Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kien se jimmulta €700 lil kull bejjiegħ li m'għandux 'sink'

Is-suq tal-Milied tar-Rabat ‘Natalis Notabilis’ kien f’riskju li jingħalaq mill-uffiċjali tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (EHD) wara li lis-sidien qalulhom li għandhom bżonn “sink” biex joperaw

Is-suq tal-Milied tar-Rabat ‘Natalis Notabilis’ kien f’riskju li jingħalaq mill-uffiċjali tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali (EHD) wara li lis-sidien qalulhom li għandhom bżonn “sink” biex joperaw.

Nhar it-Tnejn, l-organizzaturi li huma kollha voluntiera, qalu f’dikjarazzjoni li tpoġġiet ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook tagħhom, li uffiċjali tal-EHD avviċinawhom u qalulhom li ma jistgħux joperaw u jservu ikel jew xorb mingħajr ma jkollhom sink.

L-organizzaturi qalu li din kienet l-ewwel darba f’seba’ snin, li ġew infurmati bir-regola, minkejja li kellhom il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet.

Qalu li ż-żewġ partijiet għamlu laqgħa u l-voluntiera saħqu li jwaqqfu l-attività jekk tiġi imposta fuqhom ir-regola, peress li tkun teħtieġ iż-żarmar tas-suq kollu.

Wara l-laqgħa, l-awtoritajiet qablu li jħallu l-attivitajiet jibqgħu għaddejjin jekk l-attivitajiet futuri jinkludu sink. Iżda minkejja l-ftehim, siegħa qabel fetaħ is-suq tal-Milied nhar it-Tnejn, uffiċjali tas-sanità żaru s-suq u qalu lis-sidien u bejjiegħa li jekk mhux se jimxu mar-regola se jkunu mmultati €700.

Iżda, wara ftit tal-ħin l-uffiċjali tas-sanità qablu li ma jimmultaw lil ħadd.

Fl-istqarrija tagħhom, l-organizzaturi staqsew lill-awtoritajiet jekk huma biss kienux qed jintalbu jimxu mar-regola l-ġdida, u kif avvenimenti oħra simili madwar Malta u Għawdex kienu qed jitħallew joperaw mingħajr ebda xkiel.

Temmew jgħidu li jekk is-sitwazzjoni tirrepeti ruħha sa nhar l-Erbgħa li ġej meta jintemmu l-attivitajiet, is-suq tal-Milied jingħalaq b’mod permanenti.

More in Socjali