‘Ma rridux l-iskejjel isiru bħall-ħabs imma hemm bżonn ta’ scanners mal-entraturi’

Wara l-aħbar li tifla kważi attakkat lil studenta oħra b’sikkina fl-iskola medja tan-Naxxar, ħafna kellhom xi jgħidu dwar l-imġieba, il-vjolenza u d-dixxiplina. L-istess il-UPE u l-MUT. Marco Bonnici jisħaq li għandha ssir reviżjoni tal-politika tad-dixxiplina, iżda Graham Sansone ma jaqbilx u jemmen li hemm bżonn li jittieħdu miżuri aktar b’saħħithom 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) Graham Sansone sostna li issa wasal iż-żmien biex jiġu introdotti hand held scanners fl-entraturi ta’ ċertu skejjel, bħal dawk li naraw f’ċertu stabbilimenti u simili għal dawk li naraw fl-ajruport. Sansone jemmen li dan huwa l-pass li jmiss u li verament jinħtieġ f’ċertu skejjel partikolari, li jkollhom każi ta’ vjolenza, “biex pajjiżna jevita xi diżgrazzja fl-iskejjel.”   

Dan qalu fid-dawl tal-aħbar xokkanti u inkwetanti li ddominat l-aħbarjiet ta’ nhar il-Ħamis filgħodu, meta tfajla ta’ 12-il sena twaqqfet milli tattakka tfajla oħra b’sikkina fl-iskola medja ta’ Maria Reġina fin-Naxxar.  

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, spjega li kollox beda minn ġlieda bejn iż-żewġ tfajliet waqt il-break, fil-bitħa tal-iskola. Din l-istess ġlieda twaqqfet b’mod immedjat minn edukaturi li kienu fuq superviżjoni u t-tfal inbagħtu direttament fl-uffiċċju tat-tmexxija tal-iskola.  

Ġara iżda li, l-ġlieda reġgħet inqabdet u eskalat meta waħda mit-tfajliet marret fil-kċina tal-għalliema, serqet sikkina (butter knife) u qabdet tiġri wara t-tfajla l-oħra, sakemm twaqfet. Eventwalment il-ġenituri ġew imsejħa l-iskola u ttieħdet azzjoni dixxiplinarja. Huwa mifgħum ukoll li skattat investigazzjoni mill-awtoritajiet edukattivi. Dan filwaqt li t-tnejn qed jingħataw l-għajnuna neċessarja mit-tim psiko-soċjali tal-Kulleġġ.   

Fi stqarrija l-Ministru Clifton Grima stqarr li kull att ta’ vjolenza qatt mhu ittollerat u li filwaqt li talab għal investigazzjoni, “qed jieħu l-miżuri kollha biex jagħti l-appoġġ kollu lill-edukaturi.”   

Iżda dan mhux biżżejjed għall-Malta Union of Teachers (MUT) u l-UPE li t-tnejn qed jipproponu affarjiet differenti biex jiġu evitati sitwazzjonijiet simili jew agħar.   

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil President tal-MUT Marco Bonnici jekk dan l-episodju hux wieħed iżolat jew jekk, bħala MUT, hux qed tirċievi rapporti ta’ vjolenza fuq l-għalliema jew dwar ċertu imġieba bejn l-istudenti. Għal dan huwa wieġeb li dan kien każ iżolat, “fil-fatt ma jidhirx li hemm rapporti oħra ta’ din it-tfajla matul din is-sena skolastika.” Minkejja dan, irrimarka li każijiet ta’ dixxiplina li jwasslu għal azzjonijiet fi ħdan l-iskejjel b’mod ġenerali, “hemm ħafna.” 

‘Hemm bżonn ta’ reviżjoni fil-politika tad-dixxiplina’  

Mistoqsi x’qed tipproponi l-Unjin fid-dawl ta’ dan il-każ, Bonnici sostna li issa wasal iż-żmien biex il-politika tad-dixxiplina terġa’ tiġi riveduta hekk kif ilha li saret erba’ snin ilu u għalkemm f’għajnejn ħafna erba’ snin mhumiex ħafna, Bonnici jisħaq li l-iskejjel Maltin raw bidla radikali.  

“L-iskola hija aktar kumplessa minn kif kienet erba’ snin ilu. Nixtiequ li l-edikaturi jkollhom aktar għodda f’idejhom biex ikunu jistgħu jipprevjenu din l-imġieba u biex jindirizzaw dawn il-problemi,” qal Bonnici.  

