Vi jew Va? L-użu rikreattiv tal-kannabis iwassal għall-użu ta' tipi ta' droga oħra?

Bħal kull suġġett li dan is-sit iddiskuta fuq il-rokna Vi jew Va, l-użu rikreattiv tal-kannabis iqajjem ħafna polemiki. Filwaqt li hemm nies li ma jaqblux illi l-użu rikreattiv u ikkontrollat tal-kannabis ma jwassalx għal dipendenza jew użu ta' tipi ta' sustanzi aktar perikolużi, hemm oħrajn li jemmnu, kompletament, l-oppost. Iżda fuq kollox x'jgħidu l-esperti? Iwieġeb id-Direttur ta' Caritas Malta Anthony Gatt u l-President ta' ReLeaf Malta Andrew Bonello 

Iwieġeb il-Psikologu u d-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt  

Iva u Le. Ir-Risposta għal din il-mistoqsija tvarja skond l-età meta tigi użata u anke r-raġunijiet wara l-użu. It-tip ta’ kannabis u l-qawwa tagħha jista’ jkollhom effett ukoll. Ir-riskju li wieħed jiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis jew anke biż-żmien jesperimenta b’sustanzi oħrajn, jikber aktar f’età żgħira. Eżempju jekk adolexxent ta’ 13-il sena juża l-kannabis l-ewwel bħala espiriment imma mbgħad ikompli jżid l-użu f’kunest ta’ divertiment, u dan l-użu jiżdied fil-frekwenza fil-ħajja ta' kuljum, ikun hemm iktar periklu li persuna tiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis stess u anke taqleb għal sustanzi oħra mal-medda taż-żmien.  

Min naħa l-oħra jekk persuna tibda tpejjep jew tuża l-kannabis iktar tard fil-ħajja, ikun hemm ħafna inqas ċans li wieħed jiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis jew anke jaqbeż għal sustanzi oħra. B’dan il-mod dik li hija mgħarufa bħala l-gateway theory cioe li l-użu tal-kannabis jiftaħ il-bieb għal użu ta’ sustanzi oħra tista’ titqies valida jekk ikun hemm użu eżessiv f’età żgħira u mhux daqshekk taplikka jekk persuna tibda tuża l-kannabis wara 21 sena.  

Riċerka barranija tindika li f’adolexenza huma wieħed min sitta li jużaw l-kannabis b’mod eċessiv li jispiċċaw dipendenti fuq il-kannabis u fl-adulti huma wieħed min kull 10. Dan jista’ jkun kaġunat min diversi fatturi bioloġici u anke soċjali. Il-moħħ uman jibqa’ jiżviluppa sa madwar 25 sena. 

Moħħ ta’ adolexxent isirlu ħafna ħsara jekk jiġu ikkunsmati drogi inkluż l-ħaxixa f’din l-età meta l-moħħ qed jiżvluppa. Il-moħħ bħal donnu jidhra s-sustanza u l-pattern ta’ dipendenza jkun iktar qawwi.  

Jekk adolexxent jitgħallem li biex tieħu gost trid tikkonsma xi sustanza dan ikun bħal qed jassoċja d-divertiment mas-sustanzi u jista’ jiżdied l-esperimentazzjoni b’sustanzi differenti maż-żmien. Ir-raġuni għala persuna tuża l-ħaxixa, għandu wkoll impatt jekk persuna tiżviluppax dipendenza jew anke taqlibx jew tużax sustanci oħra jew le.  

Mod persuna adulta tibda tuża l-kannabis f’kuntest soċjali ta’ divertiment, u mod tibda tuża l-kannabis għax tinduna li mal-użu tal-kannabis tħossha li tkampa aħjar mal-problemi tal-ħajja. 

Fl-adulti li jużaw il-kannabis b’mod mhux daqshekk frekwenti u b’mod simili għal li wieħed jieħu tazza nbid f’kuntest ta’ rilassament mal-ħbieb, jew waħdek jew f’kunest ta’ divertiment, ikun hemm inqas ċans li l-persuna tinħakem min vizzju u taqleb għal sustanzi oħra. Imma jekk persuna adulta tkun qed tuża l-kannabis biex tħossha aħjar, biex tkampa aħjar mal-ħajja, biex tneħħi l-biża’ jew l-ansjetà jew id-dwejjaq, hawnhekk il-periklu li tiżvilppa dipendenza u ‘l quddiem taqleb fuq sustansi oħra, jiżdied b’mod konsiderevoli. Għal din il-persuna jista’ jiġi żmien meta tibda tħoss li l-kannabis mhux qed ikollha effett biżżejjed biex tneħħi d-dwejjaq jew l-ansejtà u hemmhekk tipprova xi sustanza ohra. 

Barra dawn l-aspetti ta’ età, tar-raġunijiet wara l-użu, dwar l-ammonti ta’ kannabis li tiġi kunsmata li għandhom effett fuq ir-riskju ta’ dipendenza u anke riskju li wieħed juża sustanzi oħra hemm fatturi oħra soċjoloġiċi li jaffetwaw kemm nies jużaw il-kannabis u anke droga oħra.  

Sena u nofs ilu għaddiet liġi li stabilixxiet l-Awtorità dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, li anke tippermetti li bniedem ikollu sa erba’ pjanti tal-kannabis id-dar u anke t-twaqqif ta’ social clubs fejn wieħed jista’ jixtri żrieragħ tal-pjanta tal-kannabis jew anke l-ħaxixa nfisha. Ħafna mir-residenti fil-programmi tal-Caritas, anke qabel għaddiet il-liġi, kienu qalulna li iktar kemm il-ħaxixa issir bħal qisha “xejn m’hu xejn” fil-mentalità tal-poplu, ikun iktar probabli li jiżdied l-użu u anke li persuni vulnerabbli jgħaġġlu iktar il-proċess li bih jiġi dipendenti jew jaqbżu għal sustanzi oħra.  

