‘Iċċaraw id-definizzjoni ta’ vjolenza domestika, għax qed tinħela ħafna enerġija’

Nafu li hemm problema ta’ riżorsa iżda x’se jsir biex insolvuha? L-ILLUM titkellem mal-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri bħala reazzjoni għar-rakomandazzjonijiet li saru  fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Bernice Cilia u meta dawn se jiġu implimentati 

“Qed tinħela ħafna enerġija fuq każijiet li qed jitqiesu bħala vjolenza domestika u li m’għandhomx jaqgħu f’dik il-kategorija.” Hekk qalet il-Kummissarju kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, mal-gazzetta ILLUM, b’reazzjoni għall-konklużjonijiet fl-inkjesta dwar il-femiċidju ta’ Bernice Cilia.  

Immaġinak qiegħed tgħix b’mod temporanju f’hostel u żewġ persuni li qed jaqsmu l-kamra miegħek kellhom xi jgħidu u wieħed ta daqqa ta’ ħarta lill-ieħor. F’għajnejn il-liġi dan huwa każ ta’ vjolenza domestika. Fil-verità din mhix skorretta, madankollu l-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, fil-konklużjonijiet, sostna illi din hija definizzjoni “wiesgħa ħafna li tkopri ħafna sitwazzjonijiet li mhux neċessarjament jitqiesu bħala vjolenza domestika, għax ma jeżistux tendenzi ta’ imġieba ħażina .”  

Għaldaqstant din ir-realtà, anke bħalma sostna Valenzia, toħloq inkonvenjent għall-uffiċjali li jaħdmu fi ħdan il-Unit tal-Vjolenza Domestika meta dawn diġà għandhom pressjoni minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u żieda sostanzjali fir-rappurtaġġ.  

L-ILLUM staqsiet lill-Friggieri proprju dwar dan u fuq liema aspetti legali din għandha tiġi emendata. Bi qbil ma’ Valenzia hija sostniet li huwa veru li każijiet bħal dak li semmiet l-ILLUM jaqgħu taħt l-istess kappa ta’ vjolenza domestika għax il-persuni jkunu taħt l-istess saqaf. 

“Bir-riżorsi prezzjużi li għandna - anke meta wieħed iqis li f’ċertu każi ikun hemm sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt - iva, għandna nirranġaw id-definizzjoni,” qalet Friggieri.  

Hija spjegat illi d-definizzjoni għandha tiġi emendata b’tali mod illi tiffoka fuq membri ta’ household u li jinkludi koppji – anke dawk li m’għadhomx flimkien - ħbieb intimi tal-familja u dawk kollha li għandhom jew kellhom relazzjoni ma’ xulxin. “B’dan il-mod, ir-riżorsi li għandna nużawhom biex inkunu nistgħu ngħinu lil nies li qed jiġu ivvittimizzati ġewwa darhom,” kompliet Friggieri.  

‘Ikolli nammetti li ma kontx sorpriża bil-konklużjoni’  

L-Imħallef Emeritu elenka numru ta’ raġunijiet li setgħu wasslu għaż-żewġ sfidi li swew ħajjet Bernice Cilia. Valenzia qal illi filwaqt li dak li ġara fil-każ ta’ Bernice ma kienx tort ta’ persuna partikolari, is-sistema kollha tal-vjolenza domestika “ma ħadmitx kif kellha taħdem billi ma ipproteġietx lil min kien qed jitlobha ripetutatment għall-protezzjoni.”  

Qal illi n-nuqqas ta’ riżorsi u ż-żieda fix-xogħol, “wassal għad-dewmien fl-iproċessar tar-rapporti, nuqqas ta’ assessjar jew assessjar ħażin u rispons mhux adegwat u immedjat min-naħa tal-Pulizija.”  

Iżda l-Kummissarju sorpriża b’din il-konklużjoni?  

“Ikolli nammetti li ma kontx sorpriża, le. Ikkonfermajt dak li kont qed nisma’ u dak li nħoss, peress li naħdem ma’ nies li għaddew minn l-esperjenza jew li jaħdmu ma’ dawn il-persuni,” sostniet Friggieri.  

Minkejja dan, tinnota b’pożittività l-fatt li dan ġie rikonoxxut mill-inkjesta, għax temmen li dan il-ġudizzju jista’ jagħti direzzjoni ikbar lejn miżuri li jeħtieġ li jittieħdu immedjatament.  

Infakkru li f’din l-inkjesta Valenzja saħaq li riċerka, dokumentazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar vjolenza domestika hemm kemm trid fil-fatt irrimarka illi “l-inkjesta saret għal xejn u ma kinitx meħtieġa.”  

L-ILLUM tiġbdilha l-attenzjoni u tfakkarha f’dan il-kliem u tenniet illi filwaqt li għandha rispett lejn ir-riżultat tal-inkjesta, ma tgħidx illi din saret għalxejn għax daħlet f’dettall b’reqqa kbira. “Nazzarda ngħid illi għalkemm huwa minnu li ċertu realtajiet kienu magħrufa, kienu sporadiċi.”  

