'Fil-ħajja politika, mhux meta tidħol fiha l-importanti, imma meta toħroġ minnha' - Charles Mangion

Elaine Camilleri tkellmet ma’ Charles Mangion li kien Ministru tal-Ġustizzja u ħadem biswit Mintoff u Alfred Sant. Mangion jagħtina ħjiel x’ħajru jidħol għall-politika filwaqt li jaqsam magħna l-esperjenza li imbarka fuqha meta kien għadu żagħżugħ u kif baqa’ jaħdem qrib in-nies

“Il-Partit Laburista kien il-partit li l-ewwel appoġġ tiegħu dejjem tah lil dawk inqas privileġġati”
“Il-Partit Laburista kien il-partit li l-ewwel appoġġ tiegħu dejjem tah lil dawk inqas privileġġati”

Kif bdejt fil-politika? U min kienu l-politiċi li xprunawk fil-bidu tal-karriera tiegħek? 

Fl-1975 kont diġà membru fil-grupp taż-żagħżagħ, u l-iktar ħaġa li laqtitni kienet il-konferenza tas-Sigurtà fl-Ewropa OSCE fejn fiha Mintoff kien żamm il-konferenza wieqfa biex jaċċettaw u jdaħħlu fil-final comunique tagħha l-prinċipju li ma jkunx hemm sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm sigurtà fil-Mediterran. Parteċipi f’din il-konferenza kien hemm l-Amerika u r-Russja, iż-żewġ superpotenzi dakinhar. Kien Mintoff li daħħal il-prinċipju ta’ sigurtà fil-Mediterran u min hemm evolva l-kunċett ta’ newtralità ta’ pajjiżna li sal-lum huwa mħares fil-kostituzzjoni.  

Dak kien avveniment internazzjonali, fejn Malta, minkejja ċ-ċokon tagħha, għamlet impatt kbir. Dal-mument laqatni politikament u xprunanani biex nikkometti ruħi għall-ħajja pubblika politika.  

L-Avukat Patrick Holland, kien influwenti ħafna wkoll u dak iż-żmien hu kien jirrekluta ż-żagħżagħ għall-parteċipazzjoni politika. Meta kont qed nistudja l-liġi, niftakar kien ġie fuqi u saqsieni nitħajjarx nikkontesta għall-elezzjoni tal-1981. Ftit wara, l-istess Patrick Holland laqqagħni mal-Prim Ministru Mintoff u kien saqsieni ‘Int taf għal xiex dieħel hux? U qalli fost pariri oħra li biex tirnexxi politikament “trid tkun ħabrieki u tippersisti’ u li l-aktar deċiżjoni importanti fil-ħajja politka mhux meta tidħol fiha imma meta toħroġ minnha. Nemmen li ż-żewġ pariri huma validi ħafna.   

Kelli madwar 29 sena meta kkontestajt l-ewwel darba. L-interessanti kien li jien kont naħdem mal-Gvern dak iż-żmien u biex tikkontesta elezzjoni tkun trid tirriżenja. Il-perjodu 1980-81 kien kruċjali ghax fl-istess żmien iżżewwiġt, bdejt kampanja elettorali, irreżenjajt minn mal-Gvern u bdejt il-professjoni notarili. Kollox f’daqqa waħda seħħ.  

Dak iż-żmien fid-distrett kellna nies kbar fil-partit bħal Danny Cremona, Cettina Darmenia, l-Ispiżjar Sciberras, John Buttigieg, u min-naħa tal-oppożizzjoni lil Guido de Marco. Fl-ewwel elezzjoni tal-1981 ma kontx tlajt imma kont ġibt numru ta’ voti mhux ħażin. Imbagħad tlajt f’tal-1987 u bqajt nitla’ sal-aħħar elezzjoni sal-2013. Imbagħad kien wasal żmien fejn wara 37 sena fil-ħajja pubblika ddeċidejt li nagħti spazju lil ħaddieħor.  

Fl-1992 kont ġejt magħżul unanimament bħala deputy speaker min-naħa tal-Oppożizzjoni – proċess li għadu veljanti sal-lum. 

Iż-żmien li għamilt fil-kabinett ta’ Alfred Sant kien karatterizzat minn tlajja’ u inżul. U kien hemm ukoll l-episodju fejn kellek tirriżenja. X’tgħid fuq dan l-avveniment? 

