Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex esprima tħassib hekk kif Għawdex eskluż minn skema ta' restawr

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex qed jesprimi nuqqas ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra l-kunsilli lokali ta’ Għawdex ġew esklużi minn skema ta’ fondi mnedija riċentament għar-restawr ta’ siti u monumenti storiċi; l-iskema ma tagħti l-ebda spjegazzjoni għall-esklużjoni ta’ Għawdex

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex qed jesprimi nuqqas ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra l-kunsilli lokali ta’ Għawdex ġew esklużi minn skema ta’ fondi mnedija riċentament għar-restawr ta’ siti u monumenti storiċi.

L-iskema, maħruġa mid-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, telenka speċifikament 54 kunsill lokali Malti bħala benefiċjarji iżda teskludi l-kunsilli lokali Għawdxin kollha.

Il-Kunsill Reġjonali sostna li l-iskema li teskludi lokalitajiet madwar iż-żona tal-Kottonera u l-Imdina, iżda ma tagħti l-ebda spjegazzjoni għall-esklużjoni ta’ Għawdex. 

Minn linji gwida li waslu għand il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, qajmu tħassib dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u ġustifikazzjoni għal din l-esklużjoni hekk kif Għawdex ma jidher imsemmi mkien.

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex innota li din mhix l-ewwel darba li seħħet esklużjoni bħal din, u semma skema simili fl-2022 fejn il-Kunsilli Lokali Għawdxin lanqas ma tħallew jipparteċipaw.

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex qed iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-iskema disponibbli għall-kunsilli lokali Għawdxin bħala benefiċjarji. Enfasizzat li Għawdex għandu siti u monumenti storiċi li jeħtieġu restawr u jistgħu jibbenefikaw mill-fondi pprovduti mill-iskema.

Il-kunsill ma jara l-ebda ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni u jappella għal opportunitajiet indaqs għar-reġjuni kollha f'inizjattivi ta' finanzjament bħal dawn.

More in Socjali