Omiċidji li xxukkjaw lil pajjiżna: 24 sena mill-qtil tal-kuntistabbli Mark Farrugia (9)

Il-kuntistabbli Mark Farrugia jew PC525, kellu biss 22 sena meta ħalla din id-dinja minħabba l-qadi ta’ dmirijietu, liema xogħol kien imwettaq b’lealtà kbira lejn il-Korp tal-Pulizija għall-ġid tas-soċjetà. Il-ħajja ta’ Farrugia intemmet fl-età ta’ 22 sena fl-20 ta’ Marzu 1999 iżda il-legat tiegħu jibqa’ mfakkar sa llum, 24 sena wara mewtu

Min hu PC525, ‘iben Ħal Tarxien’ ? 

Il-kuntistabbli Mark Farrugia jew PC525, kellu biss 22 sena meta ħalla din id-dinja minħabba l-qadi ta’ dmirijietu, liema xogħol kien imwettaq b’lealtà kbira lejn il-Korp tal-Pulizija għall-ġid tas-soċjetà. Il-ħajja ta’ Farrugia intemmet fl-età ta’ 22 sena fl-20 ta’ Marzu 1999 iżda il-legat tiegħu jibqa’ mfakkar sa llum, 24 sena wara mewtu.  

Mark ma kienx biss il-pulizija li nqatel fl-għatba ta’ ommu u missieru iżda kien ġuvni maħbub mill-komunità Tarxiniża, speċjalment dik tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata. Fil-fatt fi ktejjeb tal-Għaqda Mużikali tal-2006, seba’ snin wara mewtu, Anthony Piscopo iddeskrivih bħala bniedem riservat u kwiet u li kellu għal qalbu l-festa.  

B’rakkont dwar l-aħħar inkontru, ftit sigħat qabel ma miet traġikament, Piscopo jgħid illi dakinhar Mark qabel ma kellu jibda’ x-shift ta’ billejl,  kien mar ħdejh biex jagħtih statwa żgħira tal-Madonna tal-Lunzjata, hekk kif il-każin kien qiegħed iħejji wirja ta’ statwi tal-Madonna, proprju fl-okkażjoni tal-festa liturġika, li dik is-sena kellha tiġi iċċelebrata fil-25 ta’ Marzu.  

Paġna mill-pubblikazzjoni tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata, li fiha sellmu l-memorja tal-vittma 
Paġna mill-pubblikazzjoni tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata, li fiha sellmu l-memorja tal-vittma 

“L-għada kien għadu lanqas sebaħ f’xis-6 a.m. ċempel it-telefon id-dar u fuq il-linja sibt lil ħabib li kien jiffrekwenta l-każin tal-banda, Toni Farrugia u b’nifsu maqtugħ – bl-isteriżmu fuqu – l-unika frażi li ħarġet minn fommu kienet li qatlulna lil Mark,” qal Piscopo. 

Qal li Mark kien persuna bi kwalitajiet mill-isbaħ mgħoni b’virtujiet sbieħ li jżejnu lil tifel imrobbi tajjeb fl-imħabba ta’ familja eżemplari. Żied illi Mark kien wieħed minnhom u li qatt ma kien ħaqqu li jmut b’dak il-mod, “sforz l-onestà u l-lealtà lejn dmirijietnu. Sab min jaħsadulna minn fostna.”  

Huwa kompla jgħid f’kitbietu li l-ammirazzjoni lejn Mark kienet waħda kbira u dan kien evidenti meta indifen f’raħal twelidu, f’Ħal Tarxien. Kienet oħtu stess Joanne li qalet li ħasset unur li Mark hu ħuwha. “Konna nafu li hu maħbub imma l-funeral tana l-aktar prova ta’ dan,” qalet Joanne.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Kien għall-ħabta tal-4:45 a.m. li Mark kien fi triqtu lejn id-dar tal-ġenituri tiegħu wara lejl xogħol. Biċ-ċwievet f’idejh u b’sieq fuq it-tarġa, raġel b’senter ħadlu ħajtu.  

