Għal tmien snin konsekuttivi, Malta l-ewwel fid-drittijiet tal-LGBTIQ+

Malta ġiet assenjata punteġġ ta' 89%, 13-il punt perċentwali qabel il-pajjiż li kklassifika fit-tieni post 

Malta għal darb'oħra tinsab fil-quċċata tal-ILGA Rainbow Map & Indekx i b'hekk din hija t-mien sena konsekuttiva li ġiet ikklassifikata l-ewwel fost 49 pajjiż fl-Ewropa u l-Ażja Ċentrali, fir-rigward tal-Ugwaljanza LGBTIQ+. 

Ta' kull sena, l-Għaqda Internazzjonali ILGA-Europe tippubblika għodda ta’ valutazzjoni komparattiva li tevalwa s-sitwazzjoni ta’ liġijiet u l-politika dwar l-ugwaljanza LGBTIQ+ tal-pajjiżi differenti.

Punteġġ ta’ 89% ġie assenjat lil Malta, 13-il punt perċentwali qabel il-pajjiż li kklassifika fit-tieni post fil-lista. Malta tipprovdi protezzjoni legali f’diversi oqsma ta’ ugwaljanza u non-diskriminazzjoni, fosthom il-familja, reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, rikonoxximent legali tal-ġeneru, integrità tal-ġisem intersesswali, spazju tas-soċjetà ċivili u ażil. Biex isaħħaħ il-ħidma tiegħu f’dan is-settur, il-Gvern Malti se jkun qed jaħdem biex jipprovdi aktar protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+, b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-prodotti u s-servizzi u t-twaqqif ta’ korp ta’ ugwaljanza b’mandat espliċitu għal raġunijiet ta’ SOGIGESC (orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, karatteristiċi tas-sess). 

“Bl-isforzi kontinwi u l-kollaborazzjoni tal-imsieħba soċjali, inkuż is-soċjetà ċivili biex inkomplu nilħqu l-miri tagħna għal Malta dejjem aktar ugwali,” saħqet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.

Barra minn hekk, qed titkompla l-ħidma fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi sabiex leġiżlazzjonijiet u politika li tħares id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ tibqa’ titjib biex niżguraw li l-edukazzjoni u l-għarfien jiddaħħlu fis-setturi kollha tas-soċjetà bil-għan li jinqerdu l-preġudizzji u l-mibegħda.

More in Socjali