Hija qabblet din l-inkjesta ma’ persuna li qed tagħmel ir-riċerka u li wieħed ma joqgħodx biss fuq dak li jisma’ iżda r-riċerka tkun iffukata u l-persuna tgħarbel is-sorsi eżistenti kollha. Qalet ukoll illi l-fatt li saret inkjesta turi ċertu responsabilità min-naħa tal-Gvern, “biex ngħarblu aktar mill-viċin u nippruvaw insiru nafu verament x’hemm u x’ma hemmx fis-sistema li mhux qiegħda taħdem kif suppost.”  

‘Il-protection order qiegħda hemm għal skop u dawk li għamlu reat ma jistgħux ma jobduhiex’  

Friggieri, bi qbil ma’ Valenzia tisħaq illi hemm bżonn li jsir titjib fis-sistema ta’ protection orders.  

Din l-ordni tingħata lill-allegat agressur biex iżommu d-distanza mill-vittma sakemm jintemmu l-proċeduri legali. Fost ir-raġunijiet għala tingħata din l-ordni, din tipprevjeni lill-agressur milli jintimida jew ibeżża’ lill-vittma. 

Valenzia sostna illi filwaqt li l-protection orders huma neċessarji, qal li mingħajr monitoraġġ u kontroll fuq l-akkużat, is-sistema ma tistax tkun effettiva. Widdeb ukoll illi din m’għandhiex toħroġ biss fuq talba tal-vittma, kif issir b’mod ġenerali preżentament.  

Intant Friggieri sostniet illi, “biex is-sistema taħdem u taħdem sew, irid ikun hemm ir-riżorsi umani, finanzjarji u l-istrutturi meħtieġa. Din hija xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha aktar.” Dan filwaqt illi qalet li din qiegħda hemm għal skop u dawk li għamlu reat ma jistgħux ma jobduhiex, inkella jiksru l-liġi.  

‘Ir-rakkomandazzjonijiet se jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun’  

Biex nibqgħu mat-tema ta’ Valenzia, ikun għaqli li nużaw il-frażi Maltija; Bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti. Min-naħa l-oħra, huwa notevoli li l-fatt li żdiedu r-rapporti – għalkemm mhux xi ħaġa sabiħa li jkun hemm rapporti fl-ewwel istanza – huwa messaġġ ċar illi l-għajta biex il-vittmi jfittxu l-għajnuna, qed tasal u għaldaqstant il-progress jista’ jiġi innotat.  

Għalhekk il-pass li jmiss huwa l-azzjoni u ċarament li din l-inkjesta tħoss illi din hija nieqsa. Għaldaqstant l-ILLUM tistaqsi dwar meta se jkunu qed jidħlu fis-seħħ dawn ir-rakomandazzjonijiet.  

Għal dan Friggieri sostniet illi bħalissa qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni u studju. Hija saħqet illi qed ikun hemm laqgħat interni biex jiġi diskuss il-pass li jmiss. L-ILLUM twaqqafha u tistaqsi jekk hemmx tragward ta’ meta se tintemm il-konsultazzjoni u jibdew l-inizjattivi. “M’hemmx tragward ta’ meta se jitwettqu r-rakomandazzjonijiet iżda l-intenzjoni hija li dawn jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun,” temmet tgħid mal-ILLUM il-Kummissarju Audrey Friggieri.  

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Valenzia miġbura f’10 punti:  

Qabel xejn Valenzia għamel referenza għal numru ta’ inizjattivi illi diġà saru sa issa, inkluż l-Istrateġija Nazzjonali għall-Vjolenza ibbażata fuq il-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u studju magħmul mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta, fost oħrajn. “Hemm bżonn li r-riżorsi jkunu hemm biex l-implimentazzjoni tkun effettiva,” qal Valenzia.  

Iżda x’irrakomanda?  

  • Aproċċ multidixxiplinarju  fejn jiġu involuti l-aġenziji kollha taħt saqaf wieħed biex il-vittma tingħata l-għajnuna, b’mod immedjat. Irrakomanda wkoll Standards Operating Procedures (SOPs) biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-Qrati, il-Pulizija u l-professjonisti flimkien.  

  • Is-sistema ta’ assessjar għall-vittmi għandha ssir minn persuni ikkwalifikati u mħarrġa u jsiru fi ħdan il-unit tal-vjolenza domestika. 

  • Filwaqt li nomina ta’ Maġistrat ieħor huwa tajjeb jemmen illi dan mhux biżżejjed u għaldaqstant maż-żieda fil-Maġistrati se jkun hemm bżonn ta’ aktar Pulizija biex ilaħħqu mas-seduti.  