Fl-1996 kellna rebħa konvinċenti ħafna. Imbagħad kien hemm diskussjoni sħiħa kif se tiġi emendata l-liġi tal-VAT li kienet wegħda elettorali ta’ dik l-elezzjoni. Alfred Sant kien għamel il-proposta tiegħu, u kien inqala’ xi ftit ta’ diżgwit għax ovvjament id-dħul tal-finanzi tal-VAT tridu. Il-ligi li ssostitwiet il-VAT kienet ukoll taxxa għax dak id-dħul u kienet essenzjali għat-tmexxija. Taxxa tibqa’ dejjem taxxa. Sejħilha li trid. Illum, inħares lura forsi konvint li l-VAT hija l-aktar taxxa effiċjenti fuq il-konsum. Kien ikun aħjar dakinhar li kieku mmodifikajna ftit dik it-taxxa tal-VAT milli tipprova tissostitwiha b’waħda kompletament ġdida.  

Il-każ partikolari tiegħi, fl-1996 kien jipprevali problema politika kbira fuq it-traffikar tad-droga. Kien waqt il-perjodu tal-Milied, li bħala Ministru tal-Ġustizzja kienet ġietni t-talba ta’ persuna li kien vittma tad-droga u kien baqagħlu ftit ġranet biex jiskonta s-sentenza li kellu għax xtaq iqatta’ l-perjodu tal-Milied ma’ wliedu. Dakinhar ma konniex naraw differenza bejn vittma ta’ droga u traffikant tad-droga. Illum indunajna li hemm distinzjoni bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.  

Jiena  kont irrakkomandajt il-maħfra lill-President għax ma kienx hemm oġġezzjoni, lanqas mill-pulizija, imma kien hemm il-proċedura amministrattiva li qabel ma ssir tali rakkomandazzjoni trid tgħaddi mill-kabinett qabel ma tmur għall-President. Iżda din il-proċedura amministrattiva bi żvista ma saritx u ovvjament qamet diskussjoni. Meta nqalgħet din id-diskussjoni, effettivament iltqajt ma’ Alfred Sant u għedtlu li ħa nħalli l-uffiċċju tiegħi biex inqabbad lil persuna idonea u jagħmel investigazzjoni fuq il-każ kollu u l-fatt li l-proċedura ntesiet. Kien ġie inkarigat Dr Edgar Mizzi, li għamel l-investigazzjoni profonda fi żmien qasir u kkonkluda li fil-proċedura tal-maħfra ma kienx ġie segwit amministrattivament, u l-aktar importanti fil-konklużjoni tiegħu kien ċert li ma kien hemm l-ebda dell ta’ korruzzjoni. 

Fid-dawl ta’ responsabbiltà politika, lil Prim Ministru kont offrejtlu r-riżenja tiegħi u ġiet aċċettata. Fl-opinjoni tiegħi l-aċċettazzjoni tal-offerta tar-riżenja kienet ġudizzju ħażin tal-Prim Ministru. Ftit wara ġiet imsejħa elezzjoni bikrija li kif kulħadd jaf intilfet.  

Esperjenza tali taffettwak xi ftit personalment, imma l-għada tar-riżenja kont diġà l-uffiċċju notarili tiegħi għaddej bix-xogħol. Li kien ta’ inkoraġġiment kbir kien is-sapport li wrew il-klijenti li ġew l-għada jistennewni wara l-bieb biex nipprestalhom is-servizzi professjonali tiegħi. Ma jiddispjaċini xejn, pubblikament tatni ħafna kredibbiltà u rispett kbir mill-pubbliku. Fil-fatt tlajt fl-elezzjoni tal-1998 u l-elezzjonjiet ta’ wara sakemm iddeċidejt fl-2017 biex ma  nikkontestax aktar. Tagħlima li wieħed jista’ jieħu hija li wieħed irid joqgħod attent fid-deċiżjonijiet li jrid jieħu, u xorta bqajt nemmen ħafna fir-responsabbiltà politika. 

X’kienu l-iktar kisbiet li inti kburi bihom meta kont Ministru tal-Ġustizzja? 

L-ewwel waħda hi li kont għamilt l-att dwar il-kondominju li llum se jerġa’ jiġi rivedut wara kważi 23 sena. Illum il-ġurnata għandna rħula mibnijin flimkien bil-kumplessi kbar ta’ kostruzzjoni. Hawn ngħid prosit lil Ministru Attard u l-Ministru Zrinzo li ħadu din id-deċiżjoni għaliex huwa importanti ħafna li qed jerġgħu jikkunsidrawha u naġġornaw maż-żminijiet.  