Qal li waħda mill-prinċipji tar-reviżjoni fil-politika tad-dixxiplina għandha tkun li l-edukaturi jitħallew jaħdmu u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Fost oħrajn elenka li s-sanzjonijiet li jingħataw għandhom jiġu ikkomunikati b’mod aktar ċar biex jiġu evitati miżinterpretazzjonijiet. Mistoqsi biex jelabora aktar dwar dan qal illi jekk student jingħata sospensjoni jew break-in għandha tiġi spjegata b’mod ċar ir-raġuni wara din id-deċiżjoni u mhux oħra u għaliex ittieħdet, “inkluż mal-ġenituri.”  

‘Sistema ta’ kulleġġi ġdida, studenti mħalltin u influss qawwi ta’ studenti barranin’  

Iżda f’dawn l-aħħar snin x’tibdiliet setgħu saru li tinħass il-ħtieġa għal reviżjoni fil-politka tad-dixxiplina?  

Bonnici qal mal-ILLUM li f’dawn l-aħħar 10 snin inbiddlu ħafna affarjiet fl-iskejjel u dawn it-tibdiliet wasslu għal dinamiċi u imġieba ġodda. Dawn jinkludu “is-sistema komprensiva ġdida, studenti bniet u subien imħalltin fi skola waħda, influss ta’ studenti barranin u l-midja soċjali. Dawn biddlu n-natura ta’ kif topera l-iskola.”  

Fil-fatt, miegħu jingħaqad bi qbil Graham Sansone li wkoll jaqbel li kien hemm bidliet kbar. Jgħid li bħala unjin għandhom rappreżentanza f’diversi skejjel u waħda mill-aktar problemi li jiltaqgħu magħhom hija n-nuqqas ta’ riżorsi umani ta’ ħaddiema u għalliema psiko-soċjali, jiġifieri cousellors u guidance teachers.  

“Huma eżawriti bil-każijiet ta’ imġieba, speċjalment dawk li ġejjin minn trobbija diffiċli. Ir-riżorsi huma problema u ma jistax ikun li student ifittex l-għajnuna u minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi jiltaqgħu magħhom darbtejn fix-xahar biss,” sostna Sansone.  

Min-naħa l-oħra huwa jemmen li reviżjoni tal-politika tad-dixxiplina mhijiex biżżejjed. Dan attribwih għall-fatt illi l-implimentazzjoni ta’ din il-poltika ma ssirx kif jinħtieġ. “Apparti minn hekk l-għalliema jridu jingħataw aktar saħħa biex ikunu komdi li jħaddmu l-istess politika.”  

Ma rridux l-estremiżmu iżda hemm bżonn ta’ aktar sigurtà’  

Sansone kompla jgħid illi għalkemm ħafna jistgħu jikkritikaw lill-UPE fuq il-proposta ta’ scanners, li din tista’ tiskomoda lil xi studenti, qal li dak hu l-bżonn.  

Iċċara li bħala unjin ma jixtieqx li jittieħdu miżuri estremi lanqas, “iżda minn statistika ippubblikata fuq gazzetti oħra, instabu numru ta’ skieken fil-basktijiet tal-iskola u dan inkwetanti ħafna.”  

Huwa għamel referenza għall-attakk terroristiku tat-Twin Towers fl-Istati Uniti lura fl-2001 u fisser illi dak iż-żmien kulħadd beda jgerger kontra l-infurzar addizzjonali biex wieħed jitla’ fuq ajruplan “iżda wara, fir-realtà, kulħadd ħassu aktar sigur.”  

Qal li bħala ġenitur jippreferi miżuri bħal dawn milli l-biża’ li xi darba jkun hemm xi omiċidju fl-iskejjel. 

Fl-aħħar huwa qal li pajjiżna għandu t-tendenza li jaħdem bl-immaġġjar bi kriżi u għalhekk itenni l-importanza tal-prevenzjoni. “Jista’ jkun hemm student li sforz l-ibbuljar ma jibqax jaħseb u jkollna xi ġrajja oħra bi tmiem differenti u aktar traġiku. Għalhekk għandna nintroduċu miżuri differenti,” temm jgħid mal-ILLUM il-President tal-UPE Graham Sansone.

More in Socjali