Ommu Josephine irrakontat fil-Qorti li meta Mark kien ikun ta’ bil-lejl kienet tqum kmieni mis-soltu u dakinhar stenbħet għall-ħabta tal-4:45 a.m. “Kont għadni kemm għidt bejni u bejn ruħi li dalwaqt jasal. Sakemm inħsadt b’ħoss qawwi ta’ sparatura mill-viċin. Imbagħad smajt lil Mark jgħajjat minn wara l-bieb. Dak il-kliem għadu ġo qalbi.”  

Kompliet tgħid li dak il-ħin qalet lir-raġel tagħha Alfred, biex imorru jaraw x’ġara u sfortunatament meta fetħet il-bieb sabitu minxur fl-art, b’saqajgħ fuq l-għatba u l-kumplament ta’ ġismu fuq il-bankina.  

Omm u missier Mark mal-Kummissarju Angelo Gafà f’għeluq il-24 sena mill-mewt tiegħu, il-ġimgħa l-oħra
Omm u missier Mark mal-Kummissarju Angelo Gafà f’għeluq il-24 sena mill-mewt tiegħu, il-ġimgħa l-oħra

B’emozzjonijiet kbar fuq il-pedana tax-xhud, Alfred irrakonta x’ġara u qal li meta Josephine rat lil binha mal-art bdiet tgħajjat: “Qatluli lit-tifel.” Irrakkonta li kien dak il-ħin li ħarġu l-ġirien u hu tbaxxa biex jara kif se jgħin lil ibnu. 

“Kulma għamel kien li teptep għajnejh, imbagħad għalaqhom darba għal dejjem,” qal Alfred.  

It-tnejn qalu li hu qatt ma kien imur id-dar u joqgħod jitkellem fuq ix-xogħol, anzi l-unika drabi li semma’ x-xogħol kien biex javazahom ħalli jqajmuh fil-ħin u ma jmurx tard. Ommu dejjem kienet twissih biex jagħmel xogħlu sew u kif suppost.  

X’ħareġ mill-Qorti?  

Fil-Qorti jingħad li kollox beda minn inċident tat-traffiku li fih kien involut Kuntistabbli tampar Mark, Etienne Carter. Il-qofol ta’ din il-grajja huwa meta Mark għamel rapport fuq il-karozza li kien qiegħed isuq Carter u li kienet mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni, kif titlob il-liġi. Dan l-inċident tat-traffiku seħħ f’Novembru tal-1998, f’Raħal Ġdid.  

Farrugia kellu pressjoni kbira biex dan ir-rapport ma jagħmlux biex ma jdaħħalx lill-kollega tiegħu fl-inkwiet, iżda Mark m’għamel xejn minn dan. Minn hemm beda l-pjan għall-vendetta.  

Erbat ‘ijiem wara l-qtil, Carter ġie mixli bil-qtil. Sentejn wara, fit-18 ta’ Novembru 2001, beda l-ġuri quddiem l-Imħallef Patrick Vella. L-avukati tad-difiża kienu John Attard Montaldo u Michael Sciriha. Dan filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Mark Said.  

Ġara iżda li mal-bidu ta’ dan il-ġuri inqatel kuntistabbli ieħor Roger Debattista. Huwa inqatel waqt hold-up fil-fergħa tal-BOV f’Ħal Qormi bi sparaturi li ikkawżawlu li jitlef ħafna demm. Minħabba dan il-każ id-difiża għamlet it-talba biex jiġi pospost is-smigħ biex il-ġurija ma jkunux preġudikati minħabba l-atmosfera li nħolqot fil-pajjiż.  

Said qal fil-Qorti li Mark kien bniedem eżemplari u li Carter ippretenda li Mark jagħlaq għajneh għar-reat. Huma kienu ilhom jafu lil xulxin għaliex it-tnejn kienu stazzjonati fl-għassa ta’ Raħal Ġdid.  

Dakinhar li seħħ l-inċident, Carter iltaqa’ ma xi nies li ma kellhomx grazzja ma’ Mark u dawn jinkludu lil Pawlu Degabriele (sid il-karozza) u persuna mlaqqma bħala ‘Tal-Bullets’. Il-prosekuzzjoni argumentat illi Carter kien lest li jpattihielu talli naqas milli jipproteġih u dan seta’ jkun possibbli b’xi arma provduta minn Tal-Bullets. 