Kont waqqaft ukoll iċ-Ċentru tal-Arbitraġġ illi sfortunatament ma kibirx kif xtaqt. Jien kelli x-xewqa li dan iċ-Ċentru eventwalment jiżviluppa f’Ċentru ta’ Arbitraġġ Internazzjonali. Però xorta qiegħed jintuża fejn in-nies tmur għall-arbitraġġ u d-deċiżjoni tittieħed malajr. Nemmen li hija tajba u ta’ ġid lin-negozji f’kull livell.  

Kont waqqaft l-ewwel bord biex nagħtu l-waqfien tal-Qorti tal-Familja li mbagħad kompla jiżviluppa.  

Dawn it-tliet inizjattivi kollha kellhom l-effett pożittiv tagħhom u żviluppaw aktar illum. Fi 13-il xahar li għamilt bħala Ministru, dawn nahseb kienu l-ikbar tliet avvenimenti li għamilt.  

Kelli wkoll ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali għax jien kelli pożizzjoni strumentali. Biex il-partit biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-Kunsilli Lokali, il-partit kellu pożizzjoni ta’ kunsilli indipendenti u li ma jipparteċipax fl-elezzjoni tal-kunsilli. Bħala Ministru  responsabbli mill-kunsilli, konna bdejna l-inizjattiva flimkien mal-kunsilli u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex nibdew nagħmlu l-manutenzjoni fl-iskejjel. Xi ħaġa li kompliet tiżviluppa wkoll. Konna bdejna u għamilna inizjattiva oħra, pjan ta’ żvilupp soċjali għan-Nofsinhar ta’ Malta. 

Il-kunsilli ta’ Nofsinhar kienu jingħaqdu flimkien u kienu ħarġu ħafna ideat ta’ inizjattivi soċjali. Kien pjan tajjeb ħafna mmexxi mill-Perit Lino Bianco u kien milqugħ minn kulħadd (PL u PN). Wara li l-Gvern inbidel fl-1998, dan il-pjan ma baqax jieħu dik ir-rankatura li kellu. Il-kunsill huwa għal-lokal, mhux għall-individwu. F’temp qasir, naħseb kien hemm bosta inizjattivi u minn dejjem sibt l-appoġġ tan-nies b’rispett liema bħalu. 

Joseph Muscat reġa’ rebaħ l-elezzjoni għal-Labour fl-2013. Kemm kien importanti dan kollu għall-Partit Laburista u għall-pajjiż? 

Il-Partit Laburista kien il-partit li l-ewwel appoġġ tiegħu dejjem tah lil dawk inqas privileġġati. Il-filosofija hija li tgħin fis-soċjetà, lil dawk li qegħdin l-iktar ’l isfel għax la darba dawn jitilgħu ’l fuq, ħaddieħor jibqa’ tiela ’l fuq. L-għan kien li nsaħħu l-mobbiltà  soċjali. Konna aħna li ħloqna entitajiet pubbliċi kbar u tajna sinifikat għall-housing soċjali fis-70ijiet taħt Mintoff biex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ xogħol u titjieb il-ħajja soċjali ta’ min huwa anqas vantaġġat.  

Il-pajjiż kien qed joqrob lejn ċertu staġnar fl-2013, b’nuqqas ta’ ideat, u rata ta’ qgħad kienet madwar 8,000. L-ekonomija kienet inċerta u kien hemm nuqqas ta’ fiduċja.  

Joseph Muscat, meta ħareġ fl-2008, kien għamel rivoluzzjoni li kienet ta’ xokk fix-xena politika, kemm meta beda jitkellem fuq id-divorzju, li kien hemm bżonn li nitkellmu fuqu, kif ukoll fil-qasam tal-LGBT. Ma rridux ninsew li d-dikriminalizzazzjoni tad-drittijiet tal-persuni omosesswali kien għamilha Mintoff fl-1975. U minn dakinhar, għalkemm konna aċċettajnieha, xorta kienet qisu baqgħet kwieta. Ma tantx kien sar progress fuqha. Joseph ta tifsira qawwija tal-kelma ugwaljanza u rispett f’dan il-qasam.  

Barra minn hekk, fil-qasam soċjali kien hemm ukoll l-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn. It-tnaqqis tal-benefiċċji kollha inkoraġġew lin-nies, speċjalment lin-nisa, biex joħorġu jaħdmu. 

