“Qas naf jekk oħti hijiex ħajja” – Bader Zina fuq is-sitwazzjoni tal-Iżrael u l-Palestina 

Il-kunflitt Iżraeljan-Palestinjan huwa wieħed profondament, kumpless u fit-tul bi storja twila ta’ vjolenza, ilmenti, u tbatija miż-żewġ naħat. Fl-isfond ta’ tensjonijiet għolja li għaddejjin, il-gazzetta Luigi Sghendo ma’ Bader Zina, Palestinjan Malti, dwar l-avvenimenti li seħħew fil-Lvant Nofsani 

"l-azzjonijiet tal-Ħamas kienu rrakkontati minn midja Iżraeljana, l-istess midja Iżraeljana li skont Bader lesta li ddawwar storja fejn il-ħażin jidher biss minn naħa Palestinjana"

“Lanqas naf jekk oħti hijiex ħajja”. Kien permezz ta’ dan il-kliem li Bader spjega s-sitwazzjoni prekarja li hemm fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari Gaża. Huwa spjega kif diversi familji jinsabu f’xifer il-mewt, mhux biss minħabba t-theddida li tisplodi bomba fuq rashom iżda wkoll li jmutu bil-ġuħ. Barra minn hekk semma kif il-komunikazzjoni nqatgħet kompletament minħabba l-azzjonijiet tal-Militari Iżraeljana.  

Bħalissa s-sitwazzjoni tinsab prekarja hekk kif l-Iżrael wettqet numru ta’ bombardamenti, fosthom fi sptar kif ukoll waqqfet l-aċċess tal-Palestinjani għall-ikel, ilma u riżorsi bażiċi oħra.   

L-iżrael wissiet lill-Palestinjani biex jemigraw lejn in-Nofinshar tal-Istrixxa ta’ Gaża, iżda diversi Palestinjani jinsabu maqbuda minħabba li l-fruntiera lejn pajjiżi ġirien jinsabu magħluqin u m’għandhomx riżorsi (bħall-fuel) biex jivvjaġġaw.  

Staqsejtu għala l-Ħamas wettqet dawk l-attakki kontra l-Iżrael (minkejja li kulħadd jaf li m’hemmx tweġiba faċli). Huwa fakkarna fl-istorja li sa mill-1948 il-Palestinjani ilhom isofru inġustizzji, inġustizzji li għadhom isiru sal-lum il-ġurnata. Bl-istess mod, wieħed ma jistax jipponta subgħajh biss lejn il-Palestina hekk kif l-Iżrael inċita r-rispons tal-Ħamas. Kien għalhekk li staqsejnieh jekk huwiex ġust li wieħed jiġġustifika ‘għajn b’għajn, sinna b’sinna’. Huwa wieġeb u qal li tant kemm huwa kumpless, minħabba l-weġgħat kbar li sofrew il-Palestinjani, li fil-verità qas huwa possibbli. Huwa fakkarna fir-rivoluzzjoni Franċiża, kif inhu mifhum, il-poplu fqir Franċiż xeba’ mill-oppressjoni u l-ġuħ li kien qed isofri. Dan kollu biex numru żgħir ta’ persuni jixxalaw. Tant kemm kienet kbira t-tbatija li l-Franċiżi waslu fi stat fejn l-unika soluzzjoni kienet ir-rivoluzzjoni, ispirata minn esperjenzi koroh fosthom ta’ tkażbir inġust u persuni li nqatlu intortament.   

Huwa kompla jgħid li l-azzjonijiet tal-Ħamas kienu rrakkontati minn midja Iżraeljana, l-istess midja Iżraeljana li skont Bader lesta li ddawwar storja fejn il-ħażin jidher biss minn naħa Palestinjana.  

Fuq dan is-suġġett Bader spjega kif jinsab iffrustrat bil-mod kif Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, ħalliet irjus kbar jinfluwenzawha kif iridu. Huwa saħaq li Metsola għandha “d-demm f’idejha”, u appellalha bis-saħħa biex, flimkien ma’ membri kbar oħra fl-Unjoni Ewropea, jifhmu aħjar il-perspettiva Palestinjana. Huwa kompla jgħid kif in-Nazzjonijiet Uniti wkoll naqsu milli jilħqu ftehim favur waqfa fil-gwerra sabiex tingħata għajnuna umanitarja u jieqaf l-isparar miż-żewġ naħat. Madankollu fit-tieni riżoluzzjoni proposta mill-Brażil, u li kienet tinkludi kemm kundanna għall-Ħamas, kif ukoll talba għall-waqfien mill-ġlied biex titwassal l-għajnuna umanitarja, Malta vvutat favur. Ir-riżoluzzjoni xorta waħda m’għaddietx għaliex l-Istati Uniti użat il-veto tagħha.  

Rigward l-istat Malti, Bader qal li jemmen li huwa medjatur tajjeb. Fil-fatt pajjiżna kien saħansitra laqa’ lill-Eks President Amerikan George H.W. Bush u s-Segretarju Ġenerali tal-Eks Stat Sovjetiku Mikhail Gorbachev waqt il-Malta Summit fl-1989. Għalhekk jemmen li l-Istat Malti għandu l-potenzjal li jixpruna l-paċi internazzjonali.   

Finalment hu qal li l-futur huwa wieħed mudlam. Kull ġurnata li tgħaddi, l-identità Palestinjana qed tinqered bl-imwiet tal-eluf ta’ Palestinjani u t-tkissir tal-infrastruttura. Huwa stqarr li minkejja d-dlam li jiddomina l-futur ta’ dan l-avveniment, xorta tibqa’ niċċa ta’ dawl, li jġib miegħu t-tama ta’ futur aħjar u mistħoqq għall-Palestinjani.  

More in Socjali