetturi li jiġbru l-iskart, sabiex matul ix-xhur tas-sajf issir frekwenza addizzjonali għall-ġbir ta’ skart li jinħareġ illegalment. 

Il-ħsieb huwa li l-lokalitajiet tas-Swieqi, Paceville, San Ġiljan u l-Gżira jibbenefikaw minn dan il-proġett. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara. 

Bartolo rrimarka kif dan l-investiment huwa messaġġ ċar li l-importanza tal-indafa pubblika tinsab fuq nett tal-aġenda ta’ dan il-pajjiż. 

Min-naħa tiegħu, Glenn Bedingfield elenka kif sentejn ilu kienet saret wegħda elettorali li kienet se taċċerta li jiġi mħejji pjan speċifiku għaż-żamma u t-tindif taż-żoni l-iżjed turistiċi madwar pajjiżna. 

Deguara sostna li dan il-makkinarju ser itejjeb bil-kbir il-ħafna ħidma li diġà qiegħda ssir ta’ kuljum biex iż-żoni ta’ Paceville, San Ġiljan u Tas-Sliema jkunu iżjed nodfa.

More in Socjali