Dan kien essenzjali għall-ekonomija, ħadet qabża ’l fuq u għadha għaddejja b’ritmu qawwi llum ukoll.   

Ħaġa oħra kienet fil-qalba fl-enerġija. L-użu tal-gass naqqas ħafna t-tniġġis fl-arja. Mhuwiex perfett imma tnaqqas. Bil-ftehim li sar fejn l-Enemalta kienet f’xifer ta’ falliment u qed tiġbed magħha lil Bank of Valletta, l-Enemalta reġgħet ħadet ir-ruħ. Dan seħħ bl-arranġamenti, il-modifiki u l-impenn politiku li għamilna mal-Gvern Ċiniż, bi €320 miljun ta’ investiment li daħlu min-naħa taċ-Ċiniżi. Huwa importanti li niftakru li d-distribuzzjoni baqgħet f’idejn il-Maltin. Naħseb li minkejja li ppruvaw ipinġuh b’mod differenti, nemmen li kien ftehim b’saħħtu ħafna. 

Illum, dak il-pass irreplika ruħu għax żammejna l-enerġija bi prezz kompetittiv, tajna serħan il-moħħ lill-operaturi ekonomiċi u soċjalment tajna serħan lill-familji. L-anzjani tajniehom ħajja aħjar u dan jagħti sens ta’ stabbilita.  

L-instabbiltà tistaġna l-ekonomija u timmina il-qasam soċjali. L-ekonomija dejjem tinbidel u għalhekk hemm bżonn stabbiltà li tirrikjedi investiment u li titjieb il-produzzjoni tagħha, jinħolqu iktar impjiegi ġodda u jkunu iktar kompetittivi.  

Xejn ma jibqa’ statiku, anzi llum il-bidla tant hi mgħaġġla li l-problema xi drabi tkun kif se tlaħħaq magħha.  

Fl-2013, minn Joseph ’l hawn; huwa kien li ħoloq momentum ekonomiku u dak il-momentum jibqa’ għaddej. Ma jfissirx li dan ma jinbidilx u li ma timmodifikahx, imma li jibqa’ għaddej biex ta’ warajh jibni fuqu. Il-ġid li jkun sar ma jridx jintesa.  

Li gvern juri li jimpurtah minn niesu, huwa gvern tajjeb. L-ebda gvern mhu perfett, jaf ikollu ideat tajbin u oħrajn żbaljati. Trid dejjem taħdem bi mħabba lejn il-pajjiż, u b’għan ewlieni ta’ ħarsien tan-nies l-ewwel u qabel kollox. B’hekk nemmen li tnaqqas l-okkorenza ta’ ġudizzji żbaljati politiċi li jistgħu jikkawżaw konsegwenzi mhux feliċi.  

Dak li ġara f’2019 seta’ ġie evitat? 

Jiena nemmen li l-pajjiż kollu jixtieq li dan ġie evitat. Ċertament li l-inċident li tinqatel persuna huwa kundannabbli, huwa ħażin u qatt m’għandu jsir. L-ebda bniedem m’għandu jiġi mweġġa’.  

Seta’ jiġi evitat? Kien ikun aħjar li kieku sar minn kollox biex ikun evitat. Kien ikun aħjar li ma ġarax.  

Li kieku ma ġarax aħjar għall-pajjiż, u aħjar għal kulhadd. Sfortunatament, dan ġara u wieħed irid jara kif se jieħu ħsieb isewwi r-riżultat u l-konsegwenzi ta’ dak li ġara.  

Il-pajjiż ħiereġ minnha, u qed jieħu reputazzjoni internazzjonalment. Dan jikkonfermaw il-presidenza fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-GM u l-presidenza jew chairmanship tal-OSCE.  

X’kienu l-żbalji politiċi ta’ Muscat? 

L-ideat politiċi ta’ Joseph naħseb kienu validi ħafna, u dan jikkonfermah il-ġid li nħoloq u t-titjib soċjali li rajna mill-2013 sal-lum. Però maż-żmien kull idea teħtieġ li tkun aġġornata.  Ġudizzju żbaljat naħseb kien il-kuntratt tal-isptarijiet, li kieku ġie evitat kien ikun aħjar. Mhux il-kunċett tal-public-private partnership li huwa żbaljat għax l-isptarijiet li jkunu taħt public-private partnership hija xi ħaġa li diversi pajjiżi adottaw. L-aktar l-Ingilterra, Spanja u l-Portugall. Tista’ ssir.  