Jumejn qabel id-delitt, insterqet Toyota griża mill-Belt Valletta. Carter saq il-vettura misruqa minn Triq San Pietru għal Triq Mater Boni Consilli fil-Fgura, b’persuna fin-naħa tal-passiġġier li kienet aramata bis-senter, bil-balaklavi u bl-ingwanti. Minn hemm huwa saq lejn ir-residenza tal-familja Farrugia li kienet tinsab fi Triq Neolitiċi Ħal Tarxien, ipparkja u qadu jistennew.  

Kien biss 10 minuti wara li tfaċċa Mark u nqatel.  

Waqt il-ġuri xehed l-Ispettur Mario Bonnici li spjega dwar is-suspett li kellha l-Pulizija dwar Carter. Meta dan ġie interrogat mill-Assistent Kummissarju John Rizzo, Bonnici qal li kien arroganti, tant li beda jipprova jiddieħaq bih. 

Min hu l-imsemmi Tal-Bullets? 

“Mhux se ngħid min hu għax nibża’ minnu. Il-Pulizija taf min hu.” Hekk qal Carter. L-identità ta’ din il-persuna baqgħet mistura sa llum u minkejja l-insistenza tal-Pulizija u tal-Qorti, Carter qatt ma kixef min hu. Fuq dan l-istess punt ħuh, Martin Carter, xehed li meta mar il-Kwartieri Ġenerali biex jirritorna tagħmir u dokumenti ta’ ħuh, Rizzo qallu li Etienne kien tifel sew “imma li kien miegħu dakinhar tad-delitt kien kapaċi jispara fuq uniformi ġo spalliera.” Rizzo ċaħad li qatt qal dan id-diskors  

Qal li Tal-Bullets beda jikkonviċih biex ipattiha lil Mark, għalkemm huwa ċaħad li qatt ma ried jasal li joqtlu iżda li jagħtih tbeżbiża biss.  

Punt interessanti huwa li skont ix-xhieda ta’ Rizzo, meta ġie arrestat Carter qal “lili arrestajtu? Ma kellkomx lil min tiġbru fuq il-qtil ta’ Mark Farrugia?”  

Carter xehed illi huwa beda jsuq il-karozza u Tal-Bullets, meta ra lil Mark miexi, tah daqqa fuq koxxtejh u qallu biex isuq. Qal li f’dak il-ħin huwa kien miexi fuq struzzjonijiet tiegħu, ma kienx jaf x’inhu jiġri u kien qisu robot.  

“Kont qiegħed nagħmel dak li jgħidli hu biss. Xgħelt il-karozza u soqt, iżda kif soqt ftit ieħor, qalli biex nieqaf. Dak il-ħin kont beżgħan u eċitat ħafna, tant li qas biss kelli saħħa nagħfas il-pedala u l-karozza baqgħet miexja. Tal Bullets ħareġ l-arma, għamilha quddiem wiċċi u spara tir. Wara morna u ħraqna l-karozza,” qal Carter.  

Huwa qal illi kien qiegħed jagħmila ma’ klikka ta’ nies u li kellu ċertu biża’ lejhom għaliex kienu jiftaħru li wettqu xi delitti. Sostna li kien jirċievi theddid għal ħajtu u dik ta’ familtu u beda jipprova jiskansahom. Tant hu hekk illi xehed li xtaq isiefer għal żmien twil.  

Minkejja l-insistenza tiegħu li l-klikka, inkluż Tal-Bullets, kellhom il-mottiv li joqtlu lil Mark qal li ma kienx jaf x’kien il-mottiv. Qal iżda li Tal-Bullets kellu mibgħeda partikolari lejn il-pulizija u saħansitra sostna li d-dehra tal-uniformi tal-Pulizija wkoll kienet iddejqu.  

