Żewġt ifkieren lura fil-baħar wara żmien ta’ rijabilitazzjoni

Il-fkieren, Nadia u Maria ngħataw rijabilitazzjoni wara li sfaw vittmi ta' plastik mormi fil-baħar fost l-oħrajn

Żewġt ifkieren, Nadia u Maria, ġew mitluqin lura fis-selvaġġ kmieni it-Tlieta filgħodu wara kważi xahrejn ta’ trattament fil-Wildlife Rehab Centre. 

Il-Wildlife Rehab Centre Project huwa mmexxi min-Nature Trust Malta (NTM), bl-għajnuna tal-Awtoritá għall-Ambjent u Riżorsi (ERA). L-ERA taħdem ukoll qrib għaqdiet mhux governattivi fuq inizjattivi ambjentalisti oħrajn. 

Il-fekruna Nadia ġiet salvata fl-erbgħa t’Awwissu 2023 meta nstabet f’wiċċ l-ilma baħar b’sunnara f’ħalqha, filwaqt li l-fekruna Maria ġiet salvata fl-20 t’Awwissu 2023 wara li belgħet biċċiet tal-plastik. Maria kellha wkoll daqqiet minn ġrieħi li ġarbet qabel. 

Il-kap eżekuttiv tan-NTM Vince Attard appella għal darb’oħra għall-publiku biex iżomm il-bajjiet nodfa u mingħajr plastik. 

Attard ikompli jgħid li “it-tniġġiż tal-plastik qed jiżdied u qed jaffetwa lilna u lill-ħajja marina. Ir-rimi tal-iskart għandu jsir b’mod għaqli f’bins ipprovduti għax huwa importanti u kruċjali biex jitnaqqas il-plastik mill-baħar.”

Il-kap eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca saħaq li l-Awtoritajiet qed jippruvaw joħolqu miżuri ġodda biex jitnaqqas ir-rimi tal-plastik – b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ importazzjoni u l-bejgħ ta’ plastik li jintuża darba fis-suq lokali fost miżuri oħrajn. 

“Dan jimxi id f’id ma’ inizjattivi oħra mmirati għan-nuqqas tal-iskart, bħal pereżempju r-regulazzjonijiet tas-separazzjoni li ġew introdotti f’April. Dawn il-miżuri jgħinu biex jitnaqqas l-ammont tal-plastik li qed jispiċċa fil-baħar u jpoġġi l-bijodiversitá tal-baħar f’riskju.”

Il-multi fuq separazzjoni ta’ skart ħażin se jidħlu fis-seħħ fil-15 t’Ottubru 2023.

More in Socjali