Diversi esprimew li jekk l-adolexxenti jibdew jaraw l-kannabis normalizzata, dawk iż-żgħażagħ li jfittxu l-eċitament meta wieħed jikser ir-regoli jew jagħmel xi ħaġa off limits, l-kannabis ma tibqax tagħti dak l-eċitament. Jista jkun li dawn iż-żgħażagħ f’riskju ikbar li jaqgħu vittma ta’ dipendenza, jgħaġġlu l-proċess u jaqbżu iktar malajr għal droga bħal kokaina. Mod ieħor kif nispjegha hi li fil-mentalità ta’ żgħażagħ f’riskju, l-kannabis ma tibqax ‘the forbidden fruit’ imma sustanza oħra bħal kokaina toħdilha posta bħala forbidden fruit.  

Iwieġeb Andrew Bonello, il-President ta’ ReLeaf Malta 

Il-‘gateway theory’ ilha għal numru ta’ snin fiċ-ċentru ta’ dibattitu wiesa’ u kontroversjali. Din tgħid illi l-użu tal-kannabis jista’ jwassal biex individwi eventwalment jibdew jagħmlu użu minn sustanzi ferm aktar perikolużi u li jistgħu jikkawżaw dipendenzi. Minkejja dan, meta wieħed jeżaminaha aktar mill-qrib, jinduna li din it-teorija mhix issustanzjata minn evidenza u aktar hija ibbażata fuq biża’ milli data empirika. 

Waħda mill-ikbar difetti ta’ din it-teorija hija l-fatt li tfalli milli tistabilixxi relazzjoni kawżali bejn l-użu tal-kannabis għal użu ieħor ta’ droga sussegwenti. F’dan il-każ, nagħmel referenza għall-frażi Ingliża “correlation does not imply causation” u nenfasizza li huwa essenzjali li nagħmlu distinzjoni bejn kawżi oħra li jistgħu jikkawżaw dipendenzi. Filwaqt li huwa minnu li xi individwi li jagħmlu użu mil-kannabis, għandhom aktar ċans li jagħmlu użu minn sustanzi oħra eventwalment, dan ma jfissirx li l-kannabis awtomatikament se jwassal għal dipendenzi oħra.  

Numru ta’ studji oħra naqsu milli jistabilixxu konnessjoni diretta u konsistenti bejn l-użu tal-kannabis u użu oħra ta’ drogi aktar perikoluża. Fil-fatt il-maġġoranza ta’ persuni li jagħmlu użu mill-kannabis ma jagħmlux użu minn drogi oħra bħalma huma l-kannabis jew eroina, fost oħrajn. Dan jindika li fatturi bħal predispożizzjoni, l-ambjent soċjali u ċirkustanzi personali għandhom irwol ferm aktar sinifikanti għal dak li jimmotiva persuna aktar biex jagħmel użu mis-sustanzi, mill-kannabis innifsu.  

Għaldaqstant, din it-teorija tfalli milli tikkonsidra spjegazzjonijiet alternattivi għall-assoċjazzjonijiet li ġew osservati. Eżempju ta’ dan huwa li individwi li għandhom it-tendenza li jieħdu aktar riskji jew li għandhom predispożizzjoni ġenetika għall-abbuż ta’ sustanzi huma aktar fiċ-ċans li jużaw tipi ta’ drogi differenti, inkluż il-kannabis. Fatturi soċjo-ekonomiċi, kwisjonijiet ta’ saħħa mentali u influwenza minn tal-madwar huma lkoll kontributuri għall-użu ta’ drogi li jindikaw li t-teorija hija wisq simplistika. 

Pajjiżi li adottaw policies progressivi fir-rigward ta’ drogi u implimentaw id-dekriminalizzazzjoni jew legalizzazzjoni tal-kannabis ma esperjenzawx żieda fl-użu ta’ sustanzi bħal kokaina u eroina fost oħrajn. Tant hu hekk illi ċertu ġurisdizzjonijiet osservaw tnaqqis b’mod ġenerali fl-użu tad-droga. Dawn huma eżempji reali li jkomplu jxejjnu l-fatt illi hemm fatturi oħra li jwasslu għall-użu ta’ sustanzi perikolużi.  

Huwa kruċjali li l-policies li jiġu implimentati u indirizzati bl-evidenza li hemm quddiemna. Billi nipperpetwaw il-gateway theory tal-kannabis, qed nirriskjaw li nimplimentaw policies żbaljati li jiffukaw fuq miżuri punittivi aktar milli fuq is-saħħa pubblika u l-harm reduction. Minflok għandna ngħatu priorità lill-edukazzjoni, il-prevenzjoni u interventi immirati għal dawk l-aktar f’riskju. Dan l-aproċċ jirrikonoxxi l-kumplessità tal-użu tas-sustanzi perokolużi u jindiriza l-fatturu li jikkontribwixxu għal użu problematiku tad-droga.  

Biex nikkonkludi, id-deċiżjoni ta’ Malta li parzjalment tiddekriminalizza l-kannabis f’Diċembru tal-2021 jirrappreżenta pass sinifikanti fit-triq it-tajba favur poltika progressiva. Jekk jirnexxielna niġġieldu l-istigma, nippromwovu l-użu responsabbli tal-kannabis u ninsew il-gateway theory Malta jirnexxielha tibni soċjetà aktar inklussiva. B’aktar sforz nistgħu nkunu ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fuq kif nindirizzaw il-policies b’aktar kompassjoni u b’evidenza.  

More in Socjali