‘It-tfal tant kienu imdorrijin b’imġieba ħażina li m’emmnux li kien abbuż fuqhom’

L-ILLUM tkellem lill-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika u vjolenza abbażi tal-Ġeneru Audrey Friġġieri b’reazzjoni għal ċifri xokkanti li juru li madwar 90% qalu li sofrew minn xi tip ta’ abbuż fi tfulithom. Tgħid li ħafna tfal tant huma imdorrijin jaraw l-abbuż li meta edukati fuqhom ma jemmnux li dik l-imġieba hija ħażina 

“Ħafna għalliema li qed naħdmu magħhom biex nimplimentaw programmi dwar il-prevenzjoni qalulna li ċertu tfal tant kienu imdorrijin b’imġieba ħażina li m’emmnux li dak kien abbuż fuqhom.” Hekk sostniet il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika u vjolenza abbażi tal-Ġeneru Audrey Friġġieri.  

Dan qalitu fid-dawl ta’ studju, l-ewwel fix-xorta tiegħu f’pajjiżna, li ġie ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika bis-sostenn tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza. Din ir-riċerka saret minn Dott. Clarissa Sammut Scerri, Dott Ingrid Grech Lanfranco, Lara Pace u Maria Borg. 

‘It-tfal kollox jixorbu. Jekk jaraw il-vjolenza, se jirrepplikawha’  

Dan l-istudju staqsa madwar 445 partiċipant, bejn l-etajiet ta’ 18 u 24 sena, dwar l-esperjenzi tagħhom fit-tfulija bħala persuni li raw il-vjolenza domestika, li ġew maltrattati, li sofrew min-negliġenza, vittimazzjoni minn persuni tal-istess età u aħwa u vittimazzjoni sesswali.  Minn dawn 49.2% kienu irġiel filwaqt li 50.8% kienu nisa.  

Il-prevalenza ta’ vjolenza domestika f’pajjiżna hija waħda kbira. Fil-fatt din il-ġimgħa stess, skont statistika ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), ġie irraportat li kien hemm żieda ta’ 28.5% fil-persuni li talbu għall-assistenza minħabba l-vjolenza domestika bejn l-2019 u l-2021. 

Kienu aktar min-nofs tal-parteċipanti li waqt l-etajiet bikrin tagħhom raw episodji ta’ vjolenza domestika u esperjenzaw vittimazzjoni indiretta. Dan filwaqt li 54.3% raw tip ta’ vjolenza fi ħdan familthom. Aktar speċifiku minn hekk, 42.5% qalu illi raw lil ġenitur ikun vjolenti permezz ta’ oġġett jiġifieri, li taw daqqa ta’ ponn mal-ħajt, waddbu xi ħada jew inkella raw vjolenza diretta mill-ġenituri fuq ħuthom.  

Hawn l-ILLUM lil Friggieri tistaqsi dwar x’effetti jħallu dawn l-esperjenzi fuq l-ulied. Għaliex il-vittimazzjoni bejn l-aħwa u t-tfal tal-istess etajiet kienu sinifikament relatati ma’ esperjenzi ta’ vjolenza u negliġenza fost l-oħrajn? 

“Jekk it-tfal minn ċkunithom qed jaraw ċertu modi ta’ mġieba, ċertu lingwaġġ, kif jissolvew l-kunflitti eċċ. It-tfal se jixorbu kollox u jimitaw dak li qed jaraw madwarhom. Jekk dawn qed jaraw il-kunflitti l-kbar isolvuhom billi jgħajjru l-xulxin u jwaddbu l-affarjiet jew jerfgħu idejhom fuq xulxin ma jistax jonqos li t-tfal se jirrepetu dak li qed jaraw quddiemhom. Dak huwa normali għalihom.  

90% qalu li sofrew minn xi tip ta’ abbuż 

B’mod ġenerali 90% ta’ dawk illi ipparteċipaw f’dan l-istudju qalu li sofrew minn xi tip ta’ abbuż, xi darba jew oħra fit-tfulija tagħhom. Kienu 10.4% biss li qalu li ma sofrewx minn abbuż. B’mod ġenerali wkoll, instab li n-nisa esperjenzaw ħafna aktar abbuż waqt it-tfulija.  

Mill-ħames tipi ta’ abbużi li staqsa fuqhom dan l-istudju, jidher biċ-ċar illi trattament ħażin kienet l-aktar risposta komuni. Tant hu hekk illi kienu 61.4% tal-parteċipanti li sofrew minn dan. Hawn ukoll in-nisa wieġbu illi huma għaddew minn din is-sitwazzjoni kiefra.  

Iżda kif jiddefinixxu maltrattament?  

Dan l-istudju jindika illi l-aktar forma ta’ maltrattament komuni kien dak tal-abbuż psikoloġiku u emozzjonali, b’45% li jgħidu li kienu vittmi ta’ dan. Madankollu, l-abbuż fiku mhux wisq ‘il bogħod minn din iċ-ċifra hekk kif 45.7% tal-parteċipanti qalu li ġew abbużati minn xi ħadd li kien jieħu ħsiebhom. Bħalma jaraw fil-każi ta’ vjolenza domestika, kważi 65% tal-parteċipanti qalu illi l-abbuż kien ġejj mill-missier bioloġiku jew addottiv tagħhom. Perċentwal ferm ikbar minn dawk illi qalu li ġew abbużati minn ommhom, jiġifieri 28%.

L-istudju jinnota li każi bħal negliġenza, interferenza kustodjali jew ħtif minn membri ta’ familja kienu inqas komuni.  

42.5% li raw lil ġenitur ikun vjolenti mal-ġenitur l-ieħor kienu jitilfu aktar skola  

Din il-gazzetta tinnota illi 4.25% tal-parteċipanti, li fi tfulithom raw lil ġenitur ikun vjolenti mal-ġenitur l-ieħor kellhom ċans ikbar illi jitiflu l-iskola jew isibu diffikultà li jagħmlu x-xogħol tad-dar.  

“Dan huwa fattur illi irridu nistħarrġu ħafna aktar dwaru għax hu importanti. Fl-aħħar minn l-aħħar biex tistudja trid tkun b’saħħtek fuq livell fiżiku, emozzjonali u mentali,” qalet Friggieri.  

Hija żiedet tgħid illi kważi, kważi, it-tagħlim akkademiku jiġi sekondarju ħdejn is-saħħa tal-bniedem. “Irridu nieħdu ħsieb l-istudenti issa u mhux inħarsu lejhom biss bħala ħaddiema tal-futur,” kompliet tgħid il-Kummissarju.  

‘Wasalna biex invaraw it-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru’  

Hija kompliet tgħid li l-Gvern se jkun qiegħed ivara t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru u li fost l-affarjiet li se jkun qiegħed jinidirizza, jitratta l-prevenzjoni bi sħiħ.  

“Qed naħdmu mill-qrib mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex il-prevenzjoni tkun inkorporata fil-kurrikulu, filwaqt li nagħtu taħriġ lill-front liners kollha biex jidentifikaw sintomi komuni ta’ tfal li għaddejin żmien mill-aktar diffiċli,” temmet tgħid mal-ILLUM il-Kummissarju Audrey Friggieri.  

More in Socjali