Mhux il-kunċett ta’ public-private partnership huwa ħażin imma l-għażla tal-partner privat trid tkun waħda għaqlija u studjata biex ikollok riżultat pożittiv. Mela għal dak ix-xogħol trid issib nies, entitajiet, jew organizzazzjonijiet li huma esperti f’dak il-qasam. Id-deċiżjoni tal-Qrati hija ċara dwar dan il-kuntratt.  

Fil-każ tal-Enemalta naħseb naqblu li l-eżitu tal-bidla, il-qalba għall-gass u l-investiment Ċiniż kollha taw riżultat tajjeb li ggarantixxa li l-Enemalta tibqa’ sservi l-pajjiż – hemmhekk ukoll hemm parteċipazzjoni tal-privat ma’ settur pubbliku li ta riżultat tajjeb oġġettivament. 

X’taħseb li huma l-ikbar sfidi li qed tiffaċċja Malta u li hemm bżonn jiġu indirizzati? 

Ċertament hija tat-traffiku għax qed joħdilna l-ħin. Irridu nħarsu lejn pajjiżi oħrajn, bħal Singapor u Lussemburgu u bliet fl-Ewropa li qed jieħdu passi li filwaqt jgħollu l-effiċjenza tat-trasport pubbliku u jintegraw it-trasport kollu. Qed iħeġġu lin-nies jużaw anqas il-vettura personali. Għandna bżonn li l-partiti politiċi jkunu maturi biżżejjed u jagħrfu li din hija problema nazzjonali. Immedjatament trid tibda u tispiċċa f’id bi pjan serju u diskussjoni sħiħa kif din l-isfida se tkun indirizzata.  

Illum fl-aħħar 30 sena, il-benessri tan-nies żdied u ta’ 18-il sena kulħadd irid karozza. Din id-domanda issa kibret. Dak kien parti ta’ kif is-soċjetà kienet qed tevolvi imma l-art ma kibritx. Għamilna infrastruttura ta’ toroq sbieħ u tajba però ma tistax tlaħħaq għax in-numru ta’ vetturi dejjem qed jikber.  

Irridu nderru lill-poplu biex juża t-trasport pubbliku jew jużaw karozza waħda – car sharing – insaħħu aktar trasport bil-baħar u ċioè integrazzjoni sħiħa u effiċjenti ta’ trasport u regolamenti li jġibu trasport pubbliku jkun aktar effiċjenti. Il-Gvern ġa qed jagħmel investiment, imma l-isfida għadha hemm. Irridu nibdew mill-ġenerazzjoni ż-żgħira.  

It-tieni hija s-sostenn tal-agrikoltura li baqgħalna li huwa sfida kbira. In-nuqqas tal-ilma diġà hi problema antiċipata.  

L-evoluzzjoni fl-edukazzjoni. X’se tkun id-domanda tal-edukazzjoni fl-għaxar snin li ġejjin? X’ħiliet se jkollna bżonn? X’taħriġ irid isir?   

L-ambjent u l-ħarsien tiegħu, in-nuqqas ta’ emissjonijiet – il-mira ta’ zero emissions se jbiddel il-mod sħiħ tal-ekonomija u kif ngħixu? 

Dawn huma l-isfidi li jridu jiġu indirizzati apparti l-isfidi li qed jiġru barra minn pajjiżna; l-invażjoni fl-Ukrajna u issa tal-Palestina, jew xi sajjetta oħra fil-bnazzi bħall-Covid, li prattikament ġabet id-dinja għarkupptejha. Dawn ħadd ma stenniehom. Minn band’oħra, it-teknoloġija wkoll qiegħda tikber u l-anzjan jaf isibha diffiċli biex ilaħħaq magħha. It-tranżizzjoni teknoloġika, li hija tajba u fiha l-benefiċċji tagħha, trid issir gradwalment u li taħseb għas-soċjetà kollha.  

Dawn huma sfidi eċitanti wkoll, li l-partiti jridu jindirizzaw. Il-politika hija servizz, servizz b’għan li jsaħħaħ il-benessri tas-soċjetà. Hija professjoni eżerċitata mill-bniedem u għalhekk soġġetta għall-iżball. Bejn żball u reat apposta li taf li hija ħażina hemm distinzjoni netta.  

