Approvata blokka ta' appartamenti fuq naħa waħda biss ta' dar fi Fluer de Lys

Il-PA tapprova żewġ sulari fuq dar karatteristika ta’ żewġ sulari fi Fleur de Lys, filwaqt li għan-naħa l-oħra tad-dar ġiet approvata estenzjoni ta' ħajt
 

L-Awtoritá tal-Ippjanar approvat żvilupp biex minflok townhouse ta' żewġ sulari, tinbena blokka appartamenti ta' erba' sulari fi Fleur de Lys.

Id-deċiżjoni waslet wara li nħoloq preċident fuq permess li nħareġ fl-2017 fuq bini qrib. Dan l-iżvilupp propost se jkopri biss nofs l-wisa' tal-bini preżenti, u ġiet approvata estenzjoni ta' ħajt biex jinbena minflok il-bqija tal-bini. 

Is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali oġġezzjona għall-iżvilpp u ddeskrivieh bħala intervenzjoni parzjali fuq il-bini li huwa evidenza ta’ wirt kulturali. Is-Sovrintendenza irrefera wkoll għall-estenzjoni ta’ ħajt li ġiet approvata fuq in-nofs tal-bini, “dan m’għandux jittieħed bħala eżempju għax huwa preċident ħażin u għandu jkun evitat.”

L-uffiċċjal tal-każ ma oġġezzjonax għall-għoli tal-iżvilupp imma irrakkomanda rifjut billi argumenta li l-iżvilupp fuq naħa waħda biss tal-bini  jmur kontra politiki tad-disinn. 

Minflok irrifjutat l-iżvilupp, il-kummissjoni tal-Awtoritá tal-Ippjanar staqsiet lill-iżviluppatur biex jirrevedi mill-ġdid il-pjan u jindirizza r-raġunijiet għar-rifjut.

Sadanittant, ġew sottomessi pjanti oħra biex jitneħħa garaxx li qieħed f’livell mat-triq u jitjieb l-pjan tas-sular ta' fuq. L-ebda pjanijiet ma ġew sottomessi li jindirizzaw l-oġġezzjonijiet tal-uffiċċjal tal-każ dwar l-estensjoni tal-ħajt. 

L-iżvilupp qed jiġi propost minn Mama Ma Ltd. 

Fil-passat is-SCH kienet sejħet għal bidla fil-politki li jirregolaw l-iżvilupp fi Fleur de Lys.

Id-deċiżjoni li Fleur de Lys ma tiġix nominata bħala Żona ta’ Konservazzjoni Urbana qajmet tħassib lis-Sovrintendenza f’numru ta’ okkażjonijiet.

More in Socjali