Studenti minn madwar id-dinja jiddibattu fil-Parlament

Dan waqt li ttellgħet l-edizzjoni tal-2023 tal-Konferenza tal-MaltMUN

Tul tmiem il-ġimgħa li għadda, ittellgħet fil-Belt Valleta l-edizzjoni tal-2023 tal-Konferenza tal-Malta Model United Nations (MaltMUN). Din kienet konferenza fejn madwar 60 delegat żgħażugħ, ta' etajiet li jvarjaw bejn 15 u 24 sena, iltaqgħu sabiex jiddiskutu problemi fuq skala globali li qed taffaċċja d-dinja bħalissa.

It-temi kienu l-ispazju u turiżmu spazjali, l-enerġija nukleari, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-Kosovo. Dawn kienu diskussi minn delegati minn madwar id-dinja, fosthom dawk Maltin, Spanjoli, Sloveni, Ġermaniżi, Pollakki u Marokkini.

Il-konferenza infetħet il-Ġimgħa 15 ta' Settembru, fl-10 a.m, b’diskors mill-President tar-Repubblika ta’ Malta George Vella. Minbarra dan, saru diskorsi mid-Deputat Ambaxxatur Amerikan Ken Toko, kif ukoll mill-Ambaxxatriċi Franċiża Agnes Von der Muhl, f’ċerimonja li saret f’sala ġewwa Spazju Kreattiv.

Is-sessjonijiet ta’ diskussjoni kienu ospitati fil-kmamar tal-Parlament ta’ Malta, hekk kif id-delegati nqasmu f'tliet kumitati marbutin b'kull wieħed marbut ma' waħda mit-tliet temi. Dawn ikkulminaw f’reżoluzzjonijiet li jservu sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, f’simulazzjoni ta’ kif joperaw il-Kumitati tal-Ġnus Magħquda.

Il-Konferenza ingħalqet b'ċerimonja fil-Librerija Nazzjonali il-Ħadd 17 ta' Settmbru fit 3.p.m, b’diskorsi minn Vanessa Frazier, ir-Rappreżentant Permanenti għal Malta fil-Ġnus Magħquda, kif ukoll minn Dr. Corinne Casha, mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Wara segwa l-għoti tal-premjijiet, fejn fost oħrajn, Michael Gatt rebaħ l-unur tal-aqwa ċerperson. L-għola unur, il-Premju Julian Spiteri għall-Eċċellenza, intrebaħ minn Isaac Rizzo.

Din is-sena kienet waħda kommemorattiva għal MaltMUN, hekk kif l-għaqda volontarja mmexxija mill-istudenti iċċelebrat l-għeluq il-10 snin mill-konċepiment tagħha.

More in Socjali