Minn lenti ta’ Eks Chairman tal-Air Malta, x’ma sarx biex jinbidel l-istat finanzjarju tal-kumpanija? 

Il-prinċipju huwa dan li Malta jrid ikollha kumpanija tal-ajru tagħha. Dan huwa essenzjali għal Malta u li għandha bżonn ta’ komunikazzjoni kontinwa, effiċjenti u li tista’ tistrieħ fuqha. 

Jekk tkun 100% tal-Gvern jew b’sehem tal-maġġoranza tal-privat hija diskussjoni oħra. Il-BOV huwa kważi kollu tal-privat però qed jaqdi l-missjoni tiegħu b’mod tajjeb ħafna u l-Gvern irid jistrada dik il-kumpanija tal-ajru nazzjonali sabiex tilħaq il-bżonnijiet ekonomiċi ta’ pajjiżna.  

Illum huwa inutli nippuntaw subgħajna u nwaħħlu f’xulxin. Jien nawgura u nwiegħed li bħalma użajt is-servizz tal-Air Malta, se nuża s-servizz tal-kumpanija l-ġdida. Jalla li din tirnexxi, mhux neċessarjament ħa tagħmel profitt, għax l-economies of scale ta’ pajjiżna jillimitawna ħafna u joħolqu sfidi. Dak ħadd ma jafu. Imma rridu nħarsu ’l quddiem biex din tirnexxi għall-ġid tal-ekonomija Maltija u tal-poplu Malti. 

Meta tħares lura lejn il-vjaġġ politiku tiegħek, hemm xi affarijiet li kieku tista’ tmur lura u tbiddilhom? 

Fl-esperjenza tagħna dejjem kien hemm esperjenzi li titgħallem minnhom u tagħraf li stajt operajt aħjar. Realistikament, dejjem jiġi punt f’ħajtek fejn tgħid ‘dik stajt għamiltha aħjar’.   Li tagħmel assessjar ta’ dak li għamilt u implimentajt huwa tajjeb. Jekk nieħdu pereżempju l-Qorti tal-Familja li evolviet ħafna, hija perfetta? Ma naħsibx – l-iżvilupp soċjali u l-iżvilupp tas-soċjetà maż-żminijiet, kif ukoll l-esperjenzi u l-iżbalji, iħeġġuna naġġornaw l-affarijiet. Dak huwa essenzjali fil-politika, li ma tibżax tbiddel għax tħossok komdu bl-istatus quo – però tibdil irid ikun biss fl-aħjar interess tan-nies.  

Dawk huma l-passi importanti; implimentazzjoni, assessjar kull ftit xhur, u ara x’hemm tajjeb u ħażin. Kompli ibni fuq it-tajjeb, u l-ħażin terġax tirrepetih. Naħseb jekk dan isir f’kull settur, dan għandu jkun ta’ progress.  

Illum hemm sitwazzjoni fejn ħafna nies li kienu attivi fil-politika u fil-Partit Laburista qed iħossuhom esklużi. X’tikkummenta? 

Jekk tkun attiv tfisser li tkun qed tipparteċipa f’xi attività, allura mhux eskluż. Tista’ tkun però demotivat u għalhekk ma tibqax attiv. Kull partit politiku jrid joqgħod attent li bruda fis-segwaċi tiegħu ma tikbirx għax ikollha konsegwenzi. 

Li ngħidu li ‘nkunu qrib in-nies’, tfisser fl-opinjoni tiegħi li n-nies iridu jsibuha aktar faċli biex jiltaqgħu mal-politiku li jkunu għażlu. Issa sta għall-politiku kif se jittratta sitwazzjoni bħal din. L-importanti huwa li l-poplu jħossu qrib tal-politiku matul il-leġiżlatura kollha u mhux lejliet l-elezzjoni.  

Ma neskludix li din l-apatija li qed tirreferi għaliha tista’ tkun riżultat ta’ tribaliżmu politiku li qed ibiegħed lin-nies. Inħoss li l-politika qed issir diviżiva u dan mhux f’Malta biss imma fl-Ewropa u fid-dinja kollha.  

Fl-opinjoni tiegħi dan ma jawgurax tajjeb biex nindirizzaw l-isfidi kbar li pajjiżna u l-Ewropa kollha għandhom quddiemhom. Il-maturità politka, bħal f’kull ħaġ’oħra, hija neċessarja. 

More in Socjali