San Pawl Il-Baħar bl-iktar kuntratti taʼ bejgħ u konvenji rreġistrati f'Jannar 2024

Minn statistika maħruġa mill-NSO, San Pawl il-Baħar irreġistra l-iktar kuntratti ta’ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali u konvenji f’Jannar 2024, segwit minn Birkirkara u l-Mosta

Kuntratti taʼ Bejgħ

Minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), f’Jannar saru 1,112 kuntratti ta’ bejgħ taʼ proprjetajiet residenzjali. Bʼkollox, il-valur taʼ dawn il-kuntratti laħaq il-€295.8 miljun, tnaqqis taʼ 2.8% meta mqabbel mal-valur irreġistrat f’Jannar 2023.

92.7% tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn individwi, filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmula minn kumpaniji. Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu individwi kien jammonta għal €244.0 miljun, li huwa ekwivalenti għal 82.5% tal-valur kollu. 

L-akbar għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat San Pawl Il-Baħar (79), il-Mosta (46) u Birkirkara (43). Dawn il-kuntratti jgħamlu 15.1% tal-kuntratti kollha rreġistrati fʼJannar 2024.

Skont l-istatistika, l-għadd taʼ proprjetajiet irreġistrati fil-kuntratti taʼ bejgħ kien jilħaq l-1,196; l-appartamenti (435) u l-garaxxijiet (238) irreġistraw l-akbar sehem mit-total, b’36.4% u 19.9%, rispettivament.

Konvenji

L-istess statistika turi li fʼJannar 2024, kienu rreġistrati 1,157 konvenju taʼ proprjetajiet residenzjali, 25.8% f’żieda meta kkumparat mas-sena 2023. 

L-individwi li kienu involuti fʼdawn il-konvenji kienu jgħoddu 1,051 jew 90.8%, filwaqt li l-bqija kienu jinvolvu prinċipalment kumpaniji.

L-akbar għadd taʼ konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port bi 313-il konvenju; segwit mid-Distrett tat-Tramuntana bʼ228 konvenju. Min-naħa l-oħra, l-inqas ammonti taʼ konvenji dehru fid-Distrett tal-Punent u fid-Distrett tax-Xlokk, bʼ103 u bʼ145 konvenju, rispettivament (Tabella nru 6).

L-akbar għadd taʼ konvenji kien irreġistrat f’San Pawl Il-Baħar (110), Birkirkara (67) u Il-Mosta (56). 

More in Socjali