Jiżdiedu l-każijiet ta’ Covid-19 fl-Isptar u fil-komunità, jinstabu wkoll każijiet ta’ ‘swine flu’

Minkejja li l-virus tal-Covid-19 m’għadux jitqies bħala virus ta’ pandemija, madwar id-dinja, l-każijiet xorta waħda qed jiżdiedu. Għalhekk, bosta tobba fil-komunitajiet u ħaddiema fl-Isptar Mater Dei li qed iħabbtu wiċċhom ma’ dawn il-każijiet qed jappellaw għal aktar kawtela mill-pubbliku 

F’Malta qed jiżdiedu b’mod allarmanti l-każijiet tal-Covid-19, tant li qed joħolqu piżijiet kbar fuq l-Isptar Mater Dei. Apparti dan, sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta stqarru wkoll li fl-Isptar Mater Dei hemm ukoll każijiet ta’ H1N1, magħruf aħjar bħala ‘swine flu’. 

L-ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ professjonisti tas-saħħa li jaħdmu kemm fl-Isptar Mater Dei u anke fil-komunitajiet, li ddeskrivew is-sitwazzjoni relatata mal-Covid-19 bħala waħda allarmanti. Ħaddiem fi ħdan l-Isptar Mater Dei stqarr li b’kumbinazzjoni, ftit tal-ħin qabel ma tkellem ma’ din il-gazzetta, kien għadu kemm ħadem ma’ żewġ pazjenti li kellhom il-Covid-19. 

Sorsi oħra fl-isptar stqarru li każijiet bħal dawn fejn il-pazjent jeħtieġ li jkun iżolat kemm jista’ jkun sabiex ma jkomplix jinxtered il-mard, qed joħolqu aktar problemi b’rabta ma’ nuqqas ta’ sodod.  

Lil hinn minn xtutna, qiegħed jinfirex varjant magħruf bħala EG.5 jew Eris li ġie nnutat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħala varjant ta’ interess, hekk kif l-għaqda temmen li hemm lok għal aktar attenzjoni fuq dan il-varjant. Dan minħabba li l-karatteristiċi tiegħu ifissru li dan iwassal għal sintomi aktar ħorox, filwaqt li jinxtered minn persuna għal oħra b’mod faċli. 

Skont l-evidenza li għandha f’idejha bħalissa, il-WHO xorta waħda temmen li dan il-varjant huwa ta’ riskju żgħir għas-saħħa tal-pubbliku, iżda bla dubju dan jista’ joħloq diversi problemi, b’mod speċjali fuq l-infrastruttura tas-servizzi tas-saħħa. Minkejja dan, kelliem mill-Ministeru għas-Saħħa stqarr ma’ din il-gazzetta li f’pajjiżna, ma hawnx każijiet ikkonfermati ta’ persuni li ġew infettati b’dan il-varjant.  

Intant, il-WHO qed tissorvelja wkoll il-każijiet ta’ swine flu madwar id-dinja. L-informazzjoni li għandha din l-organizzazzjoni hi li fis-sebgħa ta’ Ġunju ta’ din is-sena, kien hemm każ ta’ H1N1 li ġie rrappurtat fil-Brażil, iżda kien hemm każijiet oħra ta’ persuni infettati b’dan il-virus anke qabel din id-data. Is-sintomi tal-H1N1 jinkludu deni, uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-muskoli tla-istonku, filwaqt li każijiet oħra jistgħu iwasslu għal problemi marbuta man-nifs. 

Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ tobba fil-komunità li jaraw numru kbir ta’ persuni b’mod regolari, fejn ikkonfermaw li hawn numru mhux żgħir ta’ nies fil-komunità li qed ikollhom is-sintomi tal-Covid-19. Huma stqarru li hawn, m’hemmx faxxa fis-soċjetà partikolari li qed jesperjenzaw dawn is-sintomi, hekk kif qed jaraw pazjenti ta’ kull età b’dawn is-sintomi.  

Tabib minnhom stqarr li meta jara l-pazjenti li jkollhom is-sintomi tal-Covid-19, javżahom li l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu hu li jagħmlu test tal-Covid-19 id-dar, sabiex ikunu ċerti mir-raġuni wara dawn is-sintomi. Hawn, huwa spjega li mill-pazjenti li jara hu li jagħmlu t-test, 80% minnhom jirriżultaw fil-pożittiv għal dan il-virus.  

Il-problema tas-sitwazzjoni tal-Covid-19, skont tabib ieħor li tkellem mal-ILLUM, hija li peress li l-WHO m’għadiex tqis lil Covid-19 bħala pandemija, in-nies ikunu inqas attenti għall-azzjonijiet tagħhom, b’differenza kbira għal dak li kien isir fl-eqqel tal-pandemija. Għalhekk, huwa appella sabiex wieħed dejjem ikun kawt, u jagħmel dak li għandu jagħmel biex jipproteġi lilu nnifsu u lil dawk ta’ madwaru, filwaqt li nnota li l-ħasil tal-idejn huwa mod effettiv ħafna ta’ kif wieħed jista’ jevita l-mard. 

Problema oħra marbuta mal-Covid-19 hija n-nuqqas ta’ ttestjar, li twassal għal sitwazzjoni fejn wieħed ma jkunx jaf kemm verament hawn persuni infettati, u b’hekk, jekk dawn jibqgħu imorru għax-xogħol u joħorġu, ikomplu jinfettaw aktar nies.  

Skont statistika li tiġi aġġornata kull ġimgħa, f’Malta hawn 312 każ attiv magħruf ta’ Covid-19, fejn ftit inqas minn nofshom ġew irrappurtati f’ġimgħa waħda. Intant, in-numru ta’ nies li qed imutu waqt li jkunu pożittivi jogħla bi ftit kull ġimgħa. 

More in Socjali