Il-PN b'kawża kontra l-Avukat tal-Istat biex jinġiebu lura €400 miljun lura

Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta kawża biex l-Avukat tal-Istat jitħalla jaqdi dmiru u jinġiebu lura l-€400,000,000 misruqa mill-isptarijiet

Il-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża fil-Qrati Maltin biex l-Avukat tal-Istat Christopher Soler ikollu l-awtonomija meħtieġa minnu biex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol li hu obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi u "jinġiebu lura l-€400,000,000 misruqa mill-isptarijiet." 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, f’indirizz lill-media tenna li Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu.

Dan għaliex meta Christopher Soler kien mistoqsi għaliex għadu ma bediex jieħu l-passi meħtieġa, hu stqarr li jisma’ biss mill-ordni tal-Prim Ministru.

Grech insista li fl-aħħar 10 xhur, minn meta żewġ sentenzi tal-Qorti ddikkjaraw li l-ftehimiet ma’ Vitals u Steward kienu frawdolenti, il-Gvern għadu ma għamel xejn biex iġib lura flus il-poplu.

Delia qal li, filwaqt li l-Qorti tal-Appell sabet li l-Gvern Laburista nnifsu kien f’kollużjoni u f’konfoffa mal-kumpaniji barranin, il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qed jistennew il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li nsterqulhom.

Hu insista li fl-aħħar 10 xhux ħadd ma refa’ responsabbiltà, bil-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jieħux il-passi meħtieġa kollha jew għall-anqas xi ħadd iġorr responsabbiltà għal għemilu.

Fl-aħħar nett, Grech elenka l-fatt li l-Gvern ma jistax jibqa’ jiġġustifika dak li sar u li l-PN se jibqa’ jistinka biex issir ġustizzja u jinġiebu lura l-miljuni li nsterqu f’din l-akbar frodi ta’ pajjiżna.

Għal din il-kawża, il-PN kien akkumpanjat mill-Avukat Edward Debono.

More in Socjali