Kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk irrabjat dwar il-Fireworks Festival tal-ajru li se jsir fil-Mellieħa

Zerafa, li sejjaħ lil Bartolo bħala “Ministru tat-Turiżmu tan-naħiet ta’ fuq biss”, qal li l-MTA qalulu li se jorganizzaw l-ispettaklu tan-nar tal-art f’Marsaxlokk “ġabu kull skuża biex ma jsirx tal-ajru.”

 

Il-Kunsillier Laburista ta’ Marsaxlokk Daniel Zerafa permezz ta’ post fuq Facebook indirizza lill-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo fuq wegħdiet li ma twettqux dwar il-Festival tal-Logħob tan-Nar li kellu jitmexxa lura f’Marsaxlokk.

Zerafa, li sejjaħ lil Bartolo bħala “Ministru tat-Turiżmu tan-naħiet ta’ fuq biss”, qal li ltaqa’ ma’ uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġimgħatejn ilu li qalulu li se jorganizzaw l-ispettaklu tan-nar tal-art f’Marsaxlokk “ġabu kull skuża biex ma jsirx tal-ajru.”

Kelliem għall-ministeru qal lill-gazzetta oħt MaltaToday li Marsaxlokk mhux post ideali biex isir festival tal-logħob tan-nar minħabba santwarju tal-annimali li jinsab 150m 'il bogħod minn fejn jittella' n-nar.

Madankollu, Zerafa rrimarka li kull sena jittella’ spettaklu ta’ logħob tan-nar fil-festa tar-raħal ta’ Marsaxlokk, b’komunikazzjoni mas-santwarju fil-viċin, li juri li l-lokalità kapaċi torganizza spettaklu ta’ logħob tan-nar sigur skont ir-rekwiżiti legali kollha. “Nassugurakom li nar fil-festa bejn il-knisja u għaqda jsir bil-permessi kollha meħtieġa.”

Huwa kompla jgħid li Marsaxlokk “mhux distrett tiegħu allura hawn ma jitlifx (voti).”

“Kull meta sar il-Fireworks Festival, u kull problema u każ ta' qorti intrebħet, in-nefqa kienet tkun bejn €100,000/120,000. Dawn iżda qegħdin jarawhom żejda, pero biex iġibu purċinell barrani iħallsuħ €120,000 u ipprova idaħħak id-dinja b'pajjiżna sabu rieda u flejjes,” qal, b’referenza għall-ammont ta’ ħlas imħallas lill-kummidjant David Walliams biex jospita l-Malta Film Awards 2022.

Il-kunsillier ikkritika wkoll lil Bartolo talli ftaħar li Malta attirat tliet miljun turist. “Dawn nofshom lanqas jersqu lejn Marsaxlokk.”

Huwa ppropona li tiġi introdotta “city tax” ta’ ewro kontra kull turist li jiġi fil-gżejjer, li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-kunsilli lokali.

Fl-2022, il-ministeru tat-turiżmu qal li ma jistax jisponsorja wirja ta’ logħob tan-nar għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta, iżda eventwalment sponsorja wirja identika fil-Mellieħa.

More in Socjali