  • Ko-ordinazzjoni bejn il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Familja biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dik ta’ Bernice Cilia, fejn il-Qorti tal-Maġistrati tagħti protection order u l-Qorti tal-familja tapprova tliet aċċessi tal-ulied fil-ġimgħa u anke jitħallew jorqdu għand l-allegat agressur.  

  • Jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ social workers.  

  • Filwaqt li nnota l-ħsieb tal-introduzzjoni tal-electronic tagging, dan jirrikjedi ammont sostanzjali ta’ monitoraġġ, u għaldaqstant talab għal aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. “Il-pulizija jsostnu li huma ma jistgħux u m’għandhomx nies biex jagħmlu monitoraġġ għal 24 siegħa,” qal Valenzia. Għaldaqstant, huwa issuġġerixxa illi t-tagging ikun f’idejn aġenzija illi tieħu ħsiebhom hi.  

  • Filwaqt li diġà qiegħed jingħata t-taħriġ lill-pulizija, jemmen li dan għandu jkun iffukat fuq ix-xogħol partikolari li qed isir mill-unit speċjalizzat. Ippropona li taħriġ bħal dan għandu jingħata lill-ġudikanti wkoll.  

  • Indirizz ħolistiku. Valenzia saħaq li l-persuna li wettqet ir-reat ukoll għandha tingħata l-għajnuna u jsir monitoraġġ fuqha.  

  • Tibdil fil-kultura permezz ta’ edukazzjoni kontinwa.  

X’irrakomanda li qiegħed jiġi implimentat?  

  • Valenzia sostna illi d-depot mhux ambjent adattat biex vittmi jagħmlu r-rapporti fuq vjolenza domestika u li “wasal iż-żmien biex il-vjolenza domestika toħroġ mill-Kwartieri Ġenerali għal binja aktar aċċessibbli u family-friendly.” Huwa iċċara illi diġà qiegħed isir xogħol biex dan jiġi indirizzat.  

Fil-fatt il-Kummissarju wkoll għamlet referenza għal dawn il-hubs u fakkret li l-għassa ta’ Santa Luċija u dik tal-Imsida se jkunu atrezzati għas-servizzi meħtieġa. Hija iddeskriviet din l-inizjattiva bħala “pass għaqli, għax għalkemm kienet xi ħaġa tajba li infetħet il-unit ta’ vjolenza domestika, dawn il-hubs se jkunu postijiet newtrali u li se jservu biex jitnaqqas il-ħin tal-istennija.”  

Min hi Bernice Cilia?  

Għal ħafna vittmi ta’ vjolenza domestika u għall-familja ta’ Bernice Cilia, huwa diffiċli li jinsew dak li ġara nhar it-22 ta’ Novembru. Dakinhar, intemmet ħajjet Bernice, allegatament minn dak illi suppost kien iħobbha, żewġha Roderick Cassar.  

Minn dakinhar, smajna fil-Qorti dwar ir-relazzjoni turbulenti li kellhom il-koppja miżżewġa u minkejja l-attentati tagħha biex iżżomm ir-relazzjoni tagħhom stabbli minħabba uliedhom, kellha titlaq minn darha biex tipprova taħrab mit-theddid u l-vjolenza.  

Cilia kienet għamlet dak kollu mitlub minnha biex taħrab mir-relazzjoni tossika. Temmet ir-relazzjoni, irraportat darba darbtejn u għamlet rikors għall-protection order. Intant fl-aħħar ħames xhur qabel mewtha, Bernice kienet għamlet tliet rapporti ta’ vjolenza domestika. L-aħħar delitt seħħ lejliet id-delitt meta Cassar kiteb fuq Facebook li t-tpattija kienet importanti.  

F’xhieda fil-Qorti zitha, li ddeksriviet lilha nnifisha bħala t-tieni omm tagħha, qalet illi Bernice telqt minn dahra, mhux għas-sigurtà tagħha biss iżda għax ma riditx tħallihom f’ambjent ta’ vjolenza.  

Dakinhar li nqatlet, Cassar kien saħansitra ċempel lil missier Cilia u qallu “qtiltlek lit-tifla.”  

Dan il-każ qajjem furur proprju għaliex Cilia għamlet dak kollu possibbli biex tipprova tikseb protezzjoni minn xi ħadd li heddida li se joqtolha diversi drabi. Ir-rabja kompliet tiżdied meta ġie irraportat li ġimgħa u nofs qabel ma nqatlet, Bernice u l-avukat tagħha marru l-Kwartieri jagħmlu rapport u damu seba’ sigħat biex jagħmlu rapport.  

Oħtha Alessia Cilia, ftit wara li nqatlet, qalet illi, “Bernice kienet irraportat u tkarrbet għall-għajnuna iżda l-awtoritajiet qatt ma taw kas. Kienet imdejjqa għax kienet taf li dalwaqt ġej il-Milied u bdiet tiġġieled għas-sigurtà tagħha u ta’ uliedha.”  

More in Socjali