Rata ta' deprivazzjoni materjali u soċjali severa taż-żgħażagħ fl-UE hija 6%

Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, fl-2022, fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE), ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa fost individwi ta’ bejn il-15 u d-29 sena kienet ta’ 6.1%; ir-rata ta' Malta kienet taħt it-3%

Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, fl-2022, fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE), ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa fost individwi ta’ bejn il-15 u d-29 sena kienet ta’ 6.1%. Din iċ-ċifra kienet kemmxejn elevata għal 6.7% meta titqies il-popolazzjoni kollha li tirrisjedi f'djar privati.

Malta kienet fost it-12-il pajjiż b’rata taħt it-3%. Fost dawn il-pajjiżi nsibu wkoll lis-Slovenja, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Kroazja, il-Polonja, iċ-Ċekja, l-Olanda, l-Estonja, Ċipru, il-Finlandja, u l-Isvezja. 

Il-pajjiżi bl-ogħla perċentwali ta’ żgħażagħ li jiltaqgħu ma’ deprivazzjoni materjali u soċjali severa kienu r-Rumanija (25.4%), il-Bulgarija (18.6%), u l-Greċja (14.9%). 

Barra minn hekk, l-istess statisla żvelat li fl-2022, ir-rata ġenerali ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) għal individwi ta’ bejn il-15 u d-29 sena kienet ta’ 24.5 %, li timmarka żieda ta’ 2.9 punti perċentwali meta mqabbla mar-rata totali tal-popolazzjoni ta’ 21.6 %.

L-analiżi tal-komponenti speċifiċi tal-AROPE żvelat li r-rata ta’ riskju ta’ faqar fost iż-żgħażagħ qabżet dik tal-popolazzjoni ġenerali b’2.8 punti perċentwali (19.3% għal individwi bejn 15 u 29 sena kontra 16.5% għall-popolazzjoni totali). Bl-istess mod, il-proporzjon ta' individwi li jgħixu f'familji b'intensità ta' xogħol baxxa ħafna kien 0.4 punti perċentwali ogħla fost iż-żgħażagħ (8.7% meta mqabbel ma' 8.3% għall-popolazzjoni totali).

B'kuntrast, il-proporzjon ta' nies li jesperjenzaw deprivazzjoni materjali u soċjali severa kien marġinalment aktar baxx fost iż-żgħażagħ meta mqabbel mal-popolazzjoni totali.

More in Socjali