Kważi disa' miljun passiġġier fuq ir-rotot ta' tal-linja lejn San Pawl il-Baħar u San Ġiljan

It-Trasport Pubbliku huwa materja li tiġi diskussa ħafna drabi, speċjalment it-triq 'il quddiem. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aħħar ċifri tal-NSO għall-2021 u żewġ sondaġġi li juru s-saħħa u d-dgħjufija tas-servizz... 

Jekk ilek ma taqbad tal-linja imma forsi m'ilekx ma taqbad Metro f'xi belt kbira bħal-Londra jew Pariġi, forsi ma tafx li f'ċerti ħinijiet, numru kbir ta' rotot ta' tal-linja f'Malta huma viċin ħafna s-sitwazzjoni tal-metros u l-ferroviji fi bliet kbar. F'kelma waħda "ippakkjati." 

Dan fil-fatt huwa rifless fi statistika li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u li juri illi fl-2021, meta konna għadna qed inkarkru bil-pandemija miljuni kbar ta' passiġġiera kienu qed jużaw l-aktar rotot popolari, jiġifieri dawk li sejrin jew jgħaddu minn San Pawl il-Baħar/Buġibba/Qawra u dawk li sejrin jew jgħaddu minn Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi. Fi kliem ieħor l-aktar żoni popolati u popolari mat-turisti f'pajjiżna.  

Fil-fatt kienu b'kollox 4.6 miljun passiġġier li wżaw ir-rotot 48, 42, 41 u 31 li lkoll imorru jew jgħaddu minn San Pawl il-Baħar u Buġibba. Minn dawn il-miljuni ta' passiġġieri, l-akbar sehem kienet rotta 48, li mill-Belt Valletta tieqaf il-venda tal-Qawra u li fl-2021 ġarret 3.7% tat-total tal-passiġġiera kollha li nġarru matul dik is-sena, jew inkella ftit inqas minn 1.3 miljun passiġġier. Rotta 31, li mill-ġdid tmur mil-Belt għal Buġibba ġarret 1.02 miljun fl-2021. Ir-rotot 41 u 42, destinazzjoni Ċirkewwa, ġarrew 1.06 miljun u 1.2 miljun passiġġier rispettivament matul l-istess sena. Dawn iż-żewġ rotot huma popolari mhux biss ma' dawk li sejrin Għawdex u l-Mellieħa/Għadira imma wkoll ma' ħafna passiġġiera li jieqfu f'Mosta Road, fil-qalba ta' San Pawl il-Baħar.  

Ta' min ifakkar li skont l-aħħar ċensiment il-popolazzjoni f'San Pawl il-Baħar hija ta' 32,042 resident, li tagħmilha l-akbar lokalità f'pajjiżna u żona li fiha jgħixu 17,282 resident barrani, li ħafna minnhom jiddependu fuq it-trasport pubbliku. Apparti dan, San Pawl il-Baħar hija wkoll lokalità li fiha hemm numru kbir ta' sodod f'akkomodazzjoni turistika.  

Intant matul l-istess sena 4.3 miljun passiġġier użaw rotot li kienu sejrin lejn in-naħiet tal-Gżira, Tas Sliema u San Ġiljan - żona oħra ppopolata u turistika. Dan apparti li hija żona wkoll illi fiha hemm numru kbir ta' uffiċċji u postijiet tax-xogħol.  

L-aktar rotta popolari bi 3.5% tat-total globali tal-passiġġiera fl-2021 għal din iż-żona hija 14 (Belt sa Pembroke) li ġarret 1.2 miljun persuna. Ir-rotot 13 u 13 A - l-istess bħal dik 14 - ġarrew 1.15 miljun u 1.07 miljun passiġġier rispettivament. Dan filwaqt li r-rotta 16, li tgħaddi mill-istess żoni u tibqa' dieħla s-Swieqi ġarret 968,075 passiġġier matul l-istess sena.  

Minn naħa l-oħra, fin-nofsinhar ta' Malta, l-aktar żewġ rotot popolari fl-2021 kienu l-91 li tieħdok lejn Wied il-Għajn (1.16 miljun passiġġier) u r-rotta 82 li tieħdok Birżebbuġa (956,360 passiġġier) - inċidentalment it-tnejn lokalitajiet mal-baħar.  

Ir-rotta 48, li kif għidna hija l-aktar waħda popolari, kellha aktar minn 100,000 passiġġier għal sebgħa xhur  b'Novembru (138,759), Ottubru (137,349) u Lulju (124,004) ikunu l-aktar xhur li matulhom intużat. Ir-rottot 41 u 42 kienu aktar popolari fix-xhur tas-sajf, speċjalment ir-rotta 42 b'119,748 passiġġier f'Awwissu u 120,367 passiġġier f'Settembru tal-2021. 

Ir-rotta 14 ukoll hija popolari ħafna matul seba' xhur minn 12, meta t-total ta' passiġġieri jaqbeż il-100,000 fix-xahar. L-aktar xahar li fih telgħu passiġġieri fuq din ir-rotta kien Awwissu b'128,041.  

Id-diretti l-inqas użati... Is-servizz ta' matul il-lejl 'fqir' 

L-inqas rotot popolari huma dawk id-diretti li jidher ċar - jekk wieħed jieħu dawn iċ-ċifri partikolari - illi hemm bżonn titjib fihom biex jintużaw aktar. 

Per eżempju, rotta 203, minkejja li tmur għal Tas Sliema (minn Buġibba) ġarret biss 363,779 passiġġier fl-2021, filwaqt li rotta 222 - miċ-Ċirkewwa għal Tas-Sliema ġarret 762,412. Pjuttost 'il bogħod minn aktar minn miljun li kienu qed iġorru rotot lejn Tas Sliema iżda li jibdew mill-Belt Valletta, xi ħaġa li tista' tindika żewġ affarijiet: L-ewwel li l-frekwenza tar-rotot mhux diretti hija aħjar jew inkella, li l-kunċett tal-Belt Valletta bħala ċentru  minn fejn jitlaq ħafna mit-trasport pubbliku, liema sistema tmur lura ħafna snin, għadha dik favorita.  

Jidher ċar ukoll li t-triq sabiex it-trasport pubbliku jintuża matul il-lejl għadha twila mmens, għallinqas jekk nieħdu dawn iċ-ċifri bi ftit iktar minn 38,000 passiġġier f'sena li użaw l-N13 li tieħu lin-nies lejn Tas-Sliema/San Ġiljan/Paceville mal-lejl. Ftit aktar minn 5,000 użaw l-N212 li matul il-lejl tieħdok iċ-Ċirkewwa. 

Għalhekk huwa ċar li ħafna passiġġiera, speċjalment żgħażagħ li jiffrekwentaw Paceville ma għandhom ebda għażla ħlief li mal-lejl jaqbdu taxi jew jużaw il-vetturi  tagħhom.  

35.2 miljun passiġġier fl-2021 

U finalment matul l-2021 kien hemm total globali ta' 35.2 miljun passiġġier fuq it-trasport pubbliku, li fil-fatt hija żieda ta' 4.2% meta mqabbel mal-2020 li matulha t-trasport pubbliku kien qed jiffaċċja r-realtà tal-Covid-19 li fisser tnaqqis qawwi ħafna fil-passiġġieri u anke fid-dħul tal-kumpanija li tmexxih.  

Is-sena 2021 fil-fatt bdiet bil-pandemija għalkemm imbagħad minn April, mal-ftuħ tal-ekonomija, inqalbet is-sitwazzjoni b'żidiet qawwijin ħafna ta' +82.8% f'April u +64.7% f'Mejju.  

Naturalment dawn iċ-ċifri li qed nikkwotaw f'dan il-parti tal-artiklu jitrattaw sena illi matulha wkoll kien hemm ir-realtà tal-pandemija.  

Wieħed allura jista' jimmaġina kemm iktar minn hekk se tkun iċ-ċifra għall-2022 - l-ewwel sena li matulha l-pandemija ftit li xejn impattat u meta t-turiżmu kien reġa' qed jaqbad art.  

Studenti: 76% jużaw tal-linja biex imorru l-Università 

Malta Public Transport (MPT) lestiet studju dwar ix-xejriet tal-ivvjaġġar tal-istudenti post-sekondarji u terzjarji u sabet li 76% tal-istudenti bħalissa jużaw il-karozzi tal-linja tat-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw lejn istituzzjonijiet edukattivi bħala l-mezz ewlieni tat-trasport tagħhom.  

L-istudju tefa’ dawl fuq ix-xejriet tal-ivvjaġġar ta’ aktar minn 2,000 student post-sekondarju u terzjarju minn diversi istituzzjonijiet edukattivi fosthom l-Università ta’ Malta (26%), il-Junior College (21%), l-MCAST (29%) u skejjel oħra post-sekondarji.  

L-istudju żvela li l-maġġoranza tal-istudenti (76%) jużaw karozzi tal-linja biex imorru l-iskola jew lekċers, b’65% tal-istudenti jsostnu li użaw il-karozza tal-linja kuljum fl-aħħar sitt xhur. 

L-istudju, li sar matul Frar u Marzu ta’ din is-sena, indika wkoll li 91% tal-istudenti jkunu lesti jimxu 5 minuti oħra biex jaslu f’bus stop li sservi rotta diretta u aktar veloċi, 90% tal-istudenti lesti jużaw it-trasport pubbliku aktar jekk il-ħinijiet tal-vjaġġ jonqsu b’25%, u 87% tal-istudenti jqisu servizz tal-karozzi tal-linja bi frekwenza ta’ 15-il minuta bħala effiċjenti.  

Dan jindika biċ-ċar li d-domanda għat-trasport pubbliku se tiżdied jekk il-karozzi tal-linja jkunu aktar frekwenti u jieħdu inqas ħin biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. 

53.2% jużawh jekk ikun aktar dipendibbli... Iż-żgħażagħ l-inqas 

Intant sondaġġ ieħor juri li l-maġġoranza tal-poplu lest juża t-trasport pubbliku jekk ikun aktar dipendibbli, għalkemm din ir-rieda kienet iktar b'saħħitha fost l-anzjani milli fost iż-żgħażagħ.  

Is-sondaġġ ta' Vince Marmara li deher fuq il-gazzetta Unity mill-Fakultà tal-Benesseri Soċjali, juri kif 53.2% tal-poplu lest illi juża t-trasport pubbliku jekk dan ikun aktar dipendibbli b'29.9% jgħidu li "jaqblu ħafna", 14.2% jgħidu li jaqblu u 9.1% jgħidu li 'jaqblu ftit'.  

Dan huwa tajjeb, għalkemm meta wieħed jagħti ħarsa aħjar lejn in-numri, speċjalment lejn ir-risposti skont l-età toħroġ xejra mhux daqstant inkoraġġanti għall-futur tat-trasport pubbliku. Il-parteċipanti kienu mistoqsijin biex jagħtu marka minn 1 sa 7, bil-1 ifisser li ma jaqblu xejn u 7 ikun li jaqblu ħafna li jużaw trasport pubbliku kieku dan ikun aktar dipendibbli.  

Filwaqt li dawk li għandhom 70 sena jew aktar taw marka medja ta' 5 dawk bejn 18 u 29 sena taw biss marka medja ta' 3.7. Dawk li qegħdin bil-pensjoni taw marka medja ta' 5, dawk li jaħdmu d-dar taw marka medja ta' 4.8 filwaqt li l-istudenti taw marka medja ta' 4.  

Dan juri illi hemm problema fost l-aktar ġenerazzjoni li hemm bżonn li tuża t-trasport pubbliku proprju biex tinħoloq kultura li tara illi t-trasport pubbliku jintuża dejjem aktar. Dan juri wkoll, kif tirrimarka l-gazzetta universitarja, illi l-karozza għadha meqjusa bħala l-aktar mezz dipendibbli ta' trasport biex persuna tmur l-iskola jew università u forsi wara tagħmel erba' qadjiet.  

L-istess fuq livell ta' edukazzjoni: It-trasport pubbliku huwa aktar meqjus bħala għażla fost dawk b'livell edukattiv primarju milli fost dawk post-sekondarju. Minkejja dan, jidher li hemm aktar rieda fost studenti Universitarji li jużaw tal-linja jekk din tkun aktar dipendibbli.  

More in Socjali