“Żiemel qisu ambulanza; meta tarah, naqqas u itfa’ mal-ġenb” | sid ta' żwiemel

Dan kien fost il-pariri li tagħna sid ta’ organizzazzjoni li tieħu ħsieb l-annimali, inkluż iż-żwiemel, b’rabta mal-inċident tal-Ħamis li għadda

Iż-żiemel qalb is-sitt karreġġjati ta’ Triq Aldo Moro, (Ritratt: TVM)
Iż-żiemel qalb is-sitt karreġġjati ta’ Triq Aldo Moro, (Ritratt: TVM)

"Żiemel daqs ambulanza għandu jiġi kkunsidrat; meta jaraw żiemel li sfratta, is-sewwieqa għandhom jieqfu bil-mod u jitfgħu mal-ġenb”.  

Saħaq dan sid ta’ organizzazzjoni li tieħu ħsieb l-annimali, inkluż iż-żwiemel, li għandu esperjenza profonda grazzi għall-ġenerazzjonijiet ta’ familji li qasmu l-esperjenzi tagħhom. 

Dan b’rabta mal-inċident li seħħ il-Ħamis li għadda fejn żiemel ħarab minn fejn kien qed jinżamm u spiċċa qalb is-sitt karreġġjati ta’ Triq Aldo Moro, qabel ma ġie rkuprat b’mod sigur minn sidu f’Raħal Ġdid. Dan l-inċident qajjem tħassib dwar is-sigurtà fit-toroq li jinvolvu żwiemel f’diffikultà. 

Filwaqt li esprima empatija lejn sidien taż-żwiemel li jaffaċċjaw sfidi bħal dawn, il-kelliem ħeġġeġ biex wieħed ma jaqbadx u jippunta subgħajh mingħajr ma jifhem bir-reqqa ċ-ċirkostanzi li jwasslu għal inċidenti bħal dawn. “Dan mhux kelb jew qattus, dan żiemel u huwa sensittiv, sempliċement movimenti żgħar jistgħu jikkawżaw żiemel biex jisfratta hekk kif tista’ tiġri lil kulħadd li għandu ż-żwiemel,” saħaq il-kelliem.  

Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, iżda huwa enfasizza l-gravità potenzjali ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn fejn għamel referenza għall-filmat li juri xi karozzi li kienu qed iserrpu madwar iż-żiemel minflok irreaġixxew bil-kalma meta raw żiemel sfrattat fit-triq. Iżda huwa ma jemminx li huwa tort is-sewwieqa. Il-kelliem enfasizza dwar in-nuqqas ta’ gwida jew edukazzjoni disponibbli għas-sewwieqa dwar kif jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet imprevedibbli fuq kif wieħed għandu jġib ruħu f’każ li jkun hemm żiemel li jisfratta waqt li jkun qed isuq. Il-filmat tal-Ħamis jixhed dan. L-inċident seta’ kellu konsegwenzi potenzjalment koroh u għalhekk talab approċċ edukattiv usa’. 

F’April li għadda fil-Belt Valletta, żiemel li sfratta baqa’ dieħel ġo karozza ta’ tal-linja wara li ħarab mill-karozzin, bil-konsegwenza tkun li ż-żiemel tilef ħajtu. 

Fid-dawl tal-perikli li jistgħu jiġu kkawżati, huwa għafas fuq l-edukazzjoni, li fil-fehma tiegħu, sfortunatament mhix qed tiġi mgħallma bl-aħjar mod; “għandna ngħallmu lit-tfal ukoll, għax illum il-ġurnata huma saru jgħallmu lill-ġenituri”, kompla jgħid. Il-kelliem qal li għandu jkun hemm iktar tagħrif edukattiv, kemm fuq il-mezzi tax-xandir, kif ukoll lis-sewwieqa studenti. 

Tajna ħarsa lejn id-dokument uffiċjali li wieħed għandu jaqra biex jikseb il-liċenzja tas-sewqan: obtaining-your-driving-licence-cars ta’ Transport Malta. Filwaqt li hemm referenza ta’ x’għandu jagħmel wieħed f’każ li jkun hemm żwiemel b’persuni fuqhom jew fi stat ikkontrollat, ma kien hemm ebda referenza ta’ x’għandu jagħmel sewwieq f’każ li jinzerta żiemel li qed jisfratta. 

Uħud mill-mistoqsijiet tat-teorija tal-liċenzja tas-sewqan
Uħud mill-mistoqsijiet tat-teorija tal-liċenzja tas-sewqan

 

F’talba għal tħejjija aktar komprensiva, il-kelliem ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jipprovdu taħriġ speċjalizzat kontinwu, kemm għas-sidien taż-żwiemel kif ukoll għas-sewwieqa biex jinnavigaw u jimmaniġġjaw tali sitwazzjonijiet b’mod effettiv. Il-kelliem saħaq li sforzi bħal dawn jaqdu l-aħjar interessi tas-sigurtà tal-bniedem u l-benesseri tal-annimali. 

More in Socjali