“L-kurrikulu għandu jiqsar sewwa“- Edukaturi jaqsmu l-fehma tagħhom fuq l-edukazzjoni

Fl-isfond ta’ studju fuq l-eżamijiet, il-Prinċipali tal-MCAST u Junior College flimkien mad-Direttur tal-De le Salle spjegaw l-isfidi li qed jaffaċja s-settur tal-edukazzjoni   

Hekk kif l-istudenti qed iħejju ruħhom għal-sena skolastika ġdida, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil diversi edukaturi b’esperjenza profonda sabiex jaqsmu magħna l-ħsibijiet tagħhom fuq is-sistema edukattiva u kif din tista’ titjieb fil-futur.  

Studju riċenti ppublikat mill-Università ta’ Malta wera li minn total ta’ 1,216 student li poġġew għal-eżamijiet tal-A levels 24 kisbu A li hija l-għola marka, 81 student kisbu marka ta’ B, 249 student kisbu C, 240 student kisbu D, 122 student kisbu E filwaqt li l-ammont ta’ studenti li fallew (249) kien kważi daqs l-ammont ta’ student li ma poġġewx għal-eżamijiet (251). 

Fl-isfond tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Prinċipal tal-Junior College, Paul Xuereb, mad-direttur ta’ La Salle Malta Stephen Cachia u l-Prinċipal tal-MCAST James Calleja fejn flimkien qasmu l-opinjonijiet tagħhom fuq is-sistema edukattiva bbażata mil-esperjenza profonda li żviluppaw matul is-snin.  

Rigward is-sistema ta’ assesjar u kif din tgħin studenti b’kapaċitajiet differenti, id-direttur Cachia spjega kif l-assesjar se jsir parti mis-sistema tas-SEC hekk kif 30% tal-marka ta’ kull suġġett tas-SEC se jingħata fuq l-assessjar li jsir fl-iskola matul it-tliet snin, minn Year 9 sa Year 11, filwaqt li 70% se jingħataw fuq l-eżami tas-SEC fis-suġġetti li jsiru f’Year 11. Għalhekk huwa saħaq li din hija opportunità fejn filwaqt li tibqa’ l-importanza tal-eżamijiet, tingħata importanza ukoll fil-metodi oħra ta’ assessjar. Il-Prinċipal tal-MCAST ukoll għafas fuq l-importanza tal-assesjar u qal li huwa “naturali li wieħed irid bilfors jivverifika x’għerf, ħiliet u kompetenzi student akkwista fil-proċess ta’ tagħlim formali”. Filfatt, differenti mill-Università, l-MCAST tagħti importanza kbira fl-assesjar hekk kif minflok sistema ta’ eżamijiet, l-MCAST tiffuka iktar fuq l-kwalità tax-xogħol li student jippreżenta matul is-sena skolastika tiegħu milli eżamijiet biss. 

Meta mistoqsija hekk jemminx li ċertu suġġetti għandhom wisq temi fis-sillabus tagħhom, il-Prinċipal Xuereb qal li minkejja li qed tinħass din, speċjalment fis-suġġetti tax-xjenza, huwa saħaq li għandu jsir iktar kommunikazzjoni bejn il-SEC u l-MATSEC sabiex meta attwalment l-istudenti jagħmlu l-qabża minn O-levels għal A-levels, ikollhom tranżazzjoni iktar faċli. Huwa kompla jgħid li xi studenti qed isibuha diffiċli jlaħħqu mas-sillabi ta’ ċerti suġġetti u jemmen li għandhom isiru diskussjonijiet biex possibilment jitraqqu. L-Prinċipal tal-MCAST jaqbel li l-kurrikulu għandu jiqsar sewwa u qal li għandna nagħtu importanza għas-snajja u ħiliet ta’ id kif ukoll dawk bażiċi għax it-talent Malti huwa kbir. Huwa ssostanza dan u qal li “fil-festi Maltin naraw kemm it-talent Malti huwa ta’ kwalita’ fit-tiżjin tat-toroq, fil-logħob tan-nar, fil-marċi, fil-kant u il-mużika tal-knisja u f’ħafna espressjonijiet artistiċi oħra. Jekk jintilef dan il-talent tintilef l-identita’ Maltija”  

Minn naħa tiegħu Cachia semma’ ukoll l-importanza li jitrawwem il-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-ħiliet tas-soluzzjoni tal-problemi speċjalment “f’dinja fejn l-informazzjoni ssibha malajr billi tagħfas buttuna fuq il-kompjuter, huwa iktar importanti li l-istudenti jitgħallmu jagħrblu din l-informazzjoni b’mod kritiku skont il-boxxla ta’ valuri umani u demokratiċi milli jitgħallmu l-informazzjoni bl-amment.” Huwa żied jgħid li minkejja li l-eżamijiet jillimitaw it-trawwim tal-ħsieb kritiku, il-kreattività, u l-ħiliet tas-soluzzjoni tal-problemi, xorta jemmen li l-eżamijiet għandhom irwol importanti fl-edukazzjoni. 

F’pajjiżna donnu qed jiċkien aktar milli jikber l-ammont ta’ studenti li qed jitħajjru jagħżlu okkupazzjoni fl-edukazzjoni, dan sostnieh il-Prinċipal Xuereb flimkien mad-Direttur Cachia li appellaw għal iktar kundizzjonijiet favorabbli għal-edukaturi, warakollox huma responsabbli li jiggwidaw u jrawwmu t-tgħalim lill-uliedna. Fost dak li għandu jsir, il-Prinċipal Xuereb qal li l-paga għandha tkun għola u li l-edukaturi jitqiesu bħala importanti fis-soċjetà, jingħataw il-pjattaformi neċessarji biex isemmgħu leħinhom u opportunitajiet li jokkupaw karigi pubbliċi. Il-Prinċipal tal-MCAST kompla ma’ dak li qal Xuereb u qal “Nemmen li hemm kriżi fit-taħrig ta’ l-għalliema u sfidi lil din il-professjoni minn karrieri oħra aktar attrajenti u mħallsa aħjar”. 

 

More in Socjali