Minn stħarriġ nazzjonali kkummissjonat miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti dwar il-qagħda tal-lingwa Maltija rriżulta li 95.4% tal-Maltin iqisu l-Malti bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom. 12.7% jikkunsidraw l-Ingliż bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom; fost punti oħra.
Dan l-istħarriġ sar fuq kampjun ta’ 600 ruħ li għandhom minn 16-il sena ’l fuq u jirrifletti d-demografija tal-pajjiż, skont l-età u l-lokalità ġeografika.
Waqt il-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malta, l-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta Dott. Vincent Marmarà spjega r-riżultati tal-istħarriġ.
Fil-Forum, kien hemm il-Ministru Owen Bonnici li qal li l-Forum sar proprju jumejn wara l-Jum Dinji tal-Lingwi Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda biex iqajjem iktar kuxjenza dwar l-importanza li nindukraw iktar ilsienna.
Fl-istess waqt spjega li bħala poplu bilingwi, f’soċjetà multikulturali u dinja globalizzata, qed jinħass it-taħlit tal-Malti ma’ lingwi oħrajn.
Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba li enfasizzat il-bżonn li jkompli jiġi prijoritizzat il-ħarsien u t-tisħiħ tal-Malti: “Għandna nieħdu kull inizjattiva meħtieġa sabiex nassiguraw li l-Malti nipproteġuh u nsaħħuh.”
Dawn punti ewlenin oħra li joħorġu mill-istħarriġ ta’ Dott. Vincent Marmarà:
- Kważi 95% tal-Maltin jitkellmu bil-Malti mal-familjari tagħhom, filwaqt li 13.5% jgħidu li jitkellmu magħhom bl-Ingliż - il-maġġoranza joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir (19.8%).
- Informazzjoni oħra żvelata kienet li ġenituri ta’ tfal taħt it-18-il sena jkellmu lil uliedhom l-iktar bil-Malti (68.3%). 15.9% qalu li jkellmuhom bl-Ingliż fil-parti l-kbira tal-ħin tagħhom, mentri 15.9% qalu li jkellmuhom biż-żewġ lingwi.
- Ġenituri ta’ tfal bejn is-26-45 sena huma l-iktar li wieġbu li wliedhom jifhmu biss bl-Ingliż (24.3%), b’dawk li joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir l-aktar li qalu li wliedhom jifhmu biss l-Ingliż (30.4%).
- Fuq il-post tax-xogħol, kważi 80% jitkellmu bil-Malti, u iktar min-nofs (53.2%) jitkellmu bl-Ingliż mal-kollegi tagħhom.
- Il-Malti f’oqsma ekonomiċi varji huwa l-iktar użat fil-banek (75.7%), filwaqt li huwa l-inqas użat fil-bars u r-restoranti (16.1%).
- Il-maġġoranza tal-Maltin iħossuhom komdi jiktbu l-emails bl-Ingliż (57.3%); iktar minn nofshom jippreferu jużaw il-Malti biex jiktbu noti (55.7%) u jibagħtu messaġġi bil-mobile (52.5%).
- L-aħbarijiet online bil-Malti huma l-iktar imfittxija (57.7%), iżda mbagħad hemm preferenza għal ksib ta’ aktar tagħrif minn siti elettroniċi bl-Ingliż (39.9%).
- Kważi nofs il-Maltin jattendu attivitajiet kulturali. L-aktar attivitajiet preferuti huma dawk li jkunu bil-lingwa Maltija biss (53.7%).
- Kważi 85% tal-Maltin jaqblu li l-barranin li jgħixu Malta għandhom jitgħallmu l-Malti