Għaqda Repubblika: Abela qed 'jaġixxi biex jinnormalizza l-irbit mafjuż tal-gvern ma' Yorgen Fenech'

Il-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina qal fi stqarrija stampa li Robert Abela “qed jaġixxi biex jinnormalizza l-irbit mafjuż tal-gvern ma' Yorgen Fenech” hekk kif Abela se jilqa’ mill-ġdid lil Joseph Cushcieri u Rosianne Cutajar

Il-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina qal fi stqarrija stampa li l-Prim Ministru Robert Abela “qed jaġixxi biex jinnormalizza l-irbit mafjuż tal-gvern ma' Yorgen Fenech” hekk kif Abela se jilqa’ mill-ġdid lil Joseph Cushcieri u Rosianne Cutajar. 

“Joseph Cuschieri u Rosianne Cutajar huma impreżentabbli għall-ħajja pubblika. Ma ħaqqu ebda "maħfra" min jinqabad juża l-uffiċju pubbliku biex jitħanżer u jixxaħħam. L-esklużjoni tal-persuni manifestement korrotti mill-ħajja pubblika mhux xi kastig għalihom, imma l-protezzjoni taċ-ċittadini biex il-ħallelin ma jingħatawx iċ-ċwievet tal-karus pubbliku,” saħaq Aquilina. 

Aquilina kien qed jirreaġixxi għall-ħatra ta’ Joseph Cuschieri bħala Kap Eżekttiv tal-Project Green nhar l-Erbgħa, wara r-riżenja tal-eks kap eżekuttiv Steve Ellul mill-kariga. Huwa kien qed jirreaġixxi wkoll għal dikjarazzjonijiet li għamel il-PM, fejn fetaħ il-bieb għal ritorn fil-Partit Laburista, għad-Deputat indipendenti, Rosianne Cutajar.

“Robert Abela qal li dawn it-tnejn "ħallsu prezz biżżejjed għall-ħażin li wettqu u ma jistgħux jibqgħu ikkastigati għal dejjem". Din l-istqarrija timplika li għal Robert Abela pożizzjoni u paga fil-gvern hi xi forma ta' dritt ta' Joseph Cuschieri, Rosianne Cutajar, u ta' min hu tal-Partit jew qrib il-Partit, “ sostna Aquilina. 

Aquilina allega wkoll li l-Prim Ministru qed jaġixxi “aktarx taħt il-kmand ta' Joseph Muscat ..... Il-messaġġ li jridu jibgħatu Robert Abela u Joseph Muscat hu li ma fiha xejn ħażin li tinxtara minn Yorgen Fenech. Li forsi mhux daqshekk ċar s'issa hu: biex Joseph Muscat qed jirrikatta lil Robert Abela?” 

Fl-aħħaar tal-istqarrija, Aquilina qal li “Nirrespinġu bil-qawwa kollha din il-filosofija mafjuża u ntennu li se nirreżistu din il-qarnita mafjuża li qed iġġedded il-ħatfa li biha ħakmet pajjiżna.

More in Socjali