Huwa qal li qatt ma kellu l-intenzjoni li jpattiha lil Mark, għalkemm kien irrabjat lejh. Fil-fatt qal li huwa prova jfixkel il-pjan biex jinqatel. Qal li qabel ma seħħ id-delitt kellu biża’ kbira li l-arma tad-delitt setgħet tintuża fuqu u li ma ħarabx għaliex beża’ li Tal-Bullets kien se jpattijielu. Stqarr li ried li jisparaw biss lejn il-bieb u mhux li joqtluh.  

Il-Qorti staqsiet ukoll jekk dan Tal-Bullets kienx raġel ħaj jew mejjet u għal dan, għal darb’ oħra, qal li kien qiegħed jibża’ jwieġeb.  

Xehdu wkoll tliet psikjatri li eżaminaw l-istat mentali ta’ Carter u sostnew li ma kienx isofri minn xi forma ta’ mard mentali li jċaħħdu milli jagħraf in-natura jew il-kwalità tal-att imwettaq. Madankollu irrimarkaw ukoll li fix-xhur ta’ qabel ma seħħ id-delitt kien taħt influwenza u pressjoni minn ċertu nies li setgħu kellhom effett negattiv fuq l-istat mentali tiegħu. Huma indikaw ukoll li Carter kellu sintomi ta’ dipressjoni, ansjetà u biża’ u li dawn setgħu jinfluwenzaw il-libertà tal-għażla tiegħu. 

Mary Carter, omm l-akkużat kienet l-aħħar persuna li xehdet fil-ġuri. Hija qalet li darba semmiet isem lil binha u li meta għamlet dan beda jirrabja magħha u qalilha biex ma terġax issemmih għax kien jasal joqtolha.  

Minkejja d-domandi tal-prosekuzzjoni dwar min hu dan il-persuna, hija qalet li ma setgħetx tikxef min hu dan għax kellha tifel ta’ 12-il sena li kien għadu jgħix magħha. Madankollu offriet li tgħaddi l-isem lill-Imħallef.  

X’kien il-verdett?  

Intant fl-indirizz tiegħu l-prosekutur għamel refernza għal numru ta’ affarjiet li ntqalu waqt il-ġuri u sostna li l-allegazzjoni ta’ Carter li Tal-Bullets kien wettaq id-delitt “kienet invenzjoni jew immaġinazzjoni tal-akkużat li beda tassew jemmen fiha u li dan kien frott it-toqol tal-kuxjenza tiegħu.”  

Min-naħa tiegħu l-avukat difensur irribatta li “l-akkużat la kien awtur tad-delitt, la kien koawtur u lanqas kompliċi skont il-liġi fil-qtil ta’ Mark.” Sostna wkoll li l-Pulizija għamlet żball li abbandunat l-investigazzjonijiet dwar il-każ u straħu fuq dak li qal Etienne Carter. Qal li l-pulizija kellha d-dover li tkompli tinvestiga biex issir taf min kienet it-tieni persuna involuta fil-qtil “u mhux riedu jsiru jafu min kienet mingħand l-akkużat.”  

Huwa għamel referenza wkoll għal Tal-Bullets u qal li kien bniedem mafjuż u li uża tifel immatur fi ħdan il-Korp.  

Fl-aħħar, wara sitt sigħat ta’ deliberazzjoni, il-ġurati sabuh ħati. Bi tmien voti kontra wieħed huwa nstab ħati tal-qtil, b’vot unanimu nstab ħati li laqa’ għandu karozza misruqa, li kien kompliċi tal-ħsara li saret lill-karozza u li kellu arma tan-nar jew munizzjon mingħajr permess. Apparti minn hekk bi tmien voti kontra wieħed, il-ġurati talbu wkoll il-ħniena fis-sentenza.  

Għaldaqstant l-Imħallef Vella, b’konsiderazzjoni tal-punti mqajjma waqt il-ġuri ikkundannat lil Etienne Carter għal 22 sena ħabs. Madankollu rapporti tal-midja jgħidu illi Carter ġie rilaxxat wara 14-il sena, jiġifieri fl-2013.  

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ittieħdet mill-ktieb ta’ Eddiet Attard u rappurtaġġ tal-Kmamar tal-Aħbarjiet.